Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità Marittima ta' Malta — liċenzja tas-sewqan tad-dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi ta' persuni li tteħditilhom il-liċenzja għas-sewqan tad-dgħajjes, wara deċiżjonijiet tal-qrati u li fil-fatt reġgħu applikaw u ngħataw liċenzja għal dan it-tip ta' sewqan mill-Awtorità Marittima ta' Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ liċenzji għas-sewqan ta’ dgħajjes li ġew maħruġa wara li għaddiet s-sospensjoni mogħtija mill-qrati huwa ta’ 100.

Ipparkjar ta' karozzi quddiem residenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8671 u 8564 u jara x'jista' jsir fuq il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, sabiex tiġi solvuta l-problema akuta li qed tgħaddi minnha din il-familja li qed jipparkjawlhom il-karozzi litteralment quddiem il-bieb tad-dar tagħhom, jiġifieri bl-exhaust pipe iħakkek mal-bieb ta' barra, apparti li qed jostakolawlhom il-passaġġi u l-bankina? Tista' ssir xi ħaġa biex din il-problema tiġi solvuta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi — estimi fuq tariffi

Question

B’referenza għat-tnaqqis fil-prezzijiet ta' konsum ta' dawl, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8614 u jikkonferma jekk it-telf li sofriet il-Korporazzjoni Enemalta mill-hegding agreements ġiex mgħoddi fuq il-konsumatur? Jekk le hux il-ħsieb tal-Gvern li eventwalment matul din is-sena dan it-telf jgħaddih fuq il-konsumatur ? Peress li meta l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi kienet qed tanalizza l-aħħar stimi tal-KMPG fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma l-estimi mibgħuta mill- KPMG kienu kkakolati fuq il-bażi ta' TOTAL TARGET RECOVERY ta' €305.1 miljun mit-tariffi , u peress li fil-kalkoli tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi, dan it- target issa nieżel għal €254 miljun jfissirx effetivament li r-roħs fit-tariffi huwa biss ta' 16.5% u mhux kif stqarr pubblikament il-Prim Ministru ta' 22%?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Eureka Services ltd. — Eureka Images Database - kopja

Question

B'referenza għall-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' Eureka Services ltd., jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8680 u jinforma min hija l-persuna li skont il-ftehim qed tingħata kopja ta' "Eureka Images Database kif supplimentata u awmentata minn jum għal jum"? Kull meta qegħda tingħata kopja aġġornata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Eureka Services Ltd. — ħlas mingħand il-gvern

Question

B'referenza għall-kuntratt li l-Gvern iffirma ma' Eureka Services Ltd., jista' l-Mininstru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8675 u jinforma kemm kien l-ammont ta' ħlas li l-Gvern ħallas lil kumpannija għas-servizzi li din tat lill-Gvern matul is-sena 2001 sas-sena 2009 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Eureka Services Limited — ħlas fuq riċerki

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8685 u jgħid kemm l-Gvern ħallas lil Eureka Service Limited xahar b'xahar matul is-sena 2007, 2008 u 2009 għal ħlas ta' riċerki? Kemm daħħal flus il-Gvern xahar b'xahar għall-istess perijodu mingħand nutara u l-pubbliku ġenerali għall-istess riċerka? Kemm kienu r-riċerki li ma nġabrux u l-Gvern ħallass tagħhom lil imsemmija kumpannija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

persuni b'diżabilità — eżentati mill-ħlas tal-liċenzja tat-triq

Question

Peress li issa in konsegwenza tat-talbiet li saru fuq ħlas tad-dazju fuq il-vetturi, il-persuni b'diżabilità ġew affetwati avversament, ma jaħsibx il-Ministru li ta' l-inqas dawn il-persuni għandhom jiġu eżentati mill-ħlas tal-liċenzja tat-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Valletta — Marsamxett Road - lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-Joint Office f'Marsamxett Road, Valletta m'hemmx lift u dan meta bil-liġi anki sempliċi stabbiliment kummerċjali jrid ikollu lift? M'huwiex il-każ li l-Gvern qed jikser il-liġi huwa stess?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Xlendi — Baga li tintuża mill-cruise ships

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8026, 8540 u 8746 u jgħid din is-sena u fis-sentejn 2010 u 2011 kemm cruiseships mistennija jagħmlu użu mill-baga li se titqiegħed ix-Xlendi? Meta mistennija titqiegħed din il-baga?

Response (GATT, AUSTIN)

Din l-informazzjoni tkun tista tingħata biss wara li l-baga msemmija tiġi wżata.

