Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Eurovision Song Contest

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kantanti/gruppi li għaddewlhom il-kanzunetti għall-Malta Eurovision Song Contest, wara li ħadu sehem fil-Music Exchange Camp 2023 organizzat mill-PBS, kellhomx iħallsu bejn €2,000 u €10,000 lill-kompożituri biex ikunu jistgħu jipparteċipaw bil-kanzunetta fl-istess Malta Eurovision Song Contest?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Malta Eurovision Song Contest Music Exchange Camp huwa maħsub biex jagħti opportunità għal networking tal-artisti u l-producers biex jgħin fil-ħolqien ta’ kanzunetti ġodda. Ir-regoli jistabbilixxu id-dritt tal-għażla tal-kantanti għall-użu tal-kanzunetti li jinħolqu fil-Camp. Il-PBS ma tirregolax l-għażliet ħielsa tal-kantanti lil hinn mill-Music Exchange Camp.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fid-dekasteru u fis-segretarjat tiegħu li jaħdmu part-time?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fid-dekasteru in toto tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali hemm 35 ħaddiem li jaħdmu part-time.

Kunsill Lokali Raħal Ġdid – Kuntratt ma’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għandu mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument mitlub u mgħoddi lili mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.

Dipartiment għall-Gvern Lokali — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-kuntratti li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu preżentement u f’kull każ jgħid min huma s-suppliers jew dawk li qed jagħtu servizz kif ukoll kemm jiswa kull kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Dipartiment għall-Gvern Lokali — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fit-Taqsima tal-Monitoraġġ u Appoġġ tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) u f’kull każ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem f’din it-taqsima u x’inhu x-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema fit-Taqsima tal-Konformità tal-istess Dipartiment u f’kull każ x'inhu l-grad ta’ kull ħaddiem u x’inhu x-xogħol tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba u kif mgħoddija lili mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG).

Kunsilli Lokali – Ħaddiema Klerikali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema klerikali ma’ kull Kunsill Lokali f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll f’kull każ dawn il-ħaddiema humiex ħaddiema diretti tal-Kunsill jew inkella humiex magħżula wara tender jew quote?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li m’hemmx ħaddiema klerikali fil-kunsilli li huma magħżula b’tender jew quote, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG).

Kunsilli Lokali u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali – Remote Working

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li qed jaħdmu ħamest ijiem fil-ġimgħa bir-remote working fil-Kunsilli Lokali kollha u fid-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) u f’liema Kunsill Lokali jew f’liema sezzjoni tad-Dipartiment huma dawn il-ħaddiema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm persuna waħda mill-kunsilli lokali li taħdem ħamest ijiem fil-ġimgħa fuq bażi ta’ remote working. Dan l-arranġament huwa wieħed temporanju.

Restawr ta’ kotbaRestawr ta’ kotba

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19667, jista’ l-Ministru jelenka x-xogħol kollu ta’ restawr ta’ kotba li qegħdin isiru mill-entitajiet kollha fid-dekasteru rispettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-laboratorju tar-restawr fl-arkivji nazzjonali li jieħu ħsieb il-konservazzjoni ta’ dokumenti varji, li jinkludu ritratti u dokumenti oħra fuq karta, ħafna minn dawn m'humiex f’forma ta’ volumi allura ma jikklassifikawx bħala kotba li dwarhom qed jistaqsi l-Onorevoli interpellant. Din is-sena tlestew l-konservazzjoni ta’ 50 dokument/kollezzjoni. Dawn jinkludu kollezjonijiet tar-ritratti u dokumenti li ġew l-arkivji bħala donnazzjonijiet minn nies/studios privati; albums tar-ritratti; applikazzjonijiet għall-passaporti; disinji; mapep u dokumenti oħra. Ninsab infurmat ukoll li Heritage Malta f’dan il-perjodu msemmi mhux tagħmel restawr speċifikament fuq kotba u kompliet tagħmel restawr fuq oġġetti oħra magħmula mill-karta.

Raħal Ġdid — Żona ta Sant’Ubaldesca - Rapporti ta’ rwejjaħ jintnu

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’rapporti daħlu u x’passi ttieħdu fir-rigward tal-irwejjaħ jintnu, li konsistentement inxtammu matul is-sajf fiż-żona ta’ Sant’Ubaldesca u fit-toroq ta’ wara sa Triq Brittanja, f’Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsilli Lokali — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar ħames snin kemm kien hemm Kunsilli Lokali li ngħataw fondi extra mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali jew xi entità oħra governattiva sabiex jagħmlu tajjeb għad-defiċit li akkumulaw matul is-snin? Jista' f'kull każ jgħid kemm kien l-ammont li ngħata kull sena kunsill b'kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li kien hemm każ wieħed ta’ Kunsill li ingħata fondi addizzjonali biex jagħmlu tajjeb għal defiċit akkumulat. Dan kien il-Kunsill Lokali tal-Kalkara li matul is-sena 2024 kien allokat l-ammont ta’ €189,362.45.

