Fondazzjoni ta' Salvatore Maugeri ta' Pavia — kollaborazzjoni mal-qasam tas-saħħa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kollobarazzjoni teżisti jew kienet teżisti minn xi strutturi tal-qasam tas-saħħa lokali u l-Fondazzjoni ta' Salvatore Maugeri ta' Pavia? Xi flus ġew minfuqa f'dawn il-proġetti ta' kollaborazzjoni? Min kienu n-nies involuti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma teżisti ebda forma ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità u l-Fondazzjoni indikata. Għaldaqstant la ntefqu flus u lanqas kienu involuti persuni fi proġetti simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li tħassret konferenza stampa li kellha ssir mal-poliklinika ta' Monza dwar il-kanċer f'Malta? X'relazzjonjiet jeżistu mal-poliklinika ta' Monza? Xi pjani futuri hemm ma' din l-istituzzjoni Taljana?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-konferenza stampa mal-poliklinika ta’ Monza ma kenitx dwar il-kanċer iżda kienet rigward l-kuntratt li sar ma din il-klinika. Sfortunatament il-konferenza kellha titħassar peress li persuni distinti li kellhom jattendu ma setgħux għal raġunijiet ta’ saħħa. Id-Dipartiment għandu kuntratt ta’ sena mal-poliklinika sabiex ikunu jistgħu jintbgħatu pazjenti ġewwa Monza biex isirilhom Cardiac MRI. Dan huwa arranġament temporanju sakemm jinġieb l-apparat ġewwa Malta.
Dipartiment tas-Saħħa — sezzjoni tal-Pharmaceutical Affairs - sistema ta' rimbors
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga bl-aktar mod indipendenti r-rapporti li fid-Dipartiment tal-Pharmaceutical Affairs, partikolarment fid-Dipartiment tas-Saħħa hemm min qed jabbuża mis-sistemi tar-rimbors mill-Unjoni Ewropea billi flokk jikkwotaw IBAN number u l-account number tad-Dipartiment, qegħdin jikkowataw il-kontijiet bankarji tagħhom personali u jirrimborsaw il-flus minqufa mill-gvern innifsu fuq is-safar tagħhom lilhom infushom? Jista' jivverifika jekk dan huwiex jsir f'xi dipartimenti oħrajn tas-Saħħa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li f’każ ta’ safar konness jew relatat mal-Unjoni Ewropeja, ir-rimbors jingħata biss fl-account tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mal-għażla ta’ designate consultant surgeon wara sejħa li kienet saret fil-Gazzetta tal-Gvern f’Lulju 2010 ? Jista' jgħid min kienu dawk li applikaw u min intgħażel? Jista' jgħid fuq liema bażi saret din l-għażla? Jista' jgħid min kienu l-membri tal-bord tal-għażla?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33168 u 31051 u jgħid kemm daħlu ilmenti fil-customer care tal-Isptar Mater Dei sena b’sena matul l-2008, 2009 u 2010 b’mod separat? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti? Kemm-il każ kien magħluq u kemm-il każ għadu miftuħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha problema fl-ispina tagħha tingħata prijorità għall-operazzjoni li għandha bżonn tagħmel minħabba l-uġigħ li qed issofri peress li hi nfurmata li għandha xhur tistenna jekk mhux snin għal din l-operazzjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, tpoġġa riċenti fuq il-lista ta’ stennija, wara li ġie analizzat il-każ tiegħu. Għaldaqstant l-intervent meħtieġ isir meta jkun imissu skont din il-lista.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' żewġt anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament biex jidħlu f'home tal-gvern fl-età ta' qrib ta' 90 sena peress li ma jistgħux ikomplu jgħixu d-dar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment irċieva l-applikazzjoni tal-persuni li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant fit-2 ta’ Mejju 2012. Wieħed minn dawn il-files qiegħed għand is-Social Workers tad-Dipartiment u l-ieħor qed jistenna r-rapport tas-Social Worker mill-Isptar Karen Grech fejn fil-preżent tinsab l-anzjana.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33076, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni li qed jingħataw is-servizz tal-home help fil-lokalitajiet kollha ta' Malta? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti minn persuni li jixtiequ u li għandhom bżonn il-home help u għadhom ma nqdewx minn dan is-servizz importanti? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna biex tagħmel operazzjoni f'irkobbitha u d-data tal-operazzjoni ilha tiġi posponuta minn Ottubru tas-sena l-oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant attendiet l-isptar fis-16 ta’ April 2012 għal aktar testijiet mediċi li jsiru qabel l-intervent kirurġiku. Jekk jirriżulta minn dawn it-testijiet li l-pazjenta tkun fi stat ta’ saħħa mediku tajjeb, tkun tista’ tiġi operata f’qasir żmien.
Applikazzjoni għall-Home tal-Gvern jew għar-Residenza San Vinċenz de Paul
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għall-home tal-gvern jew ir-Residenza San Vinċenz de Paul peress li din qed tgħix ma' ħuwa u l-mara tiegħu u tnejn li humha anzjani u ma jifilħux jieħdu ħsiebha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat lil-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni sabiex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule, u tpoġġiet fuq il-lista ta’ stennija.
