Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Diċembru 2020? Jista’ jindika s-sess u kemm huma jiskuntaw piena u kemm qed jistennew il-proċess tagħhom jiġi konkluż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li r-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Diċembru 2020 kienu jlaħħqu t-864, li minnhom 808 huma rġiel u 56 nisa. Inżid li kien hemm 260 resident jistenna l-proċess tiegħu jiġi konkluż, waqt li 604 qed jiskuntaw piena.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-kmamar tan-nar li għandhom liċenzja li jimmanifatturaw il-piroteknika u l-polvri skont il-Liġi tal-Esplusivi f’Malta u Għawdex? Kemm minnhom ma għandhomx liċenzja biex jimmanifatturaw il-polvri? Liema huma l-kmamar tan-nar li l-liċenzja tagħhom ma ġietx imġedda?
Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-kmamar tan-nar li nfetħu ġodda mill-2016?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi f’ Malta u Għawdex hawn sitta u tletin (36) kamra tan-nar illiċenzjati biex jimmanifatturaw il-piroteknika skont il-Liġi tal-Esplussivi. Peress illi fil-liċenzja ma hemmx distinzjoni dwar manifattura ta’ piroteknika jew porvli, kull kamra liċenzjata tista timmanifattura kemm piroteknika kif ukoll porvli. Mis-sena 2016 ma’ kienx hemm kmamar tan-nar li kienu illiċenzjati fis-sena ta’ qabel, u li licenzja tagħhom ma’ ġietx imġedda. Fl-istess perjodu ma’ kienx hemm kmamar tan-nar mibnija mill-ġdid li ġew illiċenzjati . Madankollu f’dan il-perjodu, kien hemm liċenzjar mill-ġdid ta’ tlett kmamar tan-nar, tnejn f’Malta u wahda Għawdex . Tabella ta’ tali kmamar tan-nar qiegħda hawn taħt
Factory
Area
1
St Mary
Ras il-Wied L/o Zebbiegħ
2
St Joseph
Tal-Garda L/o Għaxaq
3
St Mary
Tal-Ħaxun L/o Għaxaq
4
St Mary
Kontrada ta' San Niklaw L/o Qrendi
5
Ta' Lourdes
Wied il-Ħofra L/o Qrendi
6
St Mary
Il-Ramlija L/o Imgarr
7
19th March
Ix-Xagħra tax-Xini L/o Rabat
8
Union
Ħal Saflieni L/o Luqa
9
SM
Ħbula ta' Mejter L/o Burmarrad
10
12th May
Tar-Ramel L/o Zebbuġ
11
St Philip
Tar-Ramel L/o Zebbuġ
12
St George
Sqaq ta' Awzara L/o Qormi
13
St Michael
Kontrada tal-Iklin, L/o Lija
14
St Catherine
Tal-Wardija L/o Zurrieq
15
La Stella
Ta' Razzat L/o Gudja
16
Independence
il-Gwejdija L/o Qrendi
17
Lily
Wied Musa L/o Siggiewi
18
St Nicholas
In-Nadura L/o Siggiewi
19
Mount Carmel
Tal-għerien L/o Zurrieq
20
Madonna Tal-Virtu
Tal-blajjiet L/o Għarb Gozo
21
15th August
It-Telleriet Dwejra L/o Rabat
22
St Joseph
Ħlantun L/o Zurrieq
23
Ta' Lourdes
Tal-Qgħadi L/o Mgħatab
24
St Leonard
ta' Ċirkiez L/o Gudja
25
St Mary
Ta' Kandja L/o Siggiewi
26
St Joseph
Wied Qierda L/o Zebbug
27
San Pawl
Tax-Xini, L/o Rabat
28
Consolation
Ta' Disinni L/o Gudja
29
San Bert
Wied id-dis L/o Għargħur
30
25 ta' Novembru
Kontrada ta' Lambordi L/o Marsaxlokk
31
St Andrew
Ħal Farruġ L/o Qormi
32
St Sebastian
Tal-Ħandaq L/o Qormi
33
St Paul
Ta' Amparell Safi
34
15th August
Tal-Boroz L/o Kerċem Gozo
35
Qalb ta' Gesu
Ta' Garrija L/o Għarab Gozo
36
Tal-Bilbli
Wied Qierda L/o Siggiewi
.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-ħinijiet li kienet miftuħa l-għassa tas-Siġġiewi mill-1 ta' Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif kelli ċans nispjega għal iktar minn darba l-viżjoni tal-Korp tal-Pulizija hi li jkun hemm preżenza ikbar ta’ pulizija fit-toroq.
