Legislature:
Category:
Reset
Active:

Priġunieri transgender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jinżammu l-priġunieri transgender bħalissa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi dawk il-persuni li jidentifikaw ruħhom transgender jinsabu fis-sezzjoni skont kif huma jidentifikaw. Dan huwa ferm differenti minn dak li kien jiġri qabel meta l-identità tal-ġeneru tal-individwu ma kinitx tittieħed in konsiderazzjoni.

CCF – policy dwar priġunieri transgender

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) dwar priġunieri transgender?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy kurrenti. Infurmat ukoll li bħalissa għaddej proċess ta' evalwazzjoni bejn l-Aġenzija u Taqsima SOGIGESC fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex ikun assigurat li l-policy tibqa' tkun aġġornata skont l-aħħar standards internazzjonali.

CCF – Bord ta’ Monitoraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) fl-2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) iltaqa’ darba fix-xahar għas-sena indikata.

CCF – Bord ta’ Monitoraġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’rakkomandazzjonijiet għamel il-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) fis-snin 2022 u 2023? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-irwol tal-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien imsaħħaħ fl-aħħar snin, anke skont ir-rakkomandazzzjonijiet hekk kif kienu fid-dominju pubbliku b’rabta mar-riformi li kienu implimentati fis-sistemi korrettivi, u li issa qed ikunu segwiti. Segwitu ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, tul is-sena 2022, l-irwol tal-imsemmi Bord ta’ Monitoraġġ kien estiż billi b’żieda mal-membri attwali, żdied membru tal-bord ġdid li beda jservi fuq bażi full time b’uffiċċju awtonomu fdat bil-mansjonijiet ta’ Kummissarju għall-Ħarsien u l-iżvilupp tal-Priġunieri. Tali rakkomandazzjonijiet dwar il-proċess rijabilitattivi jinħadmu skont il-proċeduri interni skont il-liġi rispettiva u hekk kif imexxija bejn it-tmexxija tal-ħabs u l-istess Bord. Fi żmien li ġej, skont kif imsemmi fil-liġi relevanti, jitpoġġa l-ewwel rapport annwali fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

IDENTITY MALTA – TRANSFERS TA’ ĦADDIEMA

Question

Jista’ l-Ministru għall-Intern jispjega minn fejn u għal liema post saru t-transfers ta’ ħaddiema (iktar minn 20 trasferiment) f’Identity Malta fl-aħħar jiem?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-Aġenzija Identità ma kienx hemm 20 trasferiment. Kwalunkwe trasferimenti interni li jsiru bejn id-diversi dipartimenti u taqsimiet li għandha l-Aġenzija dawn isiru skont l-esiġenzi tal-istess Aġenzija.

Direttiva tal-UE 2022/2555 — Implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2022/2555?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Ministeru qiegħed jaħdem fuq il-leġiżlazzjoni biex jittrasponi din id-Direttiva. Huwa maħsub li ssir konsultazzjoni pubblika dwar ċerti miżuri li jinsabu fid-Direttiva.

Persuni ta’ nazzjonalità barranija reġistrati f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ta’ nazzjonalità barranija hawn f’kull lokalità, maqsuma skont il-pajjiż tal-oriġini, u kemm huma nisa u kemm huma rġiel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li din l-informazzjoni tinsab fiċ-ċensiment. Nitolbok tirreferi għad-dokument impoġġi fuq il-mejda tal-kamra P.L.1024

Records ta’ Identità — Persuni residenti f'Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm, skont ir-records ta’ Identità (ex-Identity Malta), huma l-persuni residenti f'Malta u Għawdex sal-aħħar ta’ Settembru 2023 (jew l-iżjed data riċenti li għaliha din l-informazzjoni hija disponibbli)? Jista' jara li din il-figura tinkludi persuni kemm-il fuq u kemm taħt it-18-il sena u kemm dawk ta' nazzjonalità Maltija u barranija, kif ukoll dawk residenti fi djar tal-anzjani (pubbliċi u privati), sptarijiet (pubbliċi u privati), fiċ-ċentri miftuħa, ċentri ta' detenzjoni u fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Barra minn hekk jista’ wkoll jaqsam dawn il-figuri skont il-lokalità, f'dan il-format: (Lokalità ; Maltin <18-il sena ; Maltin >18-il sena ; Barranin <18-il sena ; Barranin >18-il sena)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11662.

Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ – kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-Gvern għandu mas-sidien tal-proprjetà li bħalissa qiegħda tintuża bħala l-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi skont il-prassi, tali kuntratti mas-sidien ta’ proprjetajiet rispettivi isiru f’kuntratt li jaqa’ taħt l-awtoritajiet kompetenti. Il-proprjetà inkwistjoni dejjem serviet bħala għassa u li minnha joperaw uffiċċjali tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Ħamrun — Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet f’dawn l-aħħar tliet snin fil-lokalità tal-Ħamrun, maqsuma sena b’sena u skont it-toroq rispettivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-numru ta’ kontravenzjonijiet maħruġa fil-lokalità tal-Ħamrun fis-sena 2021 kienu 15,354, fis-sena 2022 kienu 14,063 u minn Jannar sat-30 ta’ Settembru 2023 kienu 7,941.

Il-Floriana — Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet f’dawn l-aħħar tliet snin fil-lokalità tal-Floriana, maqsuma sena b’sena u skont it-toroq rispettivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-numru ta kontravenzjonijiet maħruġa fil-lokalità tal-Floriana fis-sena 2021 kienu 9,580, fis-sena 2022 kienu 7,654 u minn Jannar sat-30 ta’ Settembru 2023 kienu 5,036.

Il-Marsa — Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni nħarġet f’dawn l-aħħar tliet snin fil-lokalità tal-Marsa, maqsuma sena b’sena u skont it-toroq rispettivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-numru ta kontravenzjonijiet maħruġa fil-lokalità tal-Marsa fis-sena 2021 kienu 8,557, fis-sena 2022 kienu 7,740 u minn Jannar sat-30 ta’ Settembru 2023 kienu 5,812.

Environmental Protection Unit — Uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fl-Environmental Protection Unit (EPU)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fl-Environmental Protection Unit (EPU) hemm stazzjonati dsatax-il uffiċċjal li huma mmexxija minn Supretendent. Infurmat li fi ġranet li jkun hemm bżonn aktar infurzar, dawn ikunu assistiti minn sezzjonijiet oħra tal-Korp u minn entitajiet oħrajn.

Environmental Protection Unit — Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il infurzar sar f’din l-aħħar sena, u f’liema lokalitàjiet sar, mill-Environmental Protection Unit (EPU) assenjati f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11736.

San Pawl il-Baħar — Preżenza tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10959, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi preżenza tal-Forzi Armati u tal-LESA ta' Malta kien hemm fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul dan is-sajf? X'tip ta' interventi kienu mitluba jwettqu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kemm l-Aġenzija LESA u anke l-Forzi Armati ta' Malta jaqdu rwol f'diversi postijiet u lokalitajiet sabiex dawn ikunu aktar siguri. Matul dan is-Sajf, l-Aġenzija LESA kienet impennjata sabiex tagħmel rondi kontinwi inkluż sa tard filgħaxija, primarjament marbuta ma skart, traffiku, u imġieba mhux xierqa. Il-Forzi Armati ta' Malta għamlu diversi rondi speċjalment fil-ħin ta' filgħaxija u filgħodu kmieni sabiex jiżguraw iż-żamma tal-ordni. Dawn iż-żewg entitajiet kienu qed jassistu entitajiet oħrajn li ta' kulljum jaħdmu f'din iż-żona, primarjament il-Korp tal-Pulizija.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jiltaqa' l-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni? Jista’ jgħid ukoll meta ltaqa' fl-2023 u meta huwa ppjanat li jiltaqa' fil-bqija tal-2023 u l-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni jiltaqa' medja ta’ għaxar darbiet fix-xahar.

Identità — Impjegat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħol għamel mal-aġenzija Identità l-individwu li ismu qed jintbagħat separatament? Kemm kienet jitħallas fix-xahar ta’ dan ix-xogħol u kemm kien it-total ta’ ħlas li ħa fil-perjodu li għamel jaħdem ma’ din l-entità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-individwu msemmi qatt ma kien impjegat tal-Aġenzija Identità.