Legislature:
Category:
Reset
Active:

sejħa għall-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti CT 2445/09 liema sejħa għalqet fit-3 ta' Settembru, 2009 filwaqt li jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tali sejħa terġa' tiġi ppubblikata jekk l-ebda mill-offerti riċevuti ma tilħaq il-kriterji stabbiliti fis-sejħa għall-offerti? Jekk fin-negattiv, meta hemm il-ħsieb li ssir rakkmandazzjoni finali lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex tali offerta tkun tista' tingħata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-aġġudikazjoni ta’ l-offerti kienet ġiet konkluża. Il-Kumitat ta’ evalwazjoni sab li ħadd mill-offerenti ma onora l-kundizzjonijiet kollha tas-sejħa għall-offerti u għaldaqstant irrakmanda li din is-sejħa għandha tiġi kkanċellata. Din ir-rakmandazzjoni ġiet approvata mill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti u d-Dipartiment tal-Kuntratti kien ippublika avviż f’dan ir-rigward fit-2 ta’ Diċembru 2009. Wara li għalaq il-perjodu ta’ appell u billi ħadd ma appella minn din id-deċiżjoni inbdiet proċedura negozjata ma’ kull minn tefa offerta għas-sejħa ta’ offerti. L-offerenti ġew imfehma x’nuqqasijiet kien hemm minn naħa tagħhom u ġew mistiedna biex jerġgħu jitfgħu offerta ġdida fid-Dipartiment tal-Kuntratti sas-6 ta’ Lulju 2010.

Sejħa għall-offerti għal Electricity Connector between Malta and Sicily

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-Bord ta' Aġġudikazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta li qed jevalwa s-sejħa għall-offerti għal Electricity Connector between Malta and Sicily CT 2445/09? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti li qed jgħinu lill-istess Bord ta' Aġġudikazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba l-fatt li għadna fil-istadju ta’ Evalwazzjoni u Aġġudikazzjoni, huwa prematur li tingħata din l-informazzjoni minħabba s-sensittività tal-proċess.

Interconnector bejn Malta u Sqallija

Question

B'referenza għall-interconnector bejn Malta u Sqallija, jista' l-Ministru jgħid jekk il-fondi li Malta ġiet identifikata li tibbenefika minnhom taħt il-European Energy Programme for Recovery tal-Unjoni Ewropea, ġewx mgħoddija digà lil Malta? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li dawn jiġu mgħoddija u x'konsultazzjonijiet qegħdin isiru min-naħa tal-Planning and Priorities Co-ordination Division fid-dawl tas-sejħa għall-offerti għall-istess interconnector?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-fondi li huma allokati lil Malta jaqgħu taħt il-programm tal-EEPR se jiġu mogħtija lil Malta fuq pro-rata wara li jiġu konklużi l-ispejjeż tal-proġett bħal ma jsir is-soltu għal proġetti li jingħataw fondi mill-EU.

Fond għall-Kawżi Ġust — għotjiet mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lil dawk l-għaqdiet jew soċjetajiet u/jew lil kulmin ingħata għotja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-15 ta’Ġunju 2010? Jista’ jagħti din l-informazzjoni xahar b’xahar? Jista’ jelenka r-raġuni fil-qosor għal kull għotja li ngħatat?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel refernza għal-lista li qed nippreżenta u li tikkonsisti f’elenku ta’ dawk l-għaqdiet jew soċjetajiet u/jew lil kull min ingħata għotja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti, mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-lum. Ir-raġuni fil-qosor għal kull għotja li ngħatat qiegħda fl-ewwel kolonna tar-rapport.

Corporate Village

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentai 18458 u cioè: B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18229, jista' jikkonferma li l-art kollha li fuqha se jsir il-proġett Corporate Village hi propjetà tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-parti l-kbira ta’ l-art li fuqha se jsir il-proġett hi proprjetà tal-gvern, filwaqt li parti żgħira tal-art hi privata.

Rabat — garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-row ta' garaxxijiet wara Block D, Nigret Housing Estate, Għajn Kajjet, Rabat li qabel kienu jintużaw bħala ħwienet iżda llum huma vojta, jistgħux jinħarġu għall-kiri?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fiż-żona indikata minnu, hemm 3 iħwienet u garaxx li huma vojta. Wieħed minn dawn il-ħwienet inħareġ għall-kiri wara sejħa għall-offerti, iżda ma kien hemm l-ebda offerta mitfugħa. Dwar il-propjetajiet l-oħra li hemm vojta qed isir il-proċess biex dawn ukoll joħorġu għall-kiri.

