Jista' l-Ministru jgħid kemm individwi Maltin għamlu kawżi kontra l-Prim Ministru u l-Ministri tal-gvern mill-1987 sal-lum fil-Qorti Maltija, fil-Qorti internazzjonali u għand l-Ombudsman? Jekk intrebħu, kontra min l-individwi għamlu l-kawża? Kemm ħadu flus? Kemm hemm kawżi pendenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif jaf l-Onorevoli Membri l-maġġjoranza l-kbira tal-kawżi li jsiru kontra l-gvern isiru għal raġunijiet amministrativi u mhux politiċi. Per eżempju, kwantita' kbira ta' persuni jagħmlu kawżi kontra l-gvern biex jikkorreġu dawk li huma jsostnu li huma żbalji fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ u jsiru wkoll numru ta' kawżi kontra l-Gvern fuq kwistjonijiet dwar artijiet, kuntratti u bosta ħwejjeġ oħra ta' amministrazzjoni ordinarja. Naturalment isiru kontra l-Gvern ukoll kawżi kostituzzjonali fejn ikun allegat illi l-amministrazzjoni pubblika tkun naqqset milli tirrispetta d-drittijiet fondamentali tal-individwu. Dan huwa ukoll mill-iżjed normali f' soċjeta demokratika.
Skont l-Artikolu 181B tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, l-gvern huwa rappreżentat fil-kawżi mill-Kap tad-Dipatiment li jkun inkarigat mill-materja li dwarha tkun qegħda ssir il-kawża pero' dan ma jeskludix illi f' xi kawżi jitħarrek ukoll il-Prim Ministru u/jew xi Ministru.
F' kawżi fejn minħabba s-suġġett tal-kawża din ma tkunx tista' ssir kontra xi kap wieħed jew iżjed ta' dipartiment tal-gvern huwa l-Avukat Ġenerali li jassumi r-rappreżentanza tal-gvern. In fatti nsibu illi llum ħafna mill-kawżi li jsiru kontra l-gvern isiru kontra l-Avukat Ġenrali in rappreżentanza tal-gvern in ġenerali.
Għalhekk in-numru ta' kawżi li jsiru kontra l-Prim Minisrtu jew kontra l-Ministri in rappreżentanza tal-gvern, ma jirrapreżentax il-kawżi kollha li jsiru kontra l-Gvern u lanqas ma jfisser illi jekk kawża ssir kontra Ministru, li dik il-kawża tkun neċessarjament differenti fil-meritu minn kawża li ssir kontra Kap ta' Dipartiment.
Fil-Qrati Internazzjonali l-kawżi jsiru kontra l-Gvern ta' Malta u mhux kontra l-Prim Ministru jew xi Minisru partikolari.
Ma tinżammx statistika li tista' tippermetti li tingħata risposta preċiża għad-domanda vastissima tal-Onorevoli Membru (li tkopri perijodu ta' 24 sena) u lanqas ma jkun jikkostitwixxi użu għaqli tar-riżorsi tas-servizz pubbliku li jiġu dedikati riżorsi konsiderevoli biex tinġabar l-istatistika li qegħda tintalab li, għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, lanqas ma tkun tant utili.
Naturalment jekk l-Onorevoli Membru jixtieq jistaqsi fuq xi kawża jew kawżi partikolari jsir mill-aħjar biex l-informazzjoni tinġabar u tingħata lilu. Dan apparti l-fatt illi l-Onorevoli Membru dejjem jista' jirrikorri fl-arkivju tal-Qorti u fl-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jikkompila kull informazzjoni li jixtieq.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-etajiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija skont l-age groups: 20-30 sena u 30-40 sena u għall-perjodi oħra ta' għaxar snin skont in-numru ta' membri tal-korp li huma attivi fl-istess korp?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika kompjuterizzata u għalhekk jenħtieġ ammont sostanzjali ta' ħin u jinvolvi ħafna riżorsi sabiex dan l-eżerċizzju isir.
San Pawl il-Baħar — Triq iċ-Ċagħaq u Triq il-Lampuki - Karozza
Question
Billi fil-kantuniera ta' bejn Triq iċ-Ċagħaq u Triq il-Lampuki, f'San Pawl il-Baħar xi ħadd ħalla karozza hemm li l-liċenzja tagħha għalqet u issa qalgħulha ukoll in-number plates, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-karozza titneħħa minn fejn qiegħda?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, ma jirriżultax li hemm xi vettura abbandunata mingħajr il-pjanċi tar-reġistrazzjoni.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — ħaddiema ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010, xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll xi grad kien kull impjieg? Kif sar l-ingaġġ, jekk hux b'sejħa pubblika jew mod ieħor?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23526.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23183 u 21426, jista' l-Ministru jgħid jekk l-appell ta' din il-persuna biex tingħata l-istatus ta' refuġjat ġietx deċiża jew le mill-kummissarju responsabbli f'dan il-qasam?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati diġà ttieħdet.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm ġew elevati snieter, ġurnata b'ġurnata, bejn it-13 u t-30 ta' April 2011, u kif dawn kienu maqsuma bejn Malta u Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu bejn it-13 ta' April u t-30 ta' April 2011, il-Pulizija qabdet 20 senter minn Malta u 5 minn Għawdex. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni aktar dettaljata.
Fid-dawl tad-diversi stqarrijiet li saru, jista' l-Ministru jgħid meta s-sezzjoni tal-YOURS se titmexxa mill-faċilitajiet korrettivi ta' Kordin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-post li ġie allokat biex jilqa' s-sezzjoni ġdida tal-YOURS jeħtieġ xogħolijiet biex ikun jista' jakkomoda kif jixraq lil din is-sezzjoni fil-forma ristrutturata tagħha. Infurmat ukoll li bħalissa għaddej il-proċess b'konsultazzjoni mal-MEPA.
