Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta — kulur liż-zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-inkarigu lill-Transport Malta sabiex fil-pjazza tal-Mosta jerġa' jingħata l-kulur liż-zebra crossings li hemm fi Triq il-Kostituzzjoni u fit-Triq il-Kungress Ewkaristiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew inżebgħu tmien zebra crossings li hemm fi Triq il-Kostituzzjoni u Triq il-Kungress Ewkaristiku, il-Mosta.

Mosta — proċess għall-ftuħ ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li jmiss li jsir sabiex Triq Gio C. dei Marchesi Mallia Tabone, fil-Mosta tkun miftuħa u wiesgħa peress li parti minn din it-triq għadha mhux possibbli li tkun aċċessibli?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti tat-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija art privata u għaldaqstant sabiex tinfetah sid l-art irid jiddeciedi li jiżviluppa u jkollu l-obbligu li jifforma t-triq kollha.

Wied il-Għajn — żona taż-Żonqor - bus stages mibdula f'bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li wieħed miż-żewġ stages li hemm qrib il-pitch tal-waterpolo ta' Wied il-Għajn jinbidel f 'bus shelter sabiex ir-residenti taż-żona taż-Żonqor t'isfel jinqdew aħjar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi Transport Malta ssottomettiet applikazzjoni lill-MEPA sabiex tkun tista’ tinstalla bus shelter fl-inħawi indikati ġewwa Triq iż-Żonqor f’Marsaskala.

Raħal Ġdid — Vjal it-28 ta' April - ħofor fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-istat ta' Vjal it-28 ta' April f'Raħal Ġdid peress li hemm numru ta' ħofor viċin ir-roundabout tal-Fgura li qed jikkawżaw periklu għas-sewwieqa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Vjal it-28 ta' April ma' taqax taħt ir-responsabbilta' ta' Transport Malta.

applikazzjoni għal reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga fiex waslet l-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna b'diżabilità li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed tistenna l-approvazzjoni min-naħa ta' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din l-applikazzjoni diġa' ġiet approvata.

Belt — Triq ir-Repubblika - xogħlijiet

Question

Japprezza l-Ministru li bix-xogħlijiet li jiġu kondotti fi Triq ir-Repubblika, il-parti tagħha li tmiss ma' Triq l-Arcissqof u Triq San Kristofru l-Belt, qed jinħoloq inkonvenjent kbir u preġudizzju lil min imexxi il-ħwienet f'din il-parti tat-triq u dan ġie aktar aggravat bil-fatt li ttella' dividing wall tal-injam fuq il-bankina biex b'hekk dawn il-ħwienet qed jinħonqu għal kollox? Japprezza li b'dan il-mod dawn in-nies qed isofru b'saħħithom għax apparti li tilfu l-arja, qed isofru sħana kbira u naturalment tilfu l-kummerċ kollu tagħhom fl-aktar staġun tas-sena importanti għalihom? Jidhirlu li f'dawn iċ-ċirkostanzi għandu joffrilhom kumpens adekwat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qabel ma' nbdew ix-xogħlijiet fi Triq ir-Repubblika, sar il-koordinament neċessarju mal-istakeholders kollha (Kunsill, GRTU, ħwienet u banek) dwar il-fażijiet differenti ta' kif se jsir ix-xoghol. Il-hoarding ġie mtella’ sabiex jitnaqqsu sostanzjalment it-trabijiet u nkonvenjent ieħor relatat max-xogħol. Fil-fatt dan il-hoarding beda jinqala’ wara ġimgħatejn li nbeda x-xogħol, wara li l-maġġor parti ta' l-iskavar u servizzi ta' taħt l-art kienu lesti. Wara li l-proġett tal-pavimentar tal-imsemmija triq ikun lest, se tkun l-istess komunita' kummerċjali li se tgawdi minn dawn ix-xogħlijiet.

open top buses — bejgħ ta' biljetti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-salespersons tal-open top buses ġew mogħtija hawkers licence biex jistgħu jiġru fit-toroq? Kemm-il liċenzja bħal din inħarġet? X'tagħlim jew korsijiet ta' sales għandhom dawn il-hawkers? X'forma ta' ħlasijiet għandom u x'sistema għandom meta jiġbru l-flus mingħand it-turist?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Żejtun — boreholes

Question

Peress li fi Triq Orazio Diacono, iż-Żejtun fil-parti fejn din tagħlaq u tmiss ma' sqaq fi Triq it-Tus jinġema kwantità enormi ta' ilma u ħames familji qed jiġu affettwati negattivament, u peress li meta tagħmel ħafna xita dawn il-familji qed ikollhom il-proprjetà tagħhom li tispiċċa mgħarrqa tant li jidħol ilma sa żewġ filati u ġieli anke iktar u peress li hemm ħtieġa akuta li jsiru żewġ boreholes f'din iż-żona sabiex l-ilma jinżel għall-water table, kif ukoll jittieħdu miżuri oħra bħal per eżempju, li tiġi imbaxxa Triq Nikola Attard, iż-Żejtun u li ssir speed hump fil-bidu ta' Triq it-Tempju, iż-Żejtun, jista' l-Ministru jgħid jekk, wara li jagħmel il-verifiki meħtieġa, jaqbilx li dawn ix-xogħlijiet isiru b'mod urġenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

car allowance għall-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jindika min huma l-persuni li qed igawdu mill-benefiċċju ta’ karozza jew car/fuel allowance f’kull sezzjoni li tifforma parti mid-dekasteru tiegħu? Għal kull karozza jista' jindika lil min ġiet allokata, filwaqt li jagħti l-mudell tal-karozza, meta nxtrat, l-valur kemm nxtrat, u kemm ntnefaq flus fuq fuel f’dawn l-aħħar disa' xhur? Fil-każ ta’ car allowance, jista’ jindika l-ammont ta’ car allowance li qed jingħata fis-sena u kemm ntnefaq flus fuq fuel f’dawn l-aħħar disa' xhur? Jista’ jikkonferma jekk apparti l-car allowance ntnefqux flus relatati mal-maintenance tal-vettura? Jekk fl-affirmattiv jista’ jipprovdi lista kompluta tal-maintenance li sar f’dawn l-aħħar sentejn, deskrizzjoni tax-xogħol, data u l-ispiża relatata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Freeport Corporation — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk il-ħaddiema tal-Freeport Corporation jiffurmawx parti mit-Transport Malta? Jekk fin-negattiv x’inhi r-raġuni warajha?

Response (GATT, AUSTIN)

Malta Freeport Corporation u Transport Malta huma entitajiet legalment distinti. Madanakollu, f'xi okkażjonijiet, impjegati tal-Malta Freeport Corporation jagħmlu xogħol għal Transport Malta fuq bażi ta' cost recovery.

self ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk xi entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu ssellfitx xi flus f’dawn l-aħħar sentejn, filwaqt li jindika wkoll jekk hemmx pjan li jissellef aktar flus f’dawn it-tliet snin li ġejjin? Jista’ jagħti dettalji dwar l-ammont tas-self, is-sena meta sar is-self kif ukoll ir-raġuni tas-self? Għal kull każ, jista' l-Ministru jindika jekk il-Ministeru tal-Finanzi hux infurmat u approvax l-ammont tas-self?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta’ proġetti li huma/ġew finanzjati mill-Unjoni Ewropea mis-sena 2009 sal-lum? Għal kull proġett, jista' l-Ministru: i) jgħid kemm hu l-valur tal-proġett u x’persentaġġ minnu huwa finanzjat mill-Unjoni Ