Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Film Festival – Aġenziji ta’ public relations - Ħlas

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30459, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm aġenziji ta’ public relations oħra barranin li ġew inkarigati u mħallsa biex jagħżlu persuni biex jattendu l-Malta Film Festival apparti t-tnejn imsemmija fl-istess tweġiba? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tal-aġenziji separatament u jgħid kemm tħallsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta hija fin-negattiv.

Infrastructure Malta - Talbiet mill-Kunsilli Lokali - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30772 u jipprovdi lista ta’ toroq li kull kunsill lokali f’Malta u Għawdex talab lill-Infrastructure Malta biex isir xogħol fihom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel refrenza għall-mistoqsija parlamentari nru 25185.

Pembroke - Livell għoli ta’ trab u storbju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet f’Pembroke marbuta mal-livell għoli ta’ trab u storbju li qed ikun hemm waqt il-kostruzzjoni li għaddej bħalissa? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed isiru insistenzi u rapporti da parti tal-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tindika għal liema kostruzzjoni qed issir referenza sabiex tkun tista’ tingħata t-tweġiba mitluba.

Kunsilli Lokali - Ġbir ta’ skart - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li lmentaw dwar problemi relatati mal-ġbir tal-iskart u jispeċifika f’liema toroq kienu dawn l-ilmenti? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba lmenta kull kunsill lokali minn meta daħlet fis-seħħ is-sistema l-ġdida?

Response (BONNICI, OWEN)

Jien ninsab informat li hemm linja ta’ komunikazzjoni tajba bejn il-Kunsilli Lokali, ir-Reġjuni u l-kuntratturi, anke b’mezzi ta’ komunikazzjoni moderni mhux biss dawk tradizzjonali, sabiex jiġi assigurat li l-proċess tal-ġbir tal-iskart muniċipali ikun tajjeb kemm jista’ jkun.

Pembroke - Restawr fuq it-Torri tal-Arloġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28313 u jgħid jekk hemmx ħsieb li t-Torri tal-Arloġġ li hemm f’Pembroke, mibni fl-1903, jiġi restawrat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Artijiet pubbliċi – Proċeduri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi qed jittieħdu mill-Gvern sabiex ma jerġgħux iseħħu każijiet simili għal dak tal-art tal-Fortina, b’mod partikolari fir-rigward ta’ proċeduri interni, awditjar indipendenti u rendikont pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sa mill-2021, l-Awtorita ħadet miżuri sabiex ikun hemm aktar trasparenza u kontabilita fil-proċess tal-valutazzjonijiet billi waqfet kumitat apposta, li jgħodd żewġ membri tal-Bord tal-Gvernaturi fosthom, u billi issir verifika anke mill-Uffiċjal Kap tal-Verifika fi ħdan l-istess Awtorità, liema uffiċjal tirrapporta direttament lill-Parlament. In oltre, valutazzjonijiet ta’ proġetti maġġuri ta’ l-fuq minn erba mitt elf ewro jiġu verifikati mill-istess Bord, u saħansitra mill-Kumitat Parlamentari tal-Verifika meta jkun il-kas. Is-sistema li ġiet adottata tagħżel il-periti indipendenti b’mod awtomatiku, u fl-istess hin tassigura illi ir-rapporti jintbgħatu b’mod digitali fil-files diġitali ta’ l-Awtorita’ fejn jiġu reġistrati immedjatament.

Ksur ta’ kundizzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Avviż Legali introdott f’Awwissu tal-2024 li daħħal kriterji aktar stretti għall-valutazzjonijiet u penali ta’ 25% fuq ksur ta’ kundizzjonijiet se japplika għal każijiet pendenti jew ġodda?

Response (BONNICI, OWEN)

Naturalment l-Awtorità tal-Artijiet timxi skont il-proviżjonijiet li hemm dettaljati fl-istess avviż.

Marsaxlokk - Villa Rumana Tas-Silġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28889, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett f’Tas-Silġ huwiex ser isir bil-bidla fit-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li m’hemmx x’inżid mar-risposta tal-mistoqija parlamentari 28889. Ninsab infurmat li fir-rigward tat-triq li twassal lejn l-istess post, id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin mal-awtoritajiet konċernati.