Flus mill-Budget 2012 għall-kura fl-Isptar St. James
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm flus ibbaġitajti mill-Budget 2012 biex ċittadini Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu kura ta' emerġenza ġewwa l-kliniċi privati bħal St. James matul il-weekend? Kemm qed jiġi kkalkulat bil-budget li hemm li se jidewwew pazjenti f'dawn il-kliniċi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ispiża għal dan is-servizz hija allokata mill-vot tal-waiting list.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pazjent li jmur jinqeda minn klinika privata li qed toffri s-servizz tal-emerġenza u jkollu bżonn xi intervent kirurġiku x'se jsir minn dan il-pazjent? Tingħata fl-istess sptar privat jew ġewwa l-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li skont il-ftehim milħuq, pazjenti li jagħmlu użu minn dan il-ftehim u jirriżulta li jkollhom bżonn t’intervent kirurġiku, jkollhom jiġu rikoverati fl-isptar Mater Dei. U propizju ngħid li dan il-ftehim hu intiż għall-pazjenti bi problemi minuri hekk deskritti bħala kategorija tlieta li ma huma la ta’ periklu għall-ħajja u lanqas għar-riġlejn jew l-idejn.
Differenza bejn servizz ta' klinika privata u dak taċ-Ċentru tas-Saħħa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'differenza hemm fis-servizz tal-emerġenza mogħti fi klinika privata u servizz provdut miċ-Ċentri tas-Saħħa li diġà huma eżistenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex jinħass il-ħtieġa u fuq liema sutdju bbaża d-deċiżjoni tiegħu li jixtri is-servizz tal-emerġenza tal-kliniċi privati matul il-weekend?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li dan il-ftehim kien pass ieħor mill-Gvern biex jgħin itaffi l-problema ta’ numru kbir ta’ nies li jattendu fid-dipartiment ta’ l-emerġenza ġewwa l-isptar Mater Dei fi tmiem il-ġimgħa.
F’diversi konsultazzjonijiet, jirriżulta li fit-tmiem tal-ġimgħa, il-pubbliku jiltaqa ma’ problemi biex isibu t-tobba kuranti tal-familja u għalhekk jispiċċaw jirrikorru fl-isptar Mater Dei u dan minħabba aktar faċilitajiet li jeżistu f’din il-faċilita’.
Ċifri ta’ attendenza juru wkoll numru aktar qawwi ta’nies li jattendu fl-emerġenza fi tmiem il-ġimgħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-hip replacement minn Jannar 2012 sal-lum fl-Isptar Mater Dei u fi sptarijiet oħra, bl-ispiża tinġarr mill-gvern?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-15 ta’ Mejju 2012 f’Malta saru 53 operazzjoni tal-hip replacement fl-Isptar Mater Dei. Ma saret l-ebda operazzjoni tal-hip replacement fi sptarijiet oħra bl-ispiża tinġarr mill-Gvern. Għal informazzjoni dwar Għawdex, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom out of stock il-pilloli Warfarin? X'inhi r-raġuni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-aħħar kunsinna ta’ Warfarin 1mg, 3mg u 5mg waslet fl-4 ta’April 2012, fi kwantita ta’ 3,861 x 28 tabs minn kull doża. L-aħħar tqassim ta din il-mediċina seħħ kif inhu ndikat hawn taħt;
1. Warfarin 3mg – kwantita 50 kaxxa għall-isptar Mater Dei fid- 19 ta’April 2012
2. Warfarin 1mg – kwantita 20 kaxxa għall-isptar Mater Dei fid-19 ta’April 2012
3. Warfarin 5mg – kwantita 231 kaxxa għall- POYC fl-24 ta’ April 2012
L-aġent lokali nforma lid-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement and Supplies li hemm problemi ta’ manifattura u għaldaqstant qed ikun hemm diffikultajiet sabiex jissuplixxu dan il-prodott. Kien hemm ukoll tibdil fid-ditta ta’manifattura sabiex jiġi assigurat li jkun hemm stock, liema kunsinna waslet u tqassmet din il-ġimgħa. Għaldaqstant dan id-Dipartiment qiegħed f’diskussjonijiet ma’ dipartimenti oħra sabiex jinstab sors ieħor biex jissuplixxi din il-mediċina li jkun iktar stabbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-childcare centre tal-Isptar Mater Dei għandux waiting list? Jekk għandu waiting list, għaliex?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa għandna 63 tifel u tifla fuq il-waiting list. Iċ-Ċentru ta’ Mater Dei isegwi Standards Nazzjonali għall-Faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il-Jum (Lulju 2006) li post adatt ikollu spazju biżżejed ta’ ħames metri kwadrati għal kull tifel u tifla. Iċ-ċentru jesa’ tnejn u tletin tifel jew tifla kuljum.
Sptar Mater Dei — maintenance agreement tal-bibien
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' maintenance agreement hemm fuq il-bibien fl-Isptar Mater Dei? Min hija l-kumpanija li ħadet dan l-agreement? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-ftehim? Kemm qed jiswa dan l-agreement f'sena? Jista' jagħti sena b'sena n-nefqa fuq il-manutenzjoni tal-bibien, mis-sena 2008 sas-2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32774 u jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna biex tagħmel operazzjoni f'irkobbitha u d-data tal-operazzjoni ilha tiġi posponuta minn Ottubru tas-sena l-oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, se tiġi operata fi żmien xahar.