Tista' l-Ministru tispjega kif f'Settembru ta' din is-sena saret estenzjoni ta' ftehim dwar il-ġarr tat-tfal tal-iskola mal-Gozo Bus Owners Association (GBOA) meta din l-assoċjazzjoni m'għadhiex attiva u spiċċat milli topera legalment? Jekk dan huwa minnu, u l-assoċjażżjoni hija biss waħda fantażma, l-obbligazzjonijiet legali li suppost hemm naxxenti minn dan il-ftehim kif se jiġu mwettqa minn din l-assoċjazzjoni fantażma? In vista ta' dak li ġie espost hawn fuq, x'jiġri jekk waqt dan il-ġarr bit-tfal jiġri aċċident bi ksur ta' dan il-ftehim? Kif se tkun responsabbli l-GBOA meta din spiċċat topera? Tista' l-Ministru tikkonferma li mal-GBOA hemm ftehim ieħor li sar f'Settembru 2009 għal durata ta' sentejn dwar ġarr ta' studenti ta' Skola Sport kull nhar ta' Sibt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li saret amenda fuq ftehim li sar fil-2005 sakemm tinħareġ sejħa għall-offerti għall-ġarr tat-tfal tal-iskola. Nikkonferma wkoll li jeżisti ftehim dwar Skola Sport li jkopru 2010 u 2011. It-transport kollu, inkluż dak tat-tfal tal-iskola, hu rregolat minn Transport Malta.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — trasferiment ta' pazjenti għall-Isptar Mater Dei
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm inġarru/ġew riferuti pazjenti mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex għall-Sptar Mater Dei f'din l-aħħar sena u tgħid kemm nisa u kemm irġiel u tindika l-età u għal liema raġuni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kif ingħata x-xogħol tat-tindif tal-Wied ta' Żejta? Kemm se jiswa, kemm ilu li beda u meta se jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħol ta' tindif tal-Wied ta' Żejta beda mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex f'Marzu 2010 u tkompla mill-kuntrattur permezz ta' tenders f'Ġunju 2010 sa ma tlesta f'Awwissu 2010. Jiena nfurmata wkoll li x-xogħol tal-kuntrattur sewa €106,756.59.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet ta' afforestazzjoni saru f'Għawdex fl-aħħar sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul l-aħħar sena tkomplew isiru xogħolijiet preparatorji u applikazzjonijiet neċessarji biex jiġi estiż il-Masġar Papa Ġwanni XXIII fl-Imġarr, ir-rijabilitazzjoni tal-barriera ta' Isopu f'masġar fin-Nadur u qiegħed isir xogħol biex isir ġnien ġdid f'Marsalforn skont il-pjan t'azzjoni Eko-Għawdex għas-snin 2010-2012. Barra minn dan, għaddej il-proċess ta' rijabilitazzjoni tal-Qortin tax-Xagħra mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-Wasteserv u bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji tal-ġnien pubbliku ġdid f'Marsalforn li ssemma fil-budget speech?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-ġnien ġdid li ssemma fil-budget speech qiegħed jinbena fuq biċċa art fuq ir-riħ tal-parkeġġ f'Marsalforn u se jinkludi faċilitajiet ta' rikreazzjoni għall-familja bħala parti mill-Pjan t'Azzjoni relatat mal-viżjoni Eko-Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid x'għamel il-gvern matul din is-sena sabiex itejjeb il-faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul din is-sena ġew identifikati ġibjuni li għandhom jitnaddfu u ġew imnaddfa ġibjuni fil-Wied ta' Żejta u fil-Wied ta' Marsalforn bħala parti mill-Pjan t'Azzjoni relatat mal-viżjoni Eko-Għawdex.
Wara li l-gvern ċentrali ikkometta €25 miljun fuq tliet snin sas-sena 2012 għall-proġetti eko-Għawdex, tista' l-Ministru tgħid fejn intnefqu s'issa, kemm intnefqu u liema huma l-proġetti li huma purament ambjentali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li mill-vot ta' Eko-Għawdex, hemm kommessi madwar €1.9 miljun għan-nefqa fuq proġetti relatati mal-implimentazzjoni tal-Pjan t'Azzjoni ta' Eko-Għawdex approvat minn dan il-Parlament. Fost il-proġetti 'purament ambjentali' (kif imsejħa fil-mistoqsija) hemm ġnien ġdid f'Marsalforn, l-iżvilupp ta' Ċentru ta' Riċerka fil-Farm Sperimentali tal-Gvern fix-Xewkija, Energy Audits fil-binjiet tal-Gvern, Proġett ta' monitoraġġ tal-baħar, Tindif tal-ilqugħ tal-ilma fil-Wied ta' Marsalforn u fil-Wied ta' Żejta, ġnien ġdid għall-familja fil-Masġar ta' Ulisse, l-estensjoni tal-kuntratt tal-Landscaping għal toroq ġodda, Afforestazzjoni taħt il-Forti Chambrai u f'Ta' Isopu fin-Nadur u żewġ skemi għar-restawr ta' Rdieden tar-Riħ.