Il-Belt Valletta - Pjazza Jean De La Valette - Restawr ta’ monument

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29757, jista’ l-Ministru jgħid x’irriżulta wara l-ispezzjoni li kellha issir fuq il-monument dedikat lill-Gran Mastru Jean La Valette, fil-Belt Valletta, billi dan għandu bżonn ta’ attenzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Wara li rajt li ssir spezzjoni ninsab infurmat li kien sar condition assessment minn Heritage Malta li rriżulta li l-monument għandu bżonn intervent li jdum madwar ġimgħa bi tnejn min-nies. Nippreċiża li dan m'huwiex inkluż fil-lista tal-monumenti nazzjonali. Għaddejjin it-tahditiet interni meħtieġ mal-Kunsill Lokali tal-Belt biex dan ix-xogħol isir.

Belt, Valletta - Knisja ta’ Santa Barbara - Restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30320, jista’ l-Ministru jikkonsidra li ssir spezzjoni sabiex il-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Belt Valletta tiġi restawrata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment se jkun qed iwettaq spezzjoni sabiex jirrapporta fuq l-istat tal-Knisja ta’ Santa Barbara.

Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni - Knejjes/kappelli - Xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema knejjes jew kappelli hemm pjan li jsir xogħol ta’ restawr fuqhom mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.

Artijiet pubbliċi – Pubblikazzjoni tal-valur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex ikun hemm pubblikazzjoni regolari tal-valur ta’ kull art pubblika trasferita li għaliha jsiru tibdiliet fil-kundizzjonijiet, inkluż il-paragun bejn dak stmat u dak imħallas?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant ghall-provizjonijiet tal-Ligi Sussidjarja 573.17.

Art mogħtija mill-gvern – Korrispondenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu sabiex il-pubbliku u l-Parlament jingħataw aċċess sħiħ għall-korrispondenza kollha relatata mal-Fortina, bejn il-Ministeru, l-Awtorità tal-Artijiet u s-sidien tal-lukanda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awditur Ġenerali ingħata l-informazzjoni kollha li kienet tinstab fil-faxxokoli tal-Awtorita’ ta’ l-Artijiet.

Artijiet pubbliċi – Pubblikazzjoni ta’ rapporti tal-periti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex rapporti tal-periti dwar każijiet ta’ art pubblika simili għal dak tal-Fortina, ikunu obbligatorjament pubbliċi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar art pubblika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi f’kull każ simili, ir-rapporti tal-periti jiġu annessi mad-dokumentazzjoni illi tintbgħat lill-kumitat parlamentari.

Art mogħtija mill-gvern – Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’konsulenzi legali jew esterni ġew ikkummissjonati mill-Awtorità tal-Artijiet jew mill-Ministeru fil-każ tal-Fortina u kemm tħallsu għal dawn is-servizzi?

Response (BONNICI, OWEN)

Jista’ l-Onorevoli Interpellant jikkjarifika eżatt għall-liema perjodu u x’tip ta’ konsulenzi qed jirreferi.

Valur ta’ art mogħtija mill-gvern – Stimi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex kien hemm rapporti tal-periti li stmaw valuri ogħla fil-każ tal-Fortina ma ġewx ippreżentati lill-Parlament? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx xi investigazzjoni interna dwar min żamm dawn id-dokumenti milli jiġu ppreżentati lill-Parlament?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għar-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali li tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra tad-Deputati fil-15 ta’ Settembru, 2025.

Bord tal-Awtorità tal-Artijiet – Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet meta ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-art tal-Fortina u jagħti kopja tal-minuti rilevanti ta’ dawn il-laqgħat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni kollha ingħatat lill-Awditur Generali. Il-lok li tintalab huwa propju fi ħdan il-Kumitat Parlamentari tal-Verifika.

Il-Birgu - Parti ta’ Sant Anġlu - Tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-parti ta’ taħt Sant Anġlu l-Birgu (fuq in-naħa tax-xellug li għandha aċċess b’passaġġ fil-ġenb mix-xatt) tiġi mnaddfa u restawrata billi hija frekwentata ħafna?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat li din hi maghrufa bhala d/De Guiral battery, u tifforma parti mill-koncessjoni moghtija lill-CWG Consortium fl-1999.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - Ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu full-time u part-time ma’ kull dipartiment u/jew entità li taqa’ taħtu matul is-snin 2012, 2013, 2016, 2018, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellanta għat-tweġiba li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nr 30776.