Fabbriki — Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali li għandhom jitħallsu f’kontijiet tad-dawl u ilma minn fabbriki li joperaw minn Malta u Ghawdex? Kemm hemm li ilhom aktar minn sena li ħallsu xi kont u kemm ilhom aktar minn tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-kategorija ta' klijenti li qed jirreferi għaliha mhiex kategorija distinta fil-ħdim tal-kontijiet (bħal m'huma per eżempju il-kontijiet residenzjali) ma nqisx li nista' nipprovdi l-informazzjoni li qed jitlob mingħajr il-permess tal-klijenti infushom. Dawn għandhom relazzjoni purament kummerċjali ma' l-Enemalta u allura hu fin-natura ta' din ir-relazzjoni li l-informazzjoni li ssir magħrufa lill-Enemalta tkun trattata b'rispett għall-kunfidenzjalita'.

Konsum tal-elettriku minn users domestiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-livell ta' konsum tal-elettriku fuq skala nazzjonali minn users domestiċi minn Ottubru sa tmiem Jannar li għadda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'dan l-istadju l-Korporazzjoni għad m'għandhiex statistika relatata fuq użu domestiku għax-xhur referiti mill-Onor. Interpellant.

Wardija — tiswijiet f'toroq

Question

Wara li l-korporazzjonijiet responsabbli minn xi servizzi għamlu xogħol neċessarju fl-inħawi tal-Wardija, jista' l-Ministru jassigura li dawn l-istess korporazzjonijiet iwettqu x-xogħol ta' tiswija neċessarju biex it-toroq fil-fatt jiġu re-instated?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet in kwistjoni ser isiru mill-Kunsill Lokali wara ftehim li sar bejn l-entitajiet ikkonċernati li permezz tiegħu il-Kunsill ingħata parti sew mill-fondi meħtieġa mill-istess entitajiet.

Awtorità dwar it-Trasport — Liċenzja għal double-deckers open tops

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6523 u jgħid kemm-il liċenzja ngħatat mill-Awtorità dwar it-Trasport sabiex jigu operati double-deckers open tops matul dawn l-aħħar erba' snin? Lil min ingħataw dawn il-liċenzji u għal liema skop qed jintużaw? Jista' jispjega għaliex liċenzja simili għadha s'issa ma ngħatatx. lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jaf bid-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust f'każ simili ftit xhur ilu fil-każ tal-Garden of Eden? Jista' jgħid x'inhuma l-konsiderazzjonijiet tiegħu fuq tali deċiżjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sa issa l-ADT illiċenzjat ħmistax-il Open Top Bus. Minn dawn tnax kienu inħarġu f’isem Supreme Travel Ltd biex joperaw fuq żewġ rotot kif kienu kkuntrattati mal-ADT u t-tlieta l-oħra inħarġu f’isem il-Garden of Eden Garage Ltd . Infurmat ukoll li għal issa l-ADT mhix qed tipproċessa aktar applikazzjonijiet għal Open Top Buses u dan sakemm tkun iffinaliżżata l-policy tal-Gvern dwar is-settur kollu tat-trasport pubbliku bla skeda.

Qxur u laneċ mhux reġistrati

Question

Fid-dawl li t-traffiku fil-baħar tal-qxur u laneċ mhux reġistrati madwar Malta u Għawdex qed jiżdid, x'passi qed jieħu l-gvern biex jsaħħaħ is-sigurtà tas-sajjieda tagħna meta dawn jkunu qed jaqdu dmirijiethom u joħorġu jistadu fl-ibħra tagħna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità Marittima ta’ Malta, skond ir-regolamenti u l-poteri applikabbli, għaddejja b’ħidma kontinwa sabiex issaħħaħ l-infurzar tagħha sabiex twaqqaf u żżomm milli joperaw opri tal-baħar fl-ibħra territorjali u interni ta’ Malta li jinstabu mhux reġistrati mal-ebda reġistru Malti jew barrani, jew inkella jkunu mingħajr ebda marka uffiċjali tar-reġistrazzjoni. Dan l-infurzar qiegħed isir b’kooperazzjoni mal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll b’kolloborazzjoni mad-Dipartiment tas-Sajd bil-mezzi disponibbli kemm minn fuq l-art kif ukoll mill-baħar. Passi legali jittieħdu kontra sidien, operaturi u kaptana li jinqabdu jiksru l-liġijiet u r-regolamenti.