Konsum ta' ilma f'Għawdex

Question

B'referenza għall-konsum tal-ilma f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid: i) kemm ilma ġie prodott f'Għawdex mill- acquifers /spieri ii) kemm ġie polished minn dan l-ilma iii) kemm ġie esportat ilma miċ-Ċirkewwa għall-Għadira għas-sena 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-figuri huma bbażati fuq totali għas-sena kalendarja 2009: i. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ppumpjat total ta’ 2,288,012 m3 mill- acquifiers/ spieri ta’ Għawdex. ii. Minn dan l-ilma 598,946 m3 ġew ‘ polished’ . iii. Din il-mistoqsija ma nftehmitx. Qed jiġi maħsub li l-Onorevoli interpellant ried jgħid “għal Għawdex” u mhux “għall-Għadira”. Ilma li ġie esportat miċ-Ċirkewwa għal Għawdex huwa ta’ 638,290 m3.

Interconnector tender ma' Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18304 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il darba l-interconnector tender ma' Sqallija se jiġi maqsum f’żewġ tenders, x’wassal għal dan l-isplitting? Jista' jindika jekk il-problemi ta’ likwidità ta’ flus kienux fost il-fatturi in kwestjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Policy for energy — Sicilian interconnector

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18450 u 18109 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjon u lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuti lilu u ċioe: Filwaqt li fil-policy for energy meta tkellem dwar is-Sicilian interconnector il-gvern kien stqarr permezz tal-Awtorità tar-Riżorsi ta’ Malta li kien qed jaħseb dwar 2x 100mw cable u f’rapporti riċenti ssemmew 2x200mws, jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-verżjoni korretta, meta nbidlet u għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Interlink ma' Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18505 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’arranġamenti saru jew qed isiru mal-awtoritajiet Taljani u minn min, sabiex l-interlink tagħna ma' Sqallija jiġi kollegat man-network Ewropew? Se jkun hemm bżonn ftehim mal-Aġenzija Taljana Terna u jekk iva min jrid jilħaq dan il-ftehim, il-Gvern Malti jew l-entità kummerċjali li tirbaħ it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-konnessjoni tal-interconnector man-network tal-HV (high voltage) Taljana se jkun suġġett ta’ ‘connection agreement’ bejn l-operatur tat-transmissjoni Taljana Terna u Enemalta. Negozjati fuq dan l-agreement diġà għaddejjin bejn Enemalta u Terna.

Elecricity Generation Plan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18577 u 18122 u jgħid għaliex u meta l-gvern iddeċieda li jabbanduna l-Elecricity Generation Plan 2006-2015 li kien ibbażat fuq in-natural gas bħala t-triq ‘il quddiem u fuq liema livell ittieħdet id-deċiżjoni strateġika li jsir dan il-u-turn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern m’abbandunax il-Generation Plan. L-użu tan-Natural Gas kienet biss possibiltà u ma kinitx deċiżjoni definita u ma kien hemm l-ebda U-turn. Minn analiżi mwettqa, il- pipeline tal-gass mhix vijabbli fil-preżent għax meta tinkorpora l-ispejjeż kapitali meħtieġa fuq il-prezz tal-gass, dan iwassal biex din l-oppożizzjoni ma tibqax kompetittiva meta mqabbla mal-għażliet l-oħrajn. Filwaqt li s-sitwazzjoni tkun qed tiġi rriveduta perjodikament fid-dawl tal-bidliet fis-swieq internazzjonali, għal mument qed jiġu studjati opzjonijiet oħra.

konsum ta' ilma li jsir f'Malta għal skopijiet differenti

Question

B'refenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18478 u b'mod partikolari b'referenza għall-mudell li nbena biex kienet miġbura l-informazzjoni, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-mudell kif applikat, kif ukoll liema kienu s-799 ażjenda agrikola li fuqhom sar l-istħarriġ indikat fir-risposta? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-ażjendi?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Gozo Channel — Ċirkewwa - faċilitajiet Sanitarji

Question

Peress li l-ħaddiema tal-Gozo Channel li qegħdin iċ-Ċirkewwa m'għandhomx faċilitajiet sanitarji, jista' l-Ministru jara li jiġu provduti b'dawn il-faċilitajiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Istruttura tal-portijiet taqa' taħt r-responsabilità ta’ Transport Malta li qed jieħu ħsieb sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji li jkun hemm il-facilitajiet sanitarji kollha anke fiċ-Ċirkewwa.

