Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sejba ta’ droga

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 453 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sejba ta’ droga kien hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-2015, fl-2016 u fl-2017, sena b’sena u x’tip ta’ droga nstabet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Police Board u Internal Affairs Unit — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sal-aħħar tas-sena 2017 kemm saru lmenti lill-Police Board kif ukoll lill-Internal Affairs Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u kemm ittieħdu passi legali kontra l-uffiċjali msemmija u x'tip ta' proċeduri kienu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li mis-sena 2013 sal-aħħar tas-sena 2017 saru sebgħa mija u tmienja u sittin (768) ilment lill-Internal Affairs Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Infurmat li ttieħdu proċeduri fuq mitejn u sitta u tletin (236)każ kontra l-uffiċjali kkonċernati, u minn dawn il-każi mija u erbgħa (104) kienu proċeduri kriminali u mija u tnejn u tletin (132) proċeduri dixxiplinari. 2013 2014 2015 2016 2017 Total Ilmenti lill-Internal Affairs 99 126 292 168 83 768 Passi kriminali kontra Uffiċjali 9 19 26 29 21 104 Passi dixxiplinari kontra Uffiċjali 21 20 47 32 12 132 Fir-rigward tal- Police Board , tajjeb jingħad li l-Bord ġie xolt fit-12 ta’ Mejju 2017. Dakinhar inħatar bord ġdid bl-isem Independent Police Complaints Board u l-ilmenti li ġew preżentati quddiemu sal-31 ta’ Diċembru 2017 kienu erbgħa (4). Għaldaqstant, l-ilmenti kif preżentati quddiem il- Police Board huma kif jidhru fit-tabella hawn taħt. Wara dawn l-ilmenti, ma ttieħdu ebda passi legali. 2013 2014 2015 2016 2017 Total Police Board 12 12 9 16 4 (sat-12 ta’ Mejju) 49

Triq Imdina, Rabat u Triq Imdina, Attard – imwiet reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati mwiet fuq it-toroq Triq l-Imdina, Rabat u Triq l-Imdina, Attard?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Mejju 2018, ma ġew reġistrati ebda mwiet fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Infurmat li ma hemm l-ebda triq bl-isem ta’ Mdina Road, Rabat u għalhekk mis-sistema tal-Pulizija ma nstabet l-ebda referenza għal xi inċidenti tat-traffiku li seħħew fit-triq imsemmija.

Triq Imdina, Rabat u Triq Imdina Attard – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu reġistrati inċidenti tat-traffiku fuq it-toroq Triq l-Imdina, Rabat u Triq l-Imdina, Attard?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Mejju 2018, il-pulizija rreġistrat u rrikorriet fuq tlieta u disgħin (93) inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Il-figura msemmija ma tinkludix kollużjonijiet ‘Front to Rear’ u inċidenti oħra li kienu referuti lill-Gwardjani Lokali. Infurmat li ma hemm l-ebda triq bl-isem ta’ Mdina Road, Rabat u għalhekk mis-sistema tal-Pulizija ma nstabet l-ebda referenza għal xi inċidenti tat-traffiku li seħħew fit-triq imsemmija.

Massage Parlours

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ massage parlours fil-lokalitajiet tal-Belt Valleta, Tas-Sliema, Paceville, San Ġiljan, San Ġwann, Birkirkara, ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u f’Għawdex, li kienu qed joperaw fl-2015, 2016, 2017 u sa Mejju 2018, maqsuma għal kull sena, f’kull lokalità rispettivament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li mis-sena 2002 il-Pulizija ma baqgħetx responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi u għaldaqstant il-mistoqsija ma taqax taħt id-dekasateru tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali. Għalhekk nitolbu jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6449 u peress li nhar it-13 ta’ Ġunju 2018, il-Prim Ministru ddikjara li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li qed joperaw bastimenti ta’ riċerka u salvataġġ fil-Mediterran għandhom jiġu rregolati, jista’ l-Ministru jgħid għaliex? B’liema mod jista’ jiġri dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Proċeduri dixxiplinari kontra surġent tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-proċeduri dixxiplinari kontra s-Surġent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament talli kien kiteb fuq Facebook li l-ġurnalista maqtula li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet ħadet li ħaqqha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6186.

