Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li tilfu l-libertà proviżjorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il persuna tilfet il-libertà proviżorja u sussegwentement reġgħet ingħatat libertà proviżorja fl-istess proċeduri?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli membru ma tinzamx statistika taghha fid-direttorat tal-Qrati u Tribunali Kriminali (Malta) kif ukoll ta’ Ghawdex.

Każ ta' relief

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tar-relief tal-individwu li d-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament li kien jinsab Sptar Monte Karmeli u issa jinsab barra imma għadu ma rċieva l-ebda dħul?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.

talba għal post tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ tas-single parent li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li applikat għal post tal-gvern?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Hija tikri post mill-privat u tħallas kera ta’ €1, 800 fis-sena però tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għall-€966. 69 fis-sena. Dan ifisser li din il-persuna tħallas minn butha kera ta’ €69.44 fix-xahar. L-Awtorità tad-Djar prezentament għandha ‘l fuq minn mitejn persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera iżda li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.

Ammont ta' kumpens mħallas lill-persuni li kienu arrestati illegalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' kumpens li tħallas lill-persuni li kienu arrestati illegalment fl-aħħar ħames snin u lil kemm-il persuna?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Qed nassumi illi l-Onorevoli Membru qiegħed jistaqsi dwar każijiet ta’ arrest illegali mill-awtoritajiet pubbliċi u mhux dwar każijiet ta’ żamma ta’ persuni kontra l-volonta tagħhom mill-privat li jikkostitwixxu reat kriminali. Ma teżistix statistika dwar l-arresti illegali mill-awtoritajiet pubbliċi iżda jidher illi dawn l-arresti (u cioè l-kazijiet fejn il-qorti ssib illi arrest ikun sar jew ittawwal mhux b’mod konformi mal-liġi ) huma rari hafna u l-każijiet fejn il-Qorti tordna kumpens għal arresti illegali huma konsegwement ukoll rari.. Fuq dan is-suġġett il-każijiet prinċipali jirrisalu għas-snin tmenin u kien hemm każijiet oħra li konsegwenti għal sentenzi tal-Qorti Ewropeja tad-drittijiet tal-Bniedem li huma aktar riċenti.

Persuni arrestati illegalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il persuna nstabet li kienet arrestata illegalment u ġiet hekk dikjarata mill-Qorti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Qrati tal-Magistrati (Malta); Minn informazzjoni miġbura mid-diversi awli tal-Qrati tal-Magistrati (Malta), f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 12-il persuna li nstabet li kienet arrestata illegalment u ġiet hekk dikjararta mill-Qorti. Qorti ta’ Għawdex: F’dawn l-aħħar ħames snin ma kien hemm l-ebda persuna li nstabet li kienet arrestata illegalment u ġiet hekk dikjarata mill-Qorti.

Kumpens lill-persuni li nżammu taħt arrest preventiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin jekk sarux talbiet għal kumpens minn persuni li nżammu arrestati taħt arrest preventiv u sussegwentement ġew liberati u kemm kienu dawn il-persuni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx statistika speċifika tat-tip ta’ talbiet li għalihom hemm referenza fid-domanda ta’ l-Onorevoli Membru. F’dan ir-rigward l-Onorevoli Membru huwa ukoll referit għar-risposti għall-mistoqsijiet Parlamentari numru 34357 u 34621 li jittrattaw suġġett simili.

lukandi li ntużaw għall-ġurijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena liema kienu dawk il-lukandi li ntużaw għal ġurati waqt ġurijiet u kemm kien il-ħlas rispettiv lil kull lukanda?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji mitluba rigward ħlas rispettiv lil kull lukanda huwa kif ġej:- 2011 Lukanda A €782.00 Lukanda B €1,955.00 Lukanda Ċ €32,920.00 2010 Lukanda Ċ €28,156.45 Lukanda D €3,528.00 2009 Lukanda Ċ €21,321.85 2008 Lukanda Ċ €10,005.17 Lukanda D €6,466.67 Lukanda A €1,680.55 2007 Lukanda Ċ €13,340.91 Lukanda D €3,172.02 Minħabba raġunijiet ta’ sigurta mhux meqjus opportun li jingħataw l-ismijiet tal-lukandi fejn ikunu alloġġjati l-ġurati.