Tax Credit Scheme RA7

Question

B'referenza għall-iskema tat-tax credit RA7, jista' l-Ministru jara li r-refunds jinħarġu fuq isem il-mara u mhux ir-raġel peress li din l-iskema hija mmirata lejn in-nisa u allura ġustament ir-refund għandu jinħareġ fuq in-nisa u mhux fuq l-irġiel?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lilll-Onor. Interpellant illi skont is-sistema tat-tassazzjoni f’Malta, fil-każ ta’ koppja miżżewġa li jgħixu flimkien, il-formola tat-taxxa, il-kont tat-taxxa, ir-refunds, u kwalunkwe komunikazzjoni oħra toħroġ f’isem il-konjugi responsabbli. Hija l-koppja miżżewġa stess li tagħmel l-għażla dwar min minnhom ikun il-konjugi responsabbli. Imma l-fatt li l-korrispondenza toħroġ f’isem il-konjugi responsabbli ma jfissirx li r-responsabbiltà tal-ħlas tkun biss tal-konjugi responsabbli li f’ismu jkun ħareġ il-kont tat-taxxa. Lanqas ma jfisser li r- refund ikun biss tal-konjugi responsabbli, imma jappartjeni lit-tnejn li huma, jiġifieri liż-żewġ konjugi, flimkien u indaqs. Dan jgħodd kemm jekk dan ir- refund ikun riżultat tat- tax credit imsemmi fil-mistoqsija, kif ukoll jekk ikun riżultat ta’ xi ħaġa oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — ilmenti f'isem il-kostitwenti

Question

Peress li fost il-ħidmiet tal-membri parlamentari hemm li jiltaqgħu, jisimgħu u jitkellmu f'isem il-kostitwenti tagħhom, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti dipartimenti jirrifjutaw li jirrispondu għal talbiet, ilmenti u mistoqsijiet li jsiru minn żmien għal żmien minn deputati f'isem il-kostitwenti? Ma jikkunsidrax li jinħoloq punt ta' referenza f'kull dipartiment, fejn id-deputat ikun jista' jitkellem f'isem u għall-kostitwent?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Joint Office — ċens mifdi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18509 u jgħid kemm saru applikazzjonijiet biex jinfeda ċ-ċens tal-Joint Office matul l-2009 u matul l-ewwel ħames xhur tal-2010 u kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom kienu rifjutati? X’kienu r-raġunijiet li minħabba fihom kien hemm applikazzjonijiet li ma ġewx aċċettati? Teżisti l-possibilità li ġaladarba applikazzjoni tiġi rifjutata, tkun tista' terġa' titressaq għall-konsiderazzjoni u x’ikun irid isir biex dan isir?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — Kunflitt ta' interess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18513, 18087, 17722, 17507 u 16997 u jassigura li l-ebda direttur fuq il-bord tal-Korporazzjoni Enemalta m'għandu kunflitt ta' interess f'oqsma li fihom il-kumpanija tixtri prodotti u servizzi? F'każ li jeżistu dawn il-każijiet, liema huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ftuħ ta' ħwienet fl-1 ta' Mejju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17494 u jgħid jekk kienx irrifjuta li ma jħallix il-ħwienet, wara talba li saritlu mil-General Retailers and Traders Union, jiftħu nhar l-1 ta' Mejju li għadda, liema talba kellha l-appoġġ tal-Għaqda tal-Konsumaturi? Jekk ma sarux rakkmandazzjonijiet, jista' jispjega jekk kienx ikkonsulta mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment fuq din il-kwistjoni? X'kien il-parir tiegħu fuq din il-kwistjoni? Il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur ta' xi parir lis-Segretarju Parlamentari fuq din il-ħaġa? X'kien dan il-parir u jekk ma ngħatax parir għalfejn dan il-parir ma ngħatax?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18275.

power stations — insurance policies

Question

Fid-dawl tal-infieq straordinarju li għadu kif ikkonferma l-Ministru li sar fuq diversi impjanti tal-power stations tal-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom kienu koperti b’insurance policies, u jekk kien hemm, x’kien il-coverage? Min-naħa l-oħra jekk jirriżulta li dawn il-ħsarat ma kenux koperti, jista' jindika x’insurances oħrajn ikopru l-operat tal-Korporazzjoni Enemalta? Ma' liema kumpanija jew kumpaniji saru dawn l-insurance policies? Jista' jikkonferma jekk inħarġux tender/s għalihom jew le? U jekk iva, meta nħarġu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18574.