Għawdex – Pulizija — serq, traffikar ta’ drogi u tipjip - każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-lum: a. Kemm-il serqa ġiet irrappurtata lill-Pulizija f’Għawdex u kemm minnhom ġew solvuti; b. Kemm-il persuna nqabdet tittraffika d-droga f’Għawdex u kemm minnhom ġew imressqa l-Qorti; c. Kemm-il persuna taħt l-età nqabdet f’diskoteki jew f’postijiet fejn huma pprojbiti; u d. Kemm-il persuna nqabdet tpejjep f’postijiet ipprojbiti u kemm minnhom tressqu l-Qorti jew quddiem Tribunal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bejn 1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena kien hemm sebgħin (70) serqa li ġiet irrapurtata lill-Pulizija f’Għawdex. Minn dawn erbgħa (4) ġew solvuti. Fl-istess perjodu tliet (3) persuni nqabdu jittraffikaw id-droga f’Għawdex u waqt li wieħed diġà tressaq il-Qorti, tnejn għad iridu jiġu mressqa. Infurmat li ma kien hemm ebda persuna taħt l-età li nqabdet f’diskoteki jew f’postijiet fejn huma pprojbiti u li seba’ (7) persuni nqabdu jpejpu f’postijiet ipprojbiti. Dawn tal-aħħar kollha għad iridu jkunu appuntati għas-seduta mil-LESA.

San Ġiljan – rapporti dwar reati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rapporti kollha li saru dwar reati fil-lokalità ta' San Ġiljan, eskluż Paceville, matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u reat b'reat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar ir-reati kriminali f’San Ġiljan, irrapurtati lill-pulizija mis-sena 2013 sa Mejju 2018 kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li rigward Paceville ma tinżammx informazzjoni separata, peress li din hi area fil-lokalità ta’ San Ġiljan, u r-reati fis-sistema tal-Pulizija għal din l-area jkunu inklużi ma’ rapporti oħra rrapurtati San Ġiljan.

Paceville – rapporti ta’ reati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rapporti kollha li saru dwar reati f'Paceville li jinsab fil-konfini tal-lokalità ta' San Ġiljan matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u reat b'reat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 6419.