L-għassa ta’ Siġġiewi tkun miftuħa skont l-esiġenzi tas-servizz. Fl-istess ħin issir ronda minn uffiċjali b’vetturi tal-patrol.
Mal-għassa tas-Siġġiewi ġie installat servizz ta’ ‘intercom’ li hu mqabbad 24/7 mal-Control Room fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, minn fejn kull assistenza tingħata skont kif mitlub jew meħtieġ. Infakkru wkoll li ħafna mir-rapporti jistgħu jsiru wkoll permezz tat-telephone jew mezzi elettroniċi oħra.
Minkejja, dan irrid ngħid li l-għases ewlenin se jibqgħu miftuħa 24 siegħa kuljum u fil-każ tar-residenti tas-Siġġiewi hija l-għassa ta’ Ħal Qormi dik l-għassa ewlenija li tkopri bis-servizzi tagħha ż-żona li jgħixu fiha.
B'referenza għall-possibbilità li l-Unjoni Ewropea ser tbiddel il-passaporti tagħha talli li ser tinkludi l-iskeda tat-tilqim, jista' l-Ministru x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar din il-possibbilità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm diskussjonijiet fuq livell Ewropew b’rabta ma’ tip ta’ dokument għal min ikun ħa l-vaċċin, fil-kuntest tal-ivvjaġġar. Irid ikun iċċarat li bl-ebda mod dan mhu se jibdel il-passaport tradizzjonali kif tindika d-domanda tiegħu.
Intant, il-Gvern Malti jemmen li jekk għandu jittieħed xi pass f’dan is-sens dan għandu jservi bħala għodda biex ikun iffaċilitat il-moviment tal-persuni b’mod sigur u mhux bħala barriera għall-moviment ħieles.
Persuni li jkunu ser joħorġu mill-ħabs – għoti ta’ ħwejjeġ
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex meta dawk ir-residenti li jkunu skontaw is-sentenza u joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex imorru lura fil-komunità, jingħataw il-ħwejjeġ li jkunu jistgħu jilbsu fl-ewwel ġimgħat speċjalment meta jkun magħruf li dawn ir-residenti ser jispiċċaw bla saqaf u ma jkollhomx flus biex jixtru l-aktar affarijiet essenzjali għall-ħajja?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma l-Onor Interpellant li l-Care-plan coordinators impjegati mal-Agenzija għas-Servizzi Korrettivi jieħdu ħsieb li l-priġunieri li jkunu ser iħallu l-ħabs jkollhom ilbies diċenti u skont l-istaġuni tas-sena.