Korp tal-Pulizija — trasferiment bejn Taqsima tad-Droga għat-Taqsima tal-ALE
Question
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija ġew trasferiti mit-Taqsima tad-Droga għat-Taqsima tal-Administrative Law Enforcement għal matul l-istaġun tal-kaċċa li għadu kif għalaq? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-pulizija jiġu trasferiti għall-posting proprju tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-taqsima tal-Membri fid-dipartimenti u f'taqsimiet oħra tal-Korp tal-Pulizija jsir skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet tal-Korp.
Ħaż-Żebbuġ — Triq Luret Cutajar - kwestjoni dwar parkeġġ ta' karozzi
Question
Jista' l-Ministru jara li l-Pulizija tirregola l-anarkija li hemm fl-ipparkjar tal-karozzi fi Triq Luret Cutajar, Ħaż-Żebbuġ għax dan qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti tant li anqas ġieli jkun possibbli għalihom li joħorġu fil-main road (Siġġiewi Road) minn din it-triq?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-Pulizija ħarġet xi ċitazzjonijiet fuq ipparkjar ħażin fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, se tagħmel ronda aktar ta' spiss u se tkompli tieħu passi kull meta jkun osservat xi ksur tal-Liġi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24863 li oriġinajrament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barrnin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-gvern ħax xi deċiżjoni dwar jekk u meta mistenni jillegisla dwar il-ko-abitazzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern se jressaq proposti leġislattivi dwar il-ko-abitazzjoni matul din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm minorenni subien u bniet li ntbagħtu l-ħabs f'dawn l-aħħar ħames snin separatament u jindika l-etajiet tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 40 subien u 5 bniet minorenni, li bejniethom inbagħtu l-ħabs fis-sessjoni YOURS 65 darba. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata.
Attachments:25659 - Minorenni li Ntbaghtu l-Habs.xls
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies mill-pulizija jpejpu f'postijiet li fihom mhux permess it-tipjip minn wara li nbidlet il-liġi dwar it-tipjip f’postijiet pubbliċi fil-2004, jiġifieri kemm inqabdu nies jpejpu f'dawn il-postijiet pubbliċi fis-sena 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi in-numru ta’ persuni li nqabdu mill-Pulizija jpejpu f’postijiet li fihom mhux permess it-tipjip minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti dwar it-Tipjip f’Postijiet Pubbliċi fl-14 ta’ Settembru 2004 kien kif ġej:
2004
2005
2006
2007
2008
2009
2010
19
230
776
1275
2862
2567
2185
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija minn djar residenzjali f'Malta u Għawdex separatament, matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, ġew rappurtati lill-Pulizija 227 serqa minn djar privati f’Malta, li minnhom 35 kienu jikkonċernaw oġġetti misruqa minn fuq barra tar-residenzi u 35 oħra minn residenzi li ma kienux okkupati. F’Għawdex kien hemm 5 rapporti, b’rapport wieħed dwar oġġetti misruqa minn fuq barra tar-residenza u tnejn minn residenzi mhux okkupati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija minn karozzi privati u car hire f'Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena ġew irrapurtati 474 serq minn vetturi bil-mutur, li minnhom 469 kienu Malta u 5 Għawdex. Infurmat ukoll li ma tinżammx statistika separata dwar karozzi tal kiri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija minn stabbilimenti kummerċjali f'Malta u Għawdex separatament matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena ġew irrapurtati 153 serq minn stabbilmenti kummerċjali, li minnhom 151 kienu f'Malta u 2 f'Għawdex. Minn dawn il-52 kienu għad-detriment ta’ impjegati jew parruċċani li kienu fil-ħwienet.
Jista' l-Ministru jgħid hux qed issir reġistrazzjoni u kontroll fuq trobbija ta' klieb ta' kull razza? Jista' jgħid jekk hemmx xi razza jew razez ta' klieb li t-trobbija tagħhom hija projbita f'Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reġistrazzjoni u kontroll fuq it-trobbija ta’ klieb huwa rregolat bl-Att Dwar il-Klieb (Kap. 312) u bir-Regolamenti dwar l-Importazzjoni ta’ Klieb u Qtates (L.S.36.42).
Jista' l-Ministru jgħid jekk b'referenza għall-applikazzjoni tal-persuna bħala gwardjan privat, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għadux isir kif wieħed jistenna li l-Ministru jagħti ċans lil dan l-individwu li jkompli fil-ħajja t-tajba u jaħdem skont l-istess applikazzjoni li tagħha hemm ukoll korrispondenza?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li dejjem jingħata ċans lil individwu, kull każ ikun ikkunsidrat fuq il-merti tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi hemm fid-Dipartimenti, uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru u x'sejħiet jew applikazzjonijiet huma maħsuba li joħorġu fix-xahrejn li ġejjin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-proċess biex jiġu identifikati l-vakanzi u eventwalment jimtlew, issa wasal fil-fażi li jkun diskuss mal-awtoritajiet ċentrali bl-iskop li jinħarġu l-approvazzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjonijiet skont il-proċeduri stabbiliti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intbagħtu persuni l-ħabs f'dawn l-aħħar ħames snin għax ma ħallsux manteniment lill-eks marthom wara s-separazzjoni? Kemm weħlu f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 68 persuna li ntbagħtu l-ħabs għax ma ħallsux manteniment lill-eks marthom wara s-separazzjoni. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-aħħar domanda.
Attachments:25681 - Persuni li marru Habs -Manteniment.xls