Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li daħħlu Malta bla permessi neċessarji

Question

Jista' l-Vċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm daħlu barranin f'Malta mingħajr permessi neċessarji bejn Jannar u l-aħħar ta' Settembru 2009? Jista' jgħid mil-liema pajjiż tal-oriġini ġew?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil Ministru konċernat.

Third Country Nationals

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-affarijiet Barranin jiddikjara x'inhi l-pożizzjoni ta' third country national illi ilu ħames snin jirrisjedi legalment f'Malta u jaħdem legalment f'Malta? Dan għandu dritt li jingħata permess ta' residenza għal ħames snin oħra, liema permess jinkorpora fih id-dritt li jaħdem? Kemm kienu t-third country nationals xahar b'xahar fl-aħħar 24 xahar li kienu ilhom ħames snin jirrisjedu u jaħdmu f'Malta u li applikaw għall-permess ta' residenza ta' ħames snin? Kemm minnhom ingħatalhom dan il-permess? Kemm minnhom ma ngħatalhomx? Minn liema pajjiż kienu ġejjin?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti għal ksieb ta' status ta' Residenti li joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi) u wkoll id-drittijiet li jiġu akkwistati bis-saħħa ta' dan l-istess status jinsabu fl'Avviż Legali Nurmu 278 tal-2006. F'dan ir-rigward qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Information leaflet - Uniform Residence Permits for Third Country Nationals maħruġ mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates fejn f'paġni 5 u 6 wieħed isib informazzjoni dwar dawn il-kundizzjonijiet. Għalkemm il-permess li jingħata jkun validu għal ħames snin u jiġġedded awtomatikament kull ħames snin, l-istatus hu permanenti. Jista' jintilef prinċipalment jekk il-persuna tikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika (public policy) jew meta l-persuna ma tibqax tgħix f'Malta jew fit-territorju tal-UE kif hemm stipulat fl-Avviż Legali msemmi aktar 'il fuq. Skont dawn ir-regolamenti (artiklu 11) il-persuna li tingħata dan l-istatus tgawdi trattament ugwali daqs ċittadini ta' Malta dwar "aċċess għall attivitajiet ta' impjieg u ta' persuna li timpjega lilha nnifisha sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunu jimplikaw ebda involviment, lanqas okkażjonali, fl-eżerċizzju ta' awtorità pubblika jew ikunu riservati għal ċittadini Maltin." Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Karma tabella li turi n-numru u n-nazzjonalità tal-persuni li applikaw għall-istatus konċernat f'dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar, u li l-applikazzjoni tagħhom ġiet aċċettata jew għadha pendenti. Minn dawn, 185 persuna ngħataw dan l-istatus, filwaqt li 69 applikazzjoni oħra għadhom pendenti. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dan il-perjodu kien hemm 40 applikazzjoni oħra li mhux qegħdin inklużi fit-tabella imsemmija li ġew rifjutati.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — impjegati bit-teleworking

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hu t-total ta' impjegati bit-teleworking f'kull dipartiment u uffiċċju separatament, li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid x'faċilitajiet ingħataw lill-ħaddiema biex ikunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol minn ġo djarhom u jgħid ukoll x'software jew sistema qed titħaddem minn dawn il-ħaddiema biex isir dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm sitt (6) impjegati li qed jaħdmu bit-teleworking. Tnejn (2) jinsabu fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u erbgħa (4) oħra fid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza. Fil-preżent hemm ħames (5) talbiet oħra minn impjegati fid-deksateru tiegħi - erbgħa (4) fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u oħra fid-Dipartiment taċ-Ċittandinanza - li qed jistennew li jingħtaw il-faċilitajiet neċessarji biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq bazi ta' teleworking. L-impjegati fuq teleworking jingħataw laptop kull wieħed u software ta' office automation u token software (li jassigura sigurta fit-teleworking) u fil-każ tal-erbgħa (4) fid-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi software li jissejjaħ Embassy Cash Management System.

persuni li ma twieldux f'Malta u ingħataw ċittadinanza Maltija — pajjiz tal-oriġinu

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hu l-pajjiż tal-oriġinu ta' dawk il-persuni li ma twieldux f'Malta u li ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija matul is-snin 2006, 2007, 2008 u sa Awwissu 2009?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra li turi ċ-ċittadinanza li dawk il-persuni kellhom qabel akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija fis-snin imsemmija.