Tista' l-Ministru tgħid x’sar s’issa minn dak li għandu jsir taħt kuntratt għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-Biċċerija ta' Għawdex? X’jonqos isir fuq dan il-kuntratt? Meta mistennija terġa’ tiftaħ din il-biċċerija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li taħt il-kuntratt imsemmi fil-mistoqsija tlesta l-apparat tal-linji tal-qatla u spezzjoni tal-majjal u ċanga, u l-preparazzjoni tal-laħam għad-distribuzzjoni lill-ħwienet. Tqegħdu wkoll il-friżi u l-panelling, apparat għall-ġbir tad-demm u parti mill-istallazzjoni tas-sistemi mekkaniċi, elettriċi u data. Bħalissa qedgħin jiġu kompluti l-istallazzjoni tas-sistemi msemmija u qegħdin jiġu stallati l-apparat tal-boiler, plant room, trattament ta' l-ilma tal-ħasil tal-biċċerija, ventilazzjoni u xogħolijiet ta' finishing. Wara li jsir l-ittestjar u kkummissjonar ta' l-apparat kollu l-biċċerija tkun tista' tibda titħaddem.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar mill-Ministeru tagħha kull sena f’dawn l-aħħar tliet snin biex jerġa' jkun hemm servizz tal-ajru bejn Malta u Għawdex? Tista’ tgħid meta huwa mistenni li jerġa’ jibda jaħdem dan is-servizz?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1778.
Tista' l-Ministru tgħid fir-rigward tal-proġett tal-Eko-Għawdex fiex wasal il-proġett ekoloġiku? Liema huma l-kunsilli lokali li qegħdin jieħdu sehem f'dan il-proġett? Kemm gawda Għawdex s'issa minn dan il-proġett? X'feasibility study twettaq? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-progress report tal-Eko-Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-programm ta' xogħlijiet relatat mal-viżjoni Eko-Għawdex huwa fil-fażi ta' implimentazzjoni. Ninsab infurmata wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin, għandha titnieda skema għall-proġetti mill-kunsilli lokali. Progress Report dettaljat tal-programm ta' xogħol marbut ma' Eko-Għawdex mistenni jkun pubblikat fil-ġimgħat li ġejjin fil-forma tar-Rapport Annwali tad-Dipartiment konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol sar fuq spazji rikreattivi għall-familji f'dawn l-aħħar tliet snin f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul l-aħħar tliet snin il-Ministeru għal Għawdex għamel xogħol preparatorju u l-applikazzjonijiet meħtieġa biex Ulysses Grove fix-Xewkija tingħata aċċess aħjar għall-pubbliku u jsiru spazji rikreatttivi ġo fiha; biex isir masġar fil-Qortin ta' Isopu fin-Nadur u jitkabbar il-masġar Ġwanni Pawlu XXIII fl-Imġarr li ser ikunu miftuħin għall-pubbliku, u biex fl-inħawi taż-Żewwieqa fl-Imġarr isiru żoni bi spazji rikreattivi.
Bħalissa qed jiġu rijabilitati l-Ġonna Villa Rundle fir-Rabat u qed jinbena ġnien ġdid f'Marsalforn. Dawn il-proġetti huma skont il-pjan t'azzjoni Eko-Għawdex għas-snin 2010-2012.
Barra minn dan għaddej il-proċess ta' rijabilitazzjoni tal-Qortin tax-Xagħra mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-Wasteserv u bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex. Ta' min isemmi wkoll li ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni f'diversi postijiet ta' rikreazzjoni.
Tista' l-Minsitru tgħid xi proġetti ta' afforestazzjoni sar f'Għawdex f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul l-aħħar tlett snin saru xogħlijiet preparatorji u applikazzjonijiet neċessarji biex jiġi estiż il-Masġar Papa Ġwanni XXIII fl-Imġarr, ir-rijabilitazzjoni tal-barriera ta' Isopu f'masġar fin-Nadur u qiegħed isir xogħol biex isir ġnien ġdid f'Marsalforn skont il-pjan t'azzjoni Eko-Għawdex għas-snin 2010-2012. Barra minn dan, għaddej il-proċess ta' rijabilitazzjoni tal-Qortin tax-Xagħra mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, il-Wasteserv u bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Vot kapitali — flus għal standard item of expenditure
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena taħt kull standard item of expenditure tal-Vot rikorrenti u tal-Vot kapitali tal-Ministeru tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Triq ix-Xlendi — grant agreement tal-implementation u disbursement schedules
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 19004, u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreements li jinkludu l-implementation u d-disbursement schedules dwar il-proġetti tal-bini mill-ġdid ta’ Triq ix-Xlendi u tat-triq ta’ Pinu ERDF Nru 047 iffirmati bejn il-Ministeru tagħha u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li qiegħda inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 19969 u tgħid x’virements saru taħt kull item of expenditure tal-vot kapitali tal-Ministeru tagħha fl-2009 u din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li Triq Sannat, Sannat, Għawdex għandha bżonn manutenzjoni liema xogħlijiet ilhom jiġu mwiegħda snin sħaħ, tista' l-Ministru tgħid meta se jsir dan ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li manutenzjoni fuq Triq Sannat, fis-Sannat Għawdex, qiegħda ssir b'mod regolari.
Għawdex — Librerija pubblika - microfilms tal-gazzetti
Question
Peress li hemm domandi għall-microfilms tal-gazzetti, tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern għandux pjanijiet li fil-librerija pubblika tal-Vajringa tiġi provduta din il-facilità?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-preżent fil-Librerija Nazzjonali mhux qed isiru kopji ta' gazzetti minn fuq il-microfilms għar-raġuni li l-apparat ġie obsolete iżda se jinbeda l-proċess sabiex isiru kopji tal-gazzetti b'sistema diġitali.
Ladarba dan il-proċess jibda jitħaddem fil-Librerija Nazzjonali, hu maħsub li jsiru arranġamenti biex il-Librerija Pubblika ta' Għawdex tiġi fornuta bil-kopji diġitali għall-benefiċċju tar-riċerkaturi f'Għawdex.