Bormla — Santa Liena - Ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6559 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Ambjent Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi proġett maħsub dwar l-użu aħjar tal-ġibjuni ta' Santa Liena, Bormla? Hemm xi ħsieb li jkunu msewwija biex jilqgħu fihom il-kapaċità oriġinali tal-ilma li għalihom kienu maħsuba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-fatt il-ġibjuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant qatt ma kienu jaqgħu taħt ir-resposabbiltà tal-Water Services Corporation.

Żieda fil-prezzijiet tal-fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jista’ jiġġustifika ż-żieda fil-prezzijiet tal-fuel mill-1 ta’ April 2009 meta l-prezzijiet fis-suq internazzjonali għadu baxx? Jista’ jgħid ukoll x’impatt se jkollu fuq l-industrija li għaddejja minn żminijiet diffiċli? Kif jissostanzja l-fatt li waqt li l-Gvern qed jgħin lil industriji li qegħdin f’diffikultà jkompli jżidilhom il-piżijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Kuntrarju għal dak li qed jaħseb l-Onor Interpellant, il-prezz ta' "fuels" (ie petrol u diesel) żdiedu fi Frar u f'Marzu fis-swieq internazzjonali u mhux naqsu! Għalekk kienet meħtieġa żieda fil-prezz lokali għaliex kuntrarju għall-bakketta maġika li l-Partit Laburista jippretendi li għandu meta l-prezz taż-żjut jgħola fis-swieq internazzjonali irid jogħla hawn Malta ukoll! L-Onor Interpellant forsi nnota li f'Mejju ma saritx reviżjoni oħra tal-petrol u d-diesel imma l-prezz baqa' l-istess. Dan seħħ għaliex il-prezz internazzjonali ma ċċaqlaqx f'April u allura l-anqas ċċaqlaq f'Malta. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu nispera li l-Onor Interpellant mhux jissuġġerixxi li nissusidjaw il-fuels lill-industrija għaliex naħseb jaf illi dan hu kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u illegali. Jekk jidhirlu li xorta għandna nagħtu dan is-sussidju nkun kurjuż ħafna nkun naf mill-but ta' min għandu jiġi dan is-sussidju?

Bingemma — arbli tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jassigura li numru ta' arbli tad-dawl f'Binġemma limiti tal-Imġarr jinbidlu ma' oħrajn ġodda għaliex jinsabu ta' periklu u ta' inkonvenjent għar-residenti u l-bdiewa tal-madwar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-arbli se jiġu spezzjonati u dawk li huma difettużi se jiġu mibdula.

Naxxar — Sqaq il-Kustinjuż - triq b'wiċċ ġdid

Question

Billi Sqaq il-Kustinjuż limiti tan-Naxxar jinsab fi stat ħażin ħafna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li l-ħsarat li hemm jitneħħew billi jsir wiċċ ġdid f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali xogħol ikun jista' jsir meta u jekk ir-riżorsi jkunu jippermettu.

Naxxar — limiti tal-Budaq - ħsarat fis-sistema tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru rapporti ta' ħsarat fis-sistema tal-ilma fl-inħawi magħrufa bħala il-Budaq, limiti tan-Naxxar, matul l-aħħar 12-il xahar? X'tip ta' rimedji fil-fatt ittieħdu biex dawk li għandhom residenza, attività kummerċjali jew dik agrikola f'dawn l-inħawi jinqdew bl-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar 12-il xahar, il-KSI sarulha 15-il rapport ta' ħsarat fis-sistema tal-ilma fl-inħawi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant u fil-fatt il-KSI għamlet 23 tiswija ta' diversi kanen ta' ilma. 8 minn dawn it-tiswijiet saru fi Sqaq il-Kustinjuż li jifforma parti minn dawn l-inħawi. Peress li l-mejn f'dan l-isqaq huwa fi stat ħażin hemm il-pjan biex dan jinbidel iktar tard matul din is-sena.

antenni tat-telekomunikazzjoni — emissjonijiet elettro manjetiċi

Question

Peress li f'pajjiżna qed jitwaħħlu diversi antenni tat-telekomunikazzjoni u b'hekk qed ikollna antenni qrib xulxin b'konċentrazzjoni ta' emissjonijiet elettro manjetiċi, jista' l-Ministru jgħid x'passi u x'miżuri qed tieħu l-Awtorità tal-Kommunikazzjoni biex jiġi moniterjat l-impatt ta' dan kollu fuq is-saħħa tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat -tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8392.