Applikazzjonijiet għall-visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid matul is-sena 2008 kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-visa biex jiġu Malta ċittadini mill-Ukrajna, Belarus, Kazakhstan, Armenja u Georgia? Jista' jgħid għaliex pajjiżi oħra tax-Schengen jaċċettaw 90% tal-applikazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi u l-Gvern Malti kważi jirrifjutahom kollha?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2008, kien hemm total ta' 3,133 applikazzjoni minn ċittadini mill-Ukrajna, Belarus, Kazakhstan, Armenja u l-Georgia. Minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati 2,683 (85.6% ta' applikazzjonijiet). Għalhekk ma jirriżultax li l-Gvern Malti rrifjutahom kollha.

persuni barranin li ma twieldux f'Malta — ċittadinanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex dawk il-persuni barranin li ma twieldux f'Malta ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija fis-snin 2006, 2007, 2008 u sa Awwissu 2009?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li ma twieldux Malta setgħu akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija fis-snin imsemmija: a. B'reġistrazzjoni: 1. Għax kienu il-konjuġi ta' ċittadini ta' Malta; 2. Ghax twieldu minn omm Maltija (il-liġi nbidlet f'Awissu 2007 sabiex dawk it-tfal li twieldu qabel il-21 ta' Settembru 1964 jkunu jistgħu jakkwistaw iċ-Ċittadinanza huma wkoll); 3. Għax huma d-dixxendenti ta' persuni li twieldu Malta (dan sar possibbli wkoll minn Awissu 2007). b. B'naturaliżżazzjoni: għaliex kienu ilhom jgħixu Malta għal bosta snin.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — materjal stampat

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm intbagħat materjal stampat f'din l-aħħar sena mid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kolla tiegħu ġod-djar tan-nies? Jista' jgħid x'kien is-suġġett jew tema tal-karti li ntbagħtu? Kemm minn dan il-materjal kien fuq karta reċiklabbli jew reċiklata?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ntbagħat l' ebda materjal stampat f' din l-aħħar sena, ġod-djar tan-nies.

Knisja għall-Komunità Ortodossa Russa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11067, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid liema huma l-awtoritajiet konċernati u x'inhuma l-evalwazzjonijiet li qed jagħmlu?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jinsab infurmat bit-talba mill-Komunità Ortodossa Russa li tgħix Malta biex tibni knisja. L-awtorità Governattiva konċernata mill-evalwazjoni hija il-Government Property Division fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — financial instruments

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hemmx xi financial instruments mill-European Investment Bank fejn pajjiżna informa li mhux ser ikun qed jipparteċipa għall-perjodu 2007/2013? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni wara din id-deċiżjoni?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11743.

Malta Chambers of Commerce, Enterprise and Industry — rappreżentanza diplomatika barra l-pajjiż