Persuni li server bħala ġurati ordinarji u prim ġurati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm kienu dawk il-persuni li servew bħala ġurati ordinarji u kemm kienu l-persuni li servew bħala prim ġurati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ġurati ordinarji u gurati primi li servew f’dawn l-aħħar ħames snin quddiem il-Qorti Kriminali kienu: 2007 – 105 Ordinarji 10 Primi 2008 – 152 Ordinarji 15 Primi 2009 – 142 Ordinarji 14 Primi 2010 – 191 Ordinarji 19 Primi 2011 – 197 Ordinarji 18 Primi

Awtorità tad-Djar — talbiet ta' residenza alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar hux se tipprova tindirizza b'mod speċifiku l-ħteġijiet li jirriżultaw mit-talbiet ta' residenza alternattiva, b'xi skemi parikulari għal iktar lokalitajiet li għadhom talbiet pendenti għal tali talbiet, u b'mod specifiku għal dawk li huma l-bżonnijiet ta' tali talbiet li qed jirriżultaw fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u dan kif joħroġ minn domanda parlamentari riċenti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar nediet Skema Kiri sabiex tissodisfa t-talbiet għal residenza alternattiva b’mod iktar immedjat madwar Malta u Għawdex. L-awtorità sallum laqgħet 121 applikazzjoni mil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Burmarrad.

estensjoni tal-leave tal-maternità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta daħal fis-seħħ l-estensjoni tal-leave tal-maternità s’issa, kemm kienu l-ommijiet li bbenefikaw minn din l-estenzjoni? Dawn kollha tħallsu l-benefiċċju għal dawn il-ġimagħtejn estesjoni? Il-ġimagħtejn extra li qed jagħmel tajjeb għalihom il-gvern, tħallsu kollha lil dawn l-ommijiet? F’każ li l-ħlas għadu ma sarx, x’arranġamenti qed isiru mal-employers biex ma jispiċċawx imorru minn taħt l-ommijiet il-ġodda?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li minn meta daħalet fis-seħħ l-estensjoni tal-maternity leave kien hemm 172 omm li ibbenefikaw mill-benefiċċju mgħoti. Hemm xi każijiet oħra li ma setgħux jinħadmu minħabba xi nuqqasijiet li kien hemm fl-applikazzjonijiet. Dawn il-persuni qed jiġu infurmati b’dawn in-nuqqasijiet biex kif jipprovdi l-informazzjoni kollha l-każ tagħhom jinħadem. Fejn ikun dovut il-benefiċċju jitħallas. Tajjeb ninforma lil Onor. Interpellant li kull ġimgħa jsir proċess fejn applikazzjoni għal dan il-benefiċċju jiġu proċessati biex jitħallsu.