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 11461, 11465, 15694 u 15696, jista' l-Ministru jgħid kemm-il student barrani nħarġitlu visa biex jistudja f’istituzzjoni edukattiva f’Malta? Jista’ jagħti rendikont sena b’sena għall-aħħar 10 snin u istituzzjoni edukattiva b’istituzzjoni? Mil-liema pajjiż ġew dawn l-istudenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 11462 u 15695, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spot check saret f’istituzzjonijiet edukattivi biex jiġi assigurat li kull student li ngħata visa biex jistudja f’Malta fil-fatt beda u baqa’ jsegwi l-kors edukattiv li applika għalih? X’kien l-eżitu ta’ dawn l-ispot checks? Kemm studenti fil-fatt ingħataw visa u qatt ma bdew jew spiċċaw il-kors li ngħataw il-visa għalih?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm seħħew inċidenti fil-qasam tal-bini jew inkella b'rabta mal-qasam tal-bini mill-bidu tal-leġiżlatura preżenti sal-jum meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali u kemm minnhom ħallew il-persuni involuti b'xi forma ta' diżabiltà? Jista' jgħid ukoll kemm mill-persuni involuti fl-inċidenti kienu Maltin u kemm kienu barranin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa sabiex jinvestiga kif fit-2 ta' Jannar 2021 ħadd mill-Forzi Armati ta’ Malta ma rrisponda għas-sejħa ta' għajnuna sabiex jiġu salvati 96 immigrant illegali illi kienu f'periklu fiż-żona ta' tfittix u salvataġġ Maltija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-Onorevoli Interpellant qed jagħmel domanda bbażata fuq asserzjonijiet żbaljati.
Pero ma nistax ma ninnotax li għal darba oħra f’isem l-Oppożizzjoni, qed jitlob li jittieħdu passi kontra s-suldati tagħna.
Nittama li mhux tgħaddilu minn rasu li jerġa’ jagħmel xi kwerela kriminali oħra kontra l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Lill-Onorevoli Interpellant ngħidlu li l-passi li ħadt jien kienu dawk li waslu biex is-suldati llum għandhom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — Bordijiet - attendenza ta' membri
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17517 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li filwaqt hemm informazzjoni li għadha qed tinġabar, hawn taħt jidhru l-maġġorana tal-bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilta tal-Ministeru tal-Intern, Sigurta Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi huma kif ġej:
Il-Bord tad-Diretturi tal-Aġenzija tal-Individual Investment Programme li twaqqaf fl-aħħar ta’ Marzu 2018, iltaqa’ 13 il-darba. F’5 seduti l-membri kollha kienu prezenti filwaqt li fit-8 l-oħra kien hemm minn membru sa tnejn li kienu skużati jew assenti.
Il-Bord tad-Diretturi tal-Aġenzija tal-Residency Visa ltaqa’ 17 il-darba minn meta ġie stabbilit. Fi 8 seduti kien hemm minn membru sa tnejn li kienu skużati jew assenti.
Il-Bord tal-Appprovazzjonijiet tar-Residency Visa (Diviżjoni 1) iltaqa’ 38 darba minn meta ġie stabbilit. F’16 il-seduta kien hemm minn membru sa tnejn li kienu skużati jew assenti.
Il-Bord tal-Appprovazzjonijiet tar-Residency Visa (Diviżjoni 2) iltaqa’ 15 darba minn meta ġie stabbilit. F’4 seduti kien hemm minn membru sa tnejn li kienu skużati jew assenti.
Il-Bord tal-Appprovazzjonijiet tar-Residency Visa (Diviżjoni 3) iltaqa’ 2 darbiet minn meta ġie stabbilit. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord tal-Parole iltaqa’ 42 darba. F’kull seduta kien hemm minn membru sa tnejn li kienu skużati jew assenti.
Il-Kunsill tal-Protezzjoni Ċivili ltaqa’ 4 darbiet. Minn dawn kien hemm minn zewġ membri sa tlieta li kienu skużati.
Il-Bord tal-Health and Safety for Places of Entertainment iltaqa’ 19 il-darba. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord tal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati ltaqa’ 31 darba. F’5 seduti kien hemm minn membru sa tnejn li kienu skużati jew assenti.
Il-Bord tal-Fireworks iltaqa’ 128 darba. Fi 13 il-seduta kien hemm membru skużat jew assenti.
Il-Bord tal-Immigration Appeals (Diviżjoni 1) iltaqa’ 162 darba. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord tal-Immigration Appeals (Diviżjoni 2) iltaqa’ 162 darba. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord dwar Korrimenti fuq ix-xogħol għall-Korpi Dixxiplinati ltaqa’ 20 darba. F’kull seduta kien hemm membru assenti jew skużat.