Question

B’referenza għar-rapport dwar konferenza tal-Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry li deher fit Times Business Supplement tad-29 ta' Ottubru 2009, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma r-rapporti li: a) Malta qed tikkonsidra li tittrasferixxi l-preżenza diplomatika ewlenija tagħha fil-Golf Għarbi mis-Sawdi Arabja għal Abu Dhabi? b) Fiex waslu l-pjanijiet tal Gvern biex ikun hemm representative offices fl-Afrika t’isfel u l-Brazil jew dawn se jkunu biss tal-Malta Enterprise mingħajr rappreżentanza diplomatika? ċ) Min qiegħed jagħmel ir- review tar-rappreżentanza diplomatika tagħna barra l-pajjiż bħala locations strateġiċi fid-dawl tal-isfidi tal-globalizzazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel domandi m'hemmx ħsieb dwar dan da parti tal-Ministeru. Dwar pjani tal-Gvern għal ftuħ ta' uffiċċji rappreżentattivi fl-Afrika t'Isfel u l-Brażil, saru kuntatti preliminari dwar kif il-Malta Enterprise u l-Ministeru jistgħu jiko-operaw f'dal qasam. Ma hux eskluż li dawn ikunu uffiċċji konsolari ukoll, iżda ma ttieħdet ebda deċiżjoni s'issa fir-rigward. Il-Ministeru kull tant żmien jagħmel review dwar rappreżentanzi diplomatiċi fl-ogħla livell fil-Ministeru. Bis-saħħa ta' dan ir-review il-Ministeru tiegħi fetaħ Missjoni Diplomatika f'Warsaw, Missjonijiet Diplomatiċi f'Tel Aviv u f'Ramallah flimkien mal-Gvern Ċiprijott u Konsolat f'Istanbul. Għall-perjodu qasir intużaw faċilitajiet u infrastruttura tal-Konsolati Spanjoli minn Diplimatiċi Maltin fl-Alġerija u fis-Serbja.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — faċilitajiet biex ommijiet ħaddiema jreddgħu t-trabi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid fid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kollu tiegħu, x'faċilitajiet hemm għall-ommijiet ħaddiema biex ikunu jistgħu jreddgħu t-trabi tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li fid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jeżistux faċilitajiet apposta biex ommijiet ħaddiema jreddgħu t-trabi tagħhom. Dan ma jfissirx li f'każ li ssir xi talba f'dan is-sens ma jsirux arranġamenti mill-ewwel biex din it-talb tintlaqa.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ċifri ta' flus f'konsulenza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm tħallsu f'ċifra ta' flus f'konsulenza mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħtu matul din is-sena s'issa? Jista' jiprovdi breakdown lil min tħallsu u kemm hija ċ-ċifra ta' flus dovuta sa l-aħħar tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

L-effett ta' ċittadinanza doppja f'termini fiskali fi kwestjonijiet ta' wirt

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Mnistru tal-Affarijiet Barranin jgħid kif persuna li jkollha ċittadinanza doppja jew li tirrinunzja ċ-ċittadinanza Maltija biex tieħu ċ-ċittadinanza ta' pajjiż ieħor, tkun affettwata f'termini fiskali fi kwestjonijiet ta' wirt?

Response (BORG, TONIO)

Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — emails

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhu t-time frame li fih għandha tingħata risposta, imqar b'acknowledgement, lill-emails li jintbagħtu lill-uffiċjali fil-Ministeru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'inhi r-raġuni għaliex xi emails iridu jgħaddu ħafna ġranet sabiex tingħatalhom risposta jew acknowledgement?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċirkulari tal-OPM numru 3/2001 tesiġi li kull email li tidħol trid tiġi rrisposta (parzjalment jew definittivament) fi żmien jumejn.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Riċevimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm saru riċevimenti f'dawn l-aħħar ħames xhur organizzati jew kordinati mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? X'kienet l-okkazjoni? Kemm kien hemm persuni mistiedna għal kull riċeviment? Kemm attendew? Kemm swiet l-okkazjoni?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f'dawn l-aħħar ħames xhur, sar riċeviment wara kunċert għat-terremotati ta' Abruzzo, li kienet attività ta' ġbir ta' flus, li għalih attendew 74 ruħ u l-ispiża kienet 692 Euros.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Ħaddiema abbażi ta’ kuntratt

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm huwa numru ta' ħaddiema u/jew uffiċjali li fil-preżent jaħdmu abbażi ta’ kuntratt fl-Uffiċċju tal-Viċi Prim Ministru u fid-dekasteri li jaqgħu taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitlubla mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Family Friendly Measures

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'family friendly measures qed jitħadmu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid hemmx faċilità ta' childcare fl-istess dipartimenti għat-tfal tal-ħaddiema?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iħaddan Family Friendly Measures kif stipulat mill-Public Service Management Code. Il-Ministeru m'għandux faċilità ta' childcare.