Parental Skills Programme

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33470, jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-Parental Skills Programme? X'inhi r-raġuni għaliex l-Aġenzija Appoġġ ma torganizzax ukoll dawn il-programmi tant importanti għall-familji vulnerabbli?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-kors ta’ Parental Skills – Inrabbu ‘l Uliedna Aħjar – il-parteċipanti jkunu mistiedna jifhmu aħjar il-proċess ta’ l-iżvilupp fiżiku, emozzjonali, intelletwali, psikoloġiku u soċjali ta’ uliedhom u l-bidliet li jġibu magħhom. Fil-kors jiġu diskussi dawn it-temi: · Stili differenti ta’ kif immexxu lill-familja · Kif il-membri kollha jikkomunikaw ma’ xulxin b’mod effettiv · Kif il-membri kollha jsiru responsabbli lejn u ta’ xulxin · Kif nifhmu aħjar l-iżvilupp li jgħaddu minnu kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri · Tagħrif dwar l-abbuż ta’ l-alkoħol, drogi u ta’ sustanzi oħra · Kif nifhmu lil uliedna fil-proċess sesswali tagħhom Dawn it-temi jiġu diskussi f’sitt sessjonijiet ta’ madwar sagħtejn-il waħda. Kull sessjoni tikkonsisti minn ‘video clips’, tagħrif dettaljat dwar it-temi hawn fuq imsemmija, kif ukoll il-grupp ikun imħajjar jipparteċipa f’diskussjoni. Il-parteċipanti jingħataw materjal edukattiv, kif ukoll ċertifikat ta’ parteċipazzjoni. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall - Ħarsien Soċjali tipprova ma toffrix servizzi li jkunu dopji fl-Aġenziji tagħha u huwa għalhekk li ġaladarba s-servizz ta’ Parental Skills jigi offrut minn Aġenzija Sedqa, il-klijenti ta’ l-Aġenzija Appoġġ li ghandhom bzonn dan il-programm jigu riferuti ghal dan is-servizz. B’hekk il-klijenti ta’ l-Aġenzija Appoġġ xorta waħda jkunu qed jigu offruti dan is-servizz.

Dewmin fil-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet fil-Qorti li ilhom aktar minn tliet snin biex tinqata' s-sentenza u jiġu konklużi? Kemm ilhom pendenti dawn il-każijiet? X'inhuma r-raġunijiet ta' dan id-dewmien kollu biex jiġu deċiżi dawn il-każijiet?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Qrati Ċivili ta’ Malta; Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li każijiet li ilhom aktar minn tliet snin biex tingħata s-sentenza huma s-segwenti: Isem tal-Qorti Nru. ta’ kawżi li ilhom għal aktar minn 3 snin biex tingħata sentenza Qorti Kostituzzjonali 0 Qorti ta’ l-Appelli Ċivili (Superjuri) 11 Qorti ta’ l-Appelli Ċivili (Inferjuri) 0 Qorti Ċivili, Prim’Awla 248 Qorti Ċivili, Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) 3 Qorti Ċivili, tal-Familja 0 Qorti tal-Maġistrati (Ċivili) 141 Tribunal għal Talbiet Żgħar 0 Tribunal dwar il-Qsim tal-Wirt 0 Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar Artijiet 0 Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba’ 7 Bord li Jirregola l-Kera 5 Total 415 B’referenza ghall-parti tad-domanda dwar kemm ilhom pendenti dawn il-kazjiet jinghad li kull kawza tigi introdotta separatament u ghalhekk iz-zmien ivarja ghal kull kawza. B’referenza ghar-ragunijiet ta’ dewmien jinghad li jista’ jkun hemm varji ragunijiet li mhux kompitu tar-Registratur li jidhol fuq dan stante li dan hija kwistjoni li tispetta lil gudikant li quddiemu jkun il-kaz. Qorti Kriminali ta’ Malta: Quddiem il-Qrati ta’ Gudikatura Kriminali hemm 13-il kawza li ilhom differita ghas-sentenza iktar minn tlett snin. Dawn il-kawzi kienu gew introdotti bejn is-sena 1992 u 1997. L-amministrazzjoni tal-Qorti mhux f’posizzjoni li taghti raguni ghal dan id-dewmien. Qorti ta’ Għawdex: Fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), kemm dak li jirrigwarda kawżi ċivili kif ukoll dawk kriminali, m’għandna l-ebda kawża li ilha aktar minn tliet snin biex tinqata’ s-sentenza u tiġi konkluża.