Rabat, Għawdex — Triq Ta’ Viani/Triq Ġorġ Pisani - Fdalijiet palaeontoloġiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fid-dawl tal-ittra mibgħuta mid-Dottoressa li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fl-10 t’Awwissu 2024, fejn irreġistrat ilment formali dwar l-aġir u l-attitudni ta’ bullying fil-konfront tagħha meta ġibdet l-attenzjoni dwar sejbiet ta’ fdalijiet palaeontoloġiċi li kienu fil-periklu li jitkissru u/jew jinsterqu waqt xogħlijiet ta’ twessigħ ta’ triq fi Triq Ta’ Viani/Triq Ġorġ Pisani fir-Rabat, Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru l-verifiki meħtieġa nħass illi l-każ huwa magħluq.

Ħal Qormi — Triq Ġorġ Mifsud Chircop

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin ta’ Triq Ġorġ Mifsud Chircop, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li minħabba li t-triq għad trid tinbena għall-ewwel darba, il-Kunsill qiegħed f’diskussjonijiet ma’ Infrastructure Malta biex ikun jista’ jsir ix-xogħol.

Ħal Qormi — Triq San Bartolomew - Xelter quddiem il-Knisja ta’ San Bastjan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mix-xelter li nstab waqt ix-xogħol ta’ skavar quddiem ir-rampa tal-Knisja ta’ San Bastjan, fi Triq San Bartolomew, Ħal Qormi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Qormi li għaddej xogħol mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali bil-għan li jittieħdu l-passi li hemm bżonn fir-rigward. Informat li deċiżjoni se tittieħed fi stadju ulterjuri.

Kunsilli Lokali– Skema tal-Ħaddiema fil-Komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mill-Iskema tal-Ħaddiema fil-Komunità (CWS) assenjati miegħu kull Kunsill Lokali f’ Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’inhu x-xogħol li qed jiġi assenjat kull wieħed minn dawn il-ħaddiema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.

Dipartiment għall-Gvern Lokali – Special Leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li ngħataw special leave? Jista’ jgħid ukoll f’kull każ x’kienet ir-raġuni li għaliha ngħata dan l-ispecial leave u għal kemm żmien kien dan il-leave?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul is-sena kurrenti impjegat wieħed mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ingħata leave għal perjodu ta’ sena għal xogħol ma’ organizzazzjoni volontarja.

Dipartiment għall-Gvern Lokali — Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’safar kienu involuti fih uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) mill-bidu tas-sena 2000 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kif u minn min kienet iffurmata kull delegazzjoni u mil-liema vot ittieħdu l-fondi? X’kien il-benefiċċju għad-Dipartiment u l-Kunsilli Lokali li ħareġ minn kull safra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-advisory cost.

Ħal Qormi — Ġnien Vjal de la Cruz - Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi minn meta ngħatat it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6451 li ngħatat fi Frar 2023 dwar il-bidu ta’ proġett li hemm ippjanat fi ġnien Vjal de la Cruz, f’Ħal Qormi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Qormi li matul is-sena 2023/2024 saru diversi xogħlijiet fi Ġnien Vjal de la Cruz li ġew inawgurati fis-6 ta’ Ġunju 2024 u jinkludu: • F’Lulju 2023 - Tneħħija ta’ fanali qodma, tħaffir ta’ trinek, tqegħid ta’ pajpijiet ġodda u installazzjoni ta’ dawl ġdid. • F’Awwissu 2023 - Twaħħil ta’ fanali ġodda madwar il-ġnien kollu. • F’Jannar/Frar 2024 – Saret Play Area ġdida fejn ġiet mibdula l-art u twaħħal tagħmir ġdid għal-logħob tat-tfal.

Mużewijiet u siti — Turisti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti statistika xahar b’xahar, tan-numru ta’ turisti li ġew f’pajjiżna u li żaru mużewijiet u siti separatament, għas-snin 2022, 2023, 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll l-etajiet tagħhom u kemm nefqu l-viżitaturi/it-turisti f’kull mużew jew sit?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ fatturi/invoices u dettalji assoċjati li ħarget is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, kif mitlub fit-tabella annessa għal servizzi mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba tinqabeż l-advisory cost.