Gżira – rapporti ta’ reati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rapporti kollha li saru dwar reati fil-lokalità tal-Gżira matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u reat b'reat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni relatata ma’ reati kriminali fil-lokalità tal-Gżira, rapportati lill-pulizija mis-sena 2013 sa Mejju 2018 kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke – rapporti ta’ reati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rapporti kollha li saru dwar reati fil-lokalità ta' Pembroke matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u reat b'reat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni relatata ma’ reati kriminali fil-lokalità ta’ Pembroke, irraportati lill-pulizija mis-sena 2013 sa Mejju 2018, kienu kif jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Baħar iċ-Ċagħaq – rapporti ta’ reati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rapporti kollha li saru dwar reati f'Baħar iċ-Ċagħaq li jinsab fil-konfini tal-lokalità tan-Naxxar, matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u reat b'reat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar ir-reati kriminali f’Baħar iċ-Ċagħaq ma tinżammx taħt forma ta’ statistika waħedha fis-sistema tal-Pulizija imma tifforma parti minn lokalita’ sħiħa tan-Naxxar.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – persuni b’diżabilità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar u għaldaqsant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Immigrazzjoni rregolari – fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi li Malta qed tieħu mill-Unjoni Ewropea kull sena għall-ħidma tagħha dwar l-immigrazzjoni rregolari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Il-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali flimkien mad-dipartimenti, entitajiet, aġenziji u msieħba tiegħu qed jimplimentaw proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni u l-Fond Tas-Sigurtà Interna, li jifformaw parti minn Programm tà Fondi Ewropej għal Malta 2014-2020. L-iskop primarju tal-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni hu dak biex jgħin lil pajjiżna ikun iktar attrezzat u effettiv fejn tidħol il-provvista tà bżonnijiet baziċi għall-immigranti li jaslu fi xtutna b’mod irregolari. L-investimenti konċernati jvarjaw minn azzjonijiet biex tiġi provduta akkomodazzjoni xierqa u sigura, sa provvista tal-ikel u għajnuniet oħra, speċjalment servizzi mediċi u soċjali. Dan minbarra għajnuniet finanzjarji oħra marbuta mar-ripatriazzjoni tà immigranti fuq bażi volontarja jew sfurzata, kif ukoll għas-sistemazzjoni mill-ġdid u r-rilokazzjoni tà immigranti li jkunu ġejjin mill-Italja u l-Greċja. Fl-istess waqt, parti mill-għan tal-Fond Tas-Sigurtà Interna hija biex tassigura li l-Forzi Armati tà Malta jkunu mgħammra b’assi u teknoloġiji moderni sabiex ikunu jistaw jimmaniġjaw u jissorveljaw il-fruntieri u l-ibħra territorjali Maltin, bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, b’rabta wkoll kemxejn diretta mall-immigrazzjoni irregolari. Madankollu, l-investimenti maġġuri jvarjaw minn tgħamir tal-baħar bħal xiri tà bastiment ġdid, sa tgħamir tal-ajru bħal xiri tà elikotteru u ajruplan għas-sorveljanza marittima. Dan minbarra l-bini tà attrezzaturi ġodda fi ħdan il-kwartieri tal-Forzi Armati tà Malta, bl-għan li jtejbu bil-bosta il-kontroll u l-effiċjenza tal-operat tagħhom, speċjalment meta jkun meħtieġ li tittieħed xi azzjoni urġenti jew titwettaq xi operazjoni tà sorveljanza. F’iktar dettal, bħalissa qed jiġu implimentati disà (9) proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni b’investiment tà mhux inqas minn €22.06 Miljuni, b’finanzjament mill-Unjoni Ewropeja tà €16.87 Miljuni. Barra n-nefqa attwali, il-kumplament tal-fondi huma proġettati li jintnefqu sas-sena 2022. F’parenteżi, il-Ministeru konċernat qed jimplimenta żewġ (2) proġetti taħt dan il-Fond, b’allokazzjoni finanzjarja tà €9.19 Miljuni, hekk kif qed jimplimenta proġett ieħor flimkien mà organizzazjoni internazzjonali, b’valur tà €1.25 Miljuni. Hu maħsub, li fuq dawn it-tlett (3) proġetti, finanzjament mill-Unjoni Ewropeja ilaħħaq il-valur tà €8.15 Miljuni. Il-Korp tal-Pulizija ukoll għaddej b’ħidma biex jimplimenta proġett ieħor taħt dan il-Fond iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja, b’allokazzjoni finanzjarja tà €1.25 Miljuni, fejn €0.94 Miljuni huma Fondi Ewropej. Bl-istess mod, l-Aġenzija għal-Ħarsien tà Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil qed timplimenta tlett (3) proġetti taħt dan l-istess Fond, b’allokazzjoni finanzjarja tà €9.46 Miljuni fejn €7.09 Miljuni huma Fondi Ewropej, filwaqt li l-Kummissjoni għar-Refuġjati qed timplimenta żewġ (2) proġetti, b’allokazzjoni finanzjarja tà €0.91 Miljuni fejn €0.69 Miljuni huma Fondi Ewropej. Addizzjonalment, il-Forzi Armati tà Malta qed jimplimentaw ħames (5) proġetti taħt il-Fond Tas-Sigurtà Interna, dawk li b’xi mod għandhom rabta diretta mall-immigrazzjoni irregolari. L-investiment totali jlaħħaq il-valur tà €54.16 Miljuni, fejn €40.69 Miljuni huma fondi Ewropej. Madankollu, barra n-nefqa attwali, il-kumplament tal-fondi huma proġettati li jintnefqu sas-sena 2020. Iżjed minn hekk, f’dan l-istess perjodu, il-Forzi Armati tà Malta temmew b’suċċess proġett ieħor taħt dan l-istess Fond, b’nefqa pubblika tà €14 il-Miljun, fejn €12.6 Miljuni huma fondi Ewropej. Attwalment, l-investiment ilaħħaq it-total tà €68.16 Miljuni, fejn €53.29 Miljuni huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropeja. Tà min iżid jgħid, li meta wieħed jikkunsidra dawn id-disà (9) proġetti taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni u s-sitt (6) proġetti taħt il-Fond Tas-Sigurtà Interna, isib li l-medja annwali tà Fondi Ewropej f’dak li hu allokazzjoni finanzjarja matul il-perjodu 2014 – 2022, tvarja minn sena għall-oħra, skond il-pjan tà implimentazzjoni li hemm stipulat taħt kull proġett. Iktar dettalji finanzjarji jinsabu fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proċess mal-wasla ta’ immigrant għal stat ta’ refuġjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-proċess li hu applikat illum mal-wasla ta’ immigrant sakemm jingħata stat ta’ refuġjat? Kif qed titħaddem il-politika ta’ integrazzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li immigrant li jasal Malta legalment jew illegalment li juri x-xewqa li japplika għal protezzjoni internazzjonali iżda għandu akkomodazzjoni privata, imur l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati, fejn jiġi reġistrat bl-għajnuna ta’ interpretu. Jingħata Asylum Seekers Document u jingħata appuntament biex imur f’Ċentru tas-Saħħa biex ikun medically screened, u biex imur il-Eurodac Office fejn jittiħdulu l-fingerprints. Iktar tard l-immigrant jiġi mgħajjat għal intervista li ssir minn case worker tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati, il-każ jiġi studjat u tittieħed deċiżjoni jekk l-immigrant jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali. Immigrant li jasal Malta legalment jew illegalment li juri x-xewqa li japplika għal protezzjoni internazzjonali iżda m’għandux akkomodazzjoni privata, jiġi akkomodat fl- Intial Reception Centre fejn jiġi medically screened u jittiħdulu l- fingerprints . Din il-proċedura tieħu madwar ġimgħa, wara li l-immigrant jiġi medic ally cleared jiġi trasferit f’Ċentru Miftuħ. Ir-reġistrazzjoni tal-immigrant għal-applikazzjoni tal-protezzjoni internazzjonali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Rifuġjati tista’ sseħħ qabel ma jintbagħat l- Intial Recpetion Centre , iżda l-intevista għall-protezzjoni internazzjonli ssir wara. Il-każ jiġi studjat u tittieħed deċiżjoni jekk l-immigrant jikkwalifikax għal-protezzjoni internazzjonali. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza t-tieni parti tal-mistoqsija dwar integrazzjoni lill-Ministru kkonċernat.

Tas-Sliema – rapporti dwar reati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-rapporti kollha li saru dwar reati fil-lokalità ta' Tas-Sliema matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena u reat b'reat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni relatata ma’ reati kriminali fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, irrapurtati lill-pulizija mis-sena 2013 sa Mejju 2018, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qabdiet ta’ droga mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-qabdiet ta’ droga li saru mill-Pulizija fl-2015, fl-2016 u fl-2017? Jista’ jgħid x’kien l-ammont f’piż, valur fi flus, u jagħti d-data ta’ meta d-droga nqabdet? Jista’ jgħid ukoll x’kienet il-kwalità tad-droga u d-data ta’ meta bdew il-proċeduri kriminali mal-persuni li kienu maqbuda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li t-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata u sabiex jinġabar it-tagħrif kif mitlub ikun jeħtieġ ammont sostanzjali ta' ħin u riżorsi. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

Statistika ta’ suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jagħti statistika ta’ suwiċidji mill-2010 sa din is-sena, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel u l-età ta’ kull każ ta’ suwiċidju? Jista’ jagħti din l-istatistika separatament bis-sena, sess u l-età ta’ kull każ mingħajr ma jsemmi l-ismijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-14 ta’ Ġunju 2018, il-pulizija rreġistrat 223 każ ta’ suwiċidju. Minn dawn, 194 persuna kienu ta’ sess maskili u 29 persuna kienu femminili, kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Vittmi ta’ suwiċidju Sena Nisa Rġiel Total 2010 1 30 31 2011 0 19 19 2012 7 19 26 2013 0 22 22 2014 4 27 31 2015 7 29 36 2016 3 18 21 2017 5 20 25 2018 2 10 12 Total 29 194 223 Informazzjoni dwar is-sess u l-età ta’ kull persuna jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 527.