Persuni li tressqu b'arrest

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum, kemm tressqu persuni b'arrest? Kemm minn dawn il-persuni ngħataw il-ħelsien mill-arrest mal-preżentata? Kemm minn dawn il-persuni għadhom arrestati sal-lum?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Inteprellant li Quddiem il-Qrati tal-Magistrati kompetenza kriminali fil-Qrat ta’ Malta kif ukoll fil-Qrati ta’ Ghawdex mill-bidu tas-sena s’issa tressqu 393 persuna taht arrest. Minn dawn il-persuni, 315-il persuna inghataw il-liberta’ provizzorja jew il-kawza taghhom giet deciza mal-presentata. 78 persuna ghadhom arrestati sal-lum.

Ġuri patteġġjati u kontestati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm-il ġuri ġie patteġġjat wara ammissjoni u kemm-il ġuri kien kontestat? Kemm minn dawk li ġew kontestati instabu ħatja u kemm kien hemm sentenza liberatorja?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli INterpellant li l-istatistika moghtija hawn taht turi, sena b’sena, kemm fil-Qorti Kriminali f’dawn l-ahhar hames snin gew patteggjati gurijiet wara ammissjoni, kemm il-guri gie kontestat u kemm minn dawk kontestati, instabu hatja u kemm gew illiberati Sena 2007 : 7 Att ta’ Akkuza patteggjati 8 Att ta’ Akkuza Kontestati li minnhom 8 gew misjuba hatja u xejn liberati. Sena 2008 : 5 Att ta’ Akkuza patteggjati 14 Att ta’ Akkuza Kontestati li minnhom 13 instabu hatja u 1 liberat. Sena 2009 : 10 Att ta’ Akkuza Patteggjat. 15 Att ta’ Akkuza Kontestati li minnhom 13 instabu hatja u 2 liberati. Sena 2010 : 12 Att ta’ Akkuza Patteggjat. 21 Att ta’ Akkuza Kontestat li minnhom 4 gew illiberati. Sena 2011 : 32 Att ta’ Akkuza Patteggjat. 18 Att ta’ Akkuza Kontestat li minnhom 2 gew illiberati.

Theddid ta' bombi fil-bini tal-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bomb scares/theddid ta' bombi fil-bini tal-Qorti matul l-2008, l-2009, l-2010, l-2011 u l-ewwel erba' xhur tal-2012? Kif kienu mqassma xahar b'xahar? X’jiġri f’każijiet bħal dawn u kif ikun affetwat ix-xogħol tal-qorti ?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli INterpellant li d-dettalji mitluba rigward numru ta bomb threat calls fiergħa relattivi għall-Qrati Maltin jinstabu aktar 'l isfel. Id-Direttur Ġenerali jiġi nfurmat b'din it-theddida permezz ta' telefonata mil-control room tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jew inkella jekk it-telefonata tiġi mehudha minn impjeġat tal-Qorti jinforma lid-Direttur Ġenerali. Il-Bomb Disposal Unit jiġu infurmati mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jew mill-Qorti stess skont fejn tkun saret it-telefonata. L-Amministrazzjoni tieħu ħsieb li tevakwa lill-impjegati u l-pubbliku li jkun prezenti fil-bini tal-Qorti. Kull awla tirregola hija stess l-andament tax-xogħol peress li filwaqt li f’ċerti awli x-xogħol jiġi sospiż temporanjament hemm awli oħra fejn is-seduti jitkomplew.

talba għal benefiċċju

Question

Jista' l-Minsitru jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament mhux qed ikollha xi tip ta' benefiċċju minkejja li kienet taħdem u issa qed tirreġistra?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.

Ħlas ta' lift fil-flats tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy biex jiġi stallat lift fil-flats tal-gvern? Jista' jgħid jekk xi ħadd qatt ma kien parti mill-ħlas biex juża l-lift u issa ġew imponuti li jħallsu għax inkellha ikollhom jirritornaw iċ-ċwievet u l-familja li dettalji dwarha qed jingħataw separatament tispiċċa barra? Min kien iħallas u issa ma jridx ikun parti minn dan il-ħlas jista' jagħmel dan bħal każ tas-sinjura li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kienet tħallas u tliet snin ilu ħarġet mill-iskema issa wara tliet snin talbuha biex terġa tibda tħallas?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

B’risposta ghal mistoqsija tal-interpellanti, l-Awtorità tixtieq tgħarraf li: - dan il-lift kien gie moghti lir-residenti li joqghodu f’appartment 5/6/2/1/u 3 nhar 25 ta’ Ottubru 2005 b’investiment ta’ madwar € 30,000; - F’Dicembru 2009 dan il-lift gie maghluq u ssigilat minhabba hasra u nuqqas ta’ manutenzjoni mir-residenti kif kienu obbligati f’kuntratt li ghamlu - L-Awtorita’ ma tistax tibqa’ thalli lifs maghluqa wara l-investiment li sar. L-Awtorita’ ghandha madwar 17 il-lift f’diversi binjiet li huma maghluqa ghaliex ir-residenti wara li talbu li jkun hemm lift, ma jridux ikomplu jhallsu ghal manutenzjoni. - Ir-residenti gew mistiedna ghal laqgha kordjali biex jigi spegat lilhom li lift maghluq mhuwiex accettabli u sar bzonnjuz ghal mobilta’ tar-residenti - Ir-residenti kollha li ghandhom access u uzu tal-bejt huma fl-obbligu li jiehu parti mill-manutenzjoni tal-komun u l-lift sar parti mill-komun - Minhabba l-hasra li hemm, li hija madwar € 700, l-Awtorita’ qed titlob li dawn jinqasmu bejn dawk li kienu juzaw, jigifieri residenti fl-appartmenti 5,6,2,1 u 3 f’installments mifruxa fuq sena . - Minn meta l-lift jerga’ jibda jopera mill-gdid, il-hlas ghandu jinqasam bejn kull resident li ghandu access ghal bejt. Jekk resident jaghzel li ma juzax il-lift hija fid-deskrizzjoni tieghu imma xorta obbligat li jiehu hsieb il-komun u dak li hemm fil-komun. - L-Awtorita’ tixtieq ikollha l-ghajnuna ta’ kulhadd biex ikun hemm aktar serjeta’ u responsabbilta’ fit-tmexxija tal-komun. - Hija l-policy tal-Awtorita’ li fejn hemm il-lifts jew fejn ser ikun hemm il-lifts, ir-residenti kollha huma obbligati li jaghtu s-sehem taghhom biex ikun hemm mobilta’ ahjar u l-lifts ikunu sostenibbli

Żgħażagħ b'diżabilità taħt it-30 sena mingħajr esperjenza edukattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ b'diżabilità taħt l-età ta' 30 sena li jinsabu d-dar u ma jattendux xi esperjenza edukattiva u ta' taħriġ?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli l-Interpellant li fil-waiting list taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum hemm 38 klijent li huma applikanti mill-komunità u li huma ta’ età iżgħar minn tletin sena. Dan ma jfissirx li dawn mhux qed jattendu xi esperjenza edukattiva jew ta’ tahrig f’xi post iehor bhal dawk ipprovduti minn diversi NGOs.

Tarzna — arretrati tal-pensjoni lill-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ex ħaddiema tat-Tarzna li se jkunu intitolati għall-arretrati tal-pensjoni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qabel titlesta r-reviżjoni tal-pensjoni li qed issir bhalissa ma jkunx jista' jigi determinat jekk hux ser ikun hemm dritt għall-arretrati jew le. Għalhekk id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’dan l-istadju mhux f’poszzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.

libertà proviżorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm persuni qegħdin bil-libertà proviżorja taħt l-awtorità tal-Qrati Maltin?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-registru tal-Qrati ta’ Gurisdizzjoni Kriminali u Qrati ta’ Ghawdex m’ghandhux tali statistika kompjuterizzata u ghalhekk mhux f’pożizzjoni li jirrispondi din id-domanda.