Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32514 u 32248 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba. Ninformha wkoll li rigward l-informazzjoni mitluba f’ l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 25309

produzzjoni tal-laħam

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal, ċanga u fniek għall-aħħar erba' xhur tas-sena 2011 kelliex żieda fuq produzzjoni tal-istess prodotti tas-sena 2010?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li għar-rigward il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u ċanga iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika, ninfurmaħ li l-informazzjoni rigward il-produzzjoni tal-laħam tal-fenek għadha qed tinġabar

qbid ta' ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-qabda tal-ħut ta' matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2011 kenitx ikbar jew iżgħar mill-qabda tal-ħut tal-istess perjodu tas-sena 2010?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

statistika ta' kemm qed jidħol xogħol il-pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm qed jidħol xogħol il-pitkalija u allura jekk kienx hemm tibdil fix-xogħol li jidħol hemm minħabba l-monti tal-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward il-prodott dikjarat imdaħħal fil-Pitlklija.

monti tal-bdiewa — bdiewa li ma baqgħux jarmaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm f'Diċembru 2011 bdiewa li jarmaw fuq il-monti tal-bdiewa u jekk hemmx applikazzjonijiet ta' aktar bdiewa li jridu jibdew jarmaw? Jista' jgħid jekk kienx hemm bdiewa li bdew jarmaw fuq il-monti tal-bdiewa u għal xi raġuni jew oħra ma baqgħux? X'kienu r-raġunijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’ Dicembru li għadda kien hemm 38 bdiewa u raħħala jarmaw fis-suq tal-bdiewa. Mill-grupp oriġinali li kienu jarmaw fis-suq, kien hemm numru ta’ bdiewa li ma baqgħux jarmaw għal ruġunijiet varji. Kien hemm bdiewa li għal raġunijet personali waqfu minn rajhom filwaqt li oħrajn kien instab li kisru r-regolamenti u ttieħdilhom il permess li jarmaw. Fl-stess perjodu kien hemm numru ta’ applikazzijonijiet minn bdiewa li urew ix-xewqa li jarmaw f’dan is-suq liema applikazzjonijiet qed ikunu pproċessati.

energy performance certificates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu s’issa energy performance certificates xahar b’xahar f’din l-aħħar sena a) għal dwellings; u b) għal non dwellings? Jista' jgħid ukoll kemm daħħal flus il-gvern mis-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn iċ-ċertifikati s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba, ninfurmah li min din is-sistema ta’ registrazzjoni il-Gvern daħħal tnejn u ghoxrin elf u tmien mitt Euro (€22,800) matul dan l-istess perjodu fuq total ta’ 304 ċertifikat maħruġ.

Skema tat-tined u Dairy Restructuring Aid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha l-iskema tat-tined u Dairy Restructuring Aid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 23782 u 23783.

Ilma tal-acquifer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal ilma fl-acquifer tagħna (ilma tal-pjan) f'metri kubi? Bir-rata ta' konsum preżenti, kemm se jdum iservi fi snin dan l-ilma tal-pjan? Kemm idum snin biex l-ilma tal-pjan jerġa' jimtela?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa stmat li l-ħażna tal-ilma tal-pjan tammonta għal 1000 miljun metru kubu. Mhux possibbli li ssir stima realistika ta’ kemm iddum isservi din il-ħażna peress li din tiddependi kemm mir-rata ta’ estrazzjoni kif ukoll biex wieħed jistabbilixxi rata ta’ riġenerazzjoni. Din ir-rata ta’ riġenerazzjoni tiddependi kemm mir-rata ta’ recharge kif ukoll mit-telf b’mod naturali tal-istess r-recharge (discharge mifrux mill-blat lejn il-baħar) li jista’ jvarja skont il-volum ta’ ilma li jinstab fil-ħażna tal-ilma tal-pjan.

Ilma tal-pjan — sid

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min hu s-sid tal-ilma tal-pjan, il-Gvern jew inkella s-sid privat tal-parti tal-art li taħtha hemm l-ilma tal-pjan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ Atti leġislattivi prinċipali li jirrigwardjaw l-ilma huma l-Att dwar il-Korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma u l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Qabel il-pubblikazzjoni tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet twettaq kemm ir-rwol ta’ Regolatur kif ukoll ta’ operatur. Iżda bit-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi, ir-rwol ta’ regolatur ġie trasferit bil-liġi lill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, filwaqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma żammet biss ir-rwol ta’ operatur. L-ebda wieħed mill-Atti ‘l fuq imsemmija ma jidħol speċifikament fil-kwistjoni dwar l-istat legali u ta’ propjetà tal-ilma ta’ taħt l-art. Madanakollu, l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi hija mgħotija setgħat regolatorji wisa ħafna fuq ir-riżorsi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art taħt l-Att ta’ l-Awtorita` ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, fosthom biex tassigura u tirregola l-konservazzjoni, t-tikbir u l-operazzjoni tar-riżorsi ta’ l-ilma u ta’ l-għejjun tal-provvista ta’ l-ilma (artikolu 4(2)(b)(ii) tal-Att). L-Att jispeċifika inter alia li minkejja li mhijiex meħtieġa liċenzja mingħand l-Awtorità biex jinbena bir jew ġiebja dan: “ma tipprekludix lill-Awtorità milli teżerċita xi waħda mill-funzjonijiet u s-setgħat taħt dan l-Att bil-għan li tiżgura li ma jinħeliex ilma jew jiġi użat ħażin u li ma ssir ebda ħsara fis-saff tal-akwifer jew band’oħra.” (artikolu 26(4) tal-Att) Dawn is-setgħat wisa’ jikkwalifikaw l-użu u t-tgawdija tal-ilma ta’ taħt l-art mis-sidien tal-art privati billi jintroduċu restrizzjonijiet għar-rigward tal-użu tar-riżorsa tal-ilma ta’ taħt l-art. Ta’ min jgħid ukoll li Malta hija legalment obbligata li tiżgura li l-ilma ta’ taħt l-art ikollu stat tajjeb kemm fil-kwalita u anke fil-kwantita tieghu.

tindif ta' bajjiet u xtut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema bajjiet u xtut qed jitnaddfu minn xi dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, minn meta beda jsir dan ix-xogħol, kemm hija n-nefqa għal kull lokalità u jekk il-kunsill lokali huwiex qiegħed jintalab iħallas għall-istess xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa minn April 2009 ir-reponsabbiltà għat-tindif tal-bajjiet u xtut, esklużi dawk il-partijiet mogħtija bħala konċessjoni, qiegħda f’idejn id-Direttorat għat-Tindif. Għalkemm dan ix-xogħol isir b’mod kontinwu matul is-sena, il-qofol tal-operat huwa matul ix-xhur tas-sajf. Ninfurmaħ ukoll li n-nefqa hija kollha fuq il-Gvern Ċentrali u ma ssir l-ebda talba għal ħlas lill-Kunsilli Lokali.

Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li niżlet xita matul is-snin 2009/10 u 2011? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li nġabar minn dan l-ilma u kemm minn dan l-ilma tax-xita reġa' spiċċa l-baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23287, għat-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu ninfurmah li mhux possibbli li dan jitkejjel peress biex wieħed jasal għall figura ta’ kemm inġabar wieħed irid jikkonsidra kemm ir-riservi naturali u gibjuni li jappertjenu lil diversi entitajiet tal-gvern, kif ukoll il-fatt li ħafna ilma tax-xita jiġi maħżun fi bjar privati li dwarhom la hemm informazzjoni dwar numri u wisq anqas dawn kemm jesgħu.

Ħażna tal-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jinħażen l-ilma tax-xita li jinżel f'Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġbiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 23316, 22671 u 24535, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li għandi hemm 115-il ġibjun li b’kollox hu stmat li jesgħu madwar 173,360 metri kubi (madwar 38.5 miljun gallun) ta’ ilma.

Manutenzjoni tal-widien u ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saret manutenzjoni fuq widien u ġibjuni pubbliċi matul is-sena 2011? Liema kienu u kemm ġew jiswew kull proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2011 sar tindif fuq sittax-il wied. Dan ix-xogħol isir fl-istaġun xott, jiġifieri bejn l-aħħar ta’ Mejju u Settembru. Biex ikunu identifikati liema widien jkunu ser jitnaddfu, qabel ma’ jasal dan l-istaġun xott ikun beda programm ta’ ispezzjonijiet biex dawn jiġu identifikati u barraminhekk issir konsultazzjoni mal-MEPA biex tkun żġurata li fil-proċess tat-tindif ma ssirx ħsara lill-ekologija u l-biodiversità tal-istess widien. Ċertu widien prinċipali issirilhom tindif kull sena partikolarment biex partikolarment fejn hemm ilqugħ dawn iżommu aktar ilma kemm biex jitnaqqas ir-risku ta’ għargħar fit-toroq u rħula tagħna, kif ukoll sabiex l-ilma li jinżamm iservi kemm bħala ħażna għal bdiewa tagħna kif ukoll jagħti ċans li dawn l-ilmijiet jiskulaw u jfornu l-ilma tal-pjan. Dawn il-widien u l-ispiża għalihom kienu kif ġej: Wied iċ-Ċawsli €13,180 Wied il-Kbir €14,954 Wied is-Sewda €26,687 Wied Ħesri €18,563 Wied tal-Isqof €10,054 Wied Mofru €6,016 Wied Baqqiegħa €8,639 Wied Qlejgħa €63,988 Wied tal-Fiddien €1,935 Wied Liemu €3,438 Wied Qannotta €7,608 Wied Għajn Riħana €4,369 Wied ta’ Ċampra €4,206 Wied Incita €6,135 Wied Għajn Żejtuna €3,600 Il-Kanal tal-Ilma fejn il-korsa taż-żwiemel l-antika fil-Marsa €6,833 Għar-riward tal-ġibjuni, sar xogħol fuq sitta liema xogħol mhux biss kien jirrikjedi tindif iżda wkoll xogħol fuq l-istruttuta u kisi. Dawn il-ġibjuni li fuqhom sar xogħol matul is-sena li għaddiet flimkien ma l-ispiża għalihom kienu kif ġej Ġibjun fi Triq il-Wied tal-Imsida €9,089 Ġibjun f’Tal-Ħlas, Haz-Żebbug €2,147 Ġibjun f’Tal-Providenza, Siġġiewi €128 Ġibjun f’San Kelment, Żejtun €5,086 Żewg ġibjuni fi Vjal Santa Luċija, Raħal Ġdid €8,965 Ġibjun f’Ta’ Garnaw, Santa Luċija €2,261 Ġibjun f’Tas-Silġ, Marsaxlokk €4,418 Tliet ġibjuni f’Bir Miftuħ, Gudja €8,587

Tindif ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaddfu widien f'Malta u f'Ghawdex u kemm fadal li għad jridu jitnaddfu biex kollha jkunu jistgħu jilqgħu l-ilma tax-xita?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32259, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li t-tindif tal-wieden m’hihiex proġett fejn wieħed jgħid li xi ħaġa hija lesta u jista’ jitfaħħa wara spallejh; dan huwa process kontinwu fejn il-pjan ta’ xogħol iddettat mill-bżonn u l-urġenza u mhux skont pjan ċikliku. Għaldaqstant ċertu widien isiru kull sena u oħrajn inqas regolari għax ma jkunx hemm dak il-bżonn. Ninsab konvint li l-Onorevoli Interpellant jifhem li l- widien li l-izjed jkollhom bżonn ta’ tindif huma dawk fejn fihom jakkumula ħafna materjal li jinġarr mal-ilma, u għaldaqstant dawn jitnaddfu kull sena. Fost dawn il-widien wiehed jista’ jsemmi Wied il-Kbir, Wied is-Sewda, Wied Ħesri, Wied il-Luq, Wied tal-Isqof, Wied Qannotta, Wied Għajn Rihana u Wied Qlejgħa. Kif wieħed jista’ jifhem dawn il-widien maġġuri jigu mnaddfa kull sena biex barra li jkunu jistghu jilqghu fihom volum akbar ta’ ilma, fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar f’postijiet bħal Ħal Qormi, il-Marsa u Burmarrad. Tajjeb li ngħid li d-deċiżżjoni dwar l-għażla ta’ fejn isir dan it-tindif tittieħed wara li jsiru spezzjonijiet fihom u wara konsultazzjoni mal-MEPA biex tigi protetta l-ekologija u l-biodiversita’ tal-istess widien Dwar il-widien li tnaddfu f’Ghawdex, nistiedejn lill-Ononervoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.

Nitrati fl-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' x'qed jikkawża n-nitrati fl-ilma f'Malta u Għawdex? Hemm xi strateġija biex tikkontrolla dan? Bħala gvern x'qed jagħmel biex jkun qed jmexxi eżempju tajjeb għal dawk affettwati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 15664, 25134 u 13938.

Ilma tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-volum tal-ilma tax-xorb li ttella' mill-ħażna tal-pjan matul l-2011? X'livelli ta' kwalità kellu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Works Division

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema tal-Works Division ilhom ix-xhur ma jinbidlilhom is-safety shoes ? Jista' jgħid x'inhi r-raguni ? Kull meta hu ntitolat kull impjegat tal-Works Division li jibdel is-safety shoes imqatta' ma' ieħor ġdid ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policy addottata hija li jinħarġu kull sena par ta 'żarbun tas-sigurtà u par ‘Boots’ tas-sigurtà lill-dawn il-ħaddiema fost tagħmir protettiv ieħor personali. F’faż li xi wieħed miż-żraben tas-sigurtà jew il-‘Boots’ tas-sigurtà jitqattgħu u jkun kostatat li jkun tqatta minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dan il-par żarbun jew boots tas-sigurtà jigi mibdul.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32239 u jgħid kemm kien l-ammont li tnaqqas mid-dekasteru tiegħu bħala parti miż-0.59% mnaqqsa mill-budget għas-sena 2012? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-ammonti u liema huma l-line items?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Raħal Ġdid u San Ġwann — Farmers Market

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew joperaw il-farmers market ta' Raħal Ġdid u San Ġwann? Jista' jgħid jekk dawk li applikaw biex jibdew jipparteċipaw f'dawn il-markets ġewx informati dwar x'se jiġri dwar dawn is-swieq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari 32347.

Bastimenti tas-sajjieda — Stallazzjoni ta' Electonic Log-book

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31188 u 29681 u ċioe: B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa li s-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom qed jipprotestaw kontra l-introduzzjoni tal-electronic log-books fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x'inhi s-sitwazzjoni attwali? X'inhu n-numru ta' bastimenti li fihom ġie stallat dan l- electronic log-book s'issa? Kemm hu n-numru ta' bastimenti li fihom għadu ma ġiex stallat dan l-apparat? Sa meta hemm żmien biex jiġi stallat dan it-tagħmir? Jaħseb li sa din id-data s-sajjieda jkollhom żmien biżżejjed biex jottempraw ruħhom ma' dawn id-direttivi? Hemm xi penalitajiet li jistgħu jiġu imposti fuq dawk is-sajjieda li ma jistallawx dan l-apparat fil-ħin? X'inhuma dawn il-penalitajiet? Peress li s-sajjieda qed jgħidu li għandhom problemi biex iħaddmu dan l-apparat, x'taħriġ ingħataw jew se jingħataw dawn is-sajjieda biex ikunu f'pożizzjoni li jħaddmu dan l-apparat b'effiċjenza?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.