Il-Bord ta’ Moniteraġġ ta’ Persuni Miżmuma ltaqa’ 136 darba. F’kull seduta kien hemm minn membru sa tnejn assenti jew skużati.
Il-Bord dwar l-Ilmenti fuq il-Pulizija ltaqa’ 42 darba. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord tal-Appelli għar-Refuġjati (Diviżjoni 1) ltaqa’ 152 darba sakemm ġie xolt. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord tal-Appelli għar-Refuġjati (Diviżjoni 2) ltaqa’ 56 darba minn Mejju 2019 sakemm ġie xolt. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord tal-Appelli għar-Refuġjati (Diviżjoni 3) ltaqa’ 152 darba sakemm ġie xolt. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord tal-Appelli għar-Refuġjati (Diviżjoni 4) ltaqa’ 152 darba sakemm ġie xolt. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
It-Tribunal tal-Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija ltaqa’ 4 darbiet. Ma kien hemm ħadd assenti jew skużat.
Il-Bord dwar l-Armi ltaqa’ 140 darba. F’kull seduta kien hemm minn membru sa tlieta assenti jew skużat.
Jista’ l-Ministru jgħid:
1) kemm-il serqa ġiet rappurtata f'Għawdex fis-sena 2020?
2) kemm-il persuna nqabdet bid-droga ta' kull tip f'Għawdex fis-sena 2020?
3) kemm-il ġlieda ġiet rappurtata f'Għawdex matul is-sena 2020?
4) kemm-il persuna taħt l-età nqabdet f'postijiet tad-divertiment f'Għawdex fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt is-sittax-il sena matul is-sena 2020?
5) kemm-il persuna f'Għawdex inqabdet tpejjep f'postijiet pubbliċi fejn ma jistax isir tipjip fis-sena 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi mill-informazzjoni miġbura mill-Pulizija, l-ammont ta' każi kif elenkati mill-Onorevoli Interpellant li seħħew ġewwa Għawdex mill-ewwel tas-sena 2020 sal-aħħar ta’ Dicembru 2020, kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt:
Dettalji
2020
1.
Ammont ta’ serq li ġie rappurtat f'Għawdex (sa Novembru)
185
2.
Numru ta’ persuni li nqabdu bid-droga ta' kull tip f'Għawdex
5
3.
Ammont ta’ kazi ta’ ġlied li ġie rappurtat f'Għawdex
71
4.
Numru ta’ persuni taħt l-età li nqabdu f'postijiet tad-divertiment f'Għawdex
Nil
5.
Numru ta’ persuni li nqabdu jpejjpu f'postijiet pubbliċi f'Għawdex
Nil
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investiment infrastrutturali sar fil-Barracks tal-Forzi Armati (AFM) fin-Nadur u f'postijiet oħra li għandha l-AFM ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża xahar b'xahar u x’proġetti infrastrutturali hemm ippjanati minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena u matul is-sena 2021 fis-siti tal-Forzi Armati f'Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2020 minbarra xogħlijiet ta' manutenzjoni, inbidlitx l-għamara, tlestiex il-fence tal-perimetru u tkabbarx il-helipad?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Is-sena li għaddiet saru diversi xogħlijiet bil-għan li jitjieb l-ambjent fil-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta, kemm fin-Nadur kif ukoll fl-Imġarr.
Fost oħrajn inbidlu ħitan tas-sejjieħ, issebħu uffiċini, saru dwal ġodda, tjieb is-servizz tal-internet u twaħħal apparat li jtejjeb l-arja, fost oħrajn. Kienet installata wkoll għamara ġdida. Fuq dawn ix-xogħolijiet, fl-Imġarr u l-Qortin, intefqu madwar €19,000.
Din is-sena se jsir xogħol fuq ir-refurbishment tal-Guard room, iktar xogħol fuq il-fence kif ukoll jitkompla t-tisbieħ u t-tiswijiet neċċesarji fil-bini kollu tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Għawdex.
Dwar il-helipad għaddej studju dwar il-vijabbiltà u xiri ta’ dawl speċifiku għal u¿u f’inistalazzjonijiet simili biex issa jsiru wkoll l-applikazzjonijiet mal-awtorità tal-ippjanar.
Għawdex — Rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan l-AFM
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12317, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex waslu u jekk ġewx konklużi t-taħdidiet bejn il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), Transport Malta, Infrastructure Malta u l-Ministeru għal Għawdex għar-rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan l-AFM ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 17812, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li t-taħdidiet dwar ir-rilokazzjoni tal-komponent marittimu fi ħdan il-FAM ġewwa Għawdex għadhom għaddejjin bil-għan li tinstab l-aħjar soluzzjoni.
Korp tal-Pulizija – membri li għandhom iktar minn 25 sena servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li għandhom iktar minn 25 sena servizz fil-Korp tal-Pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bħalissa fil-Korp tal-Pulizija hemm mitejn u wieħed u ħamsin (251) membru, illi għandhom iktar minn ħamsa u għoxrin sena servizz fil-Korp.
Korp tal-Pulizija – testijiet ta’ droga fuq membri tal-korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet fuq membri tal-Korp tal Pulizija sabiex jiġi determinat għamlux użu minn droga jew sustanzi illegali fis-sena 2020? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ pulizija li minn testijiet li saru fuqhom f'dan il-perjodu, irriżulta li għamlu tali użu minn droga jew sustanzi illegali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fis-sena 2020 saru żewġ testijiet fuq membri tal-Korp tal-Pulizija biex ikun determinat jekk għamlux użu minn droga jew sustanzi llegali. Każ minnhom irriżulta fil-pożittiv.
Il-Kodiċi tal-Etika tal-Korp tal-Pulizija, li kien adottat riċentament, jitkellem ċar dwar in-nuqqas ta’ tolleranza għal użu ta’ sustanzi llegali.
Fi żmien li ġej se nkun qed inressaq hawn ukoll emendi leġi¿lattivi li jagħtu iktar saħħa lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku anke f’każ fejn ikun hemm individwi li jirrifjutaw li jagħmlu t-test.
Forzi Armati ta’ Malta – testijiet ta’ droga fuq membri tal-korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet fuq membri tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) sabiex jiġi determinat għamlux użu minn droga jew sustanzi illegali fis-sena 2020? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ membri tal-AFM li minn testijiet li saru fuqhom f'dan il-perjodu, irriżulta li għamlu tali użu minn droga jew sustanzi illegali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 17932, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi matul is-sena 2020 saru total ta 141 testijiet tad-droga (at random) li ma jinkludux it-testijiet mandatorji li jsiru lill-rekluti, uffiċjali kadetti, kif ukoll lill-membri tar-riżerva li jsiru waqt il-proċess ta’ selezzjoni.
Mill-141 test, ġew ikkonfermati 3 każi pożittivi għal xi sustanza llegali. Individwu ieħor irrifjuta li jagħmel it-test u għaldaqstant ġie maħlul mis-servizz b’mod immedjat skont regoli nterni.
Wieħed mill-kandidati li applika mas-sejħa li ħarget lejn l-aħħar tas-sena 2020 ġie pożittiv għal sustanza llegali waqt testijiet mediċi ta’ proċedura.
Uffiċjali tal-Ħabs – testijiet ta’ droga fuq membri tal-korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet fuq uffiċjali tal-ħabs sabiex jiġi determinat għamlux użu minn droga jew sustanzi illegali fis-sena 2020? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ uffiċjali tal-ħabs li minn testijiet li saru fuqhom f'dan il-perjodu rriżulta li għamlu tali użu minn droga jew sustanzi illegali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lil Onor Interpellant li fil-ħabs saru 41 test fuq uffiċjali korretivi fl-2020 u tnejn instabu pożittivi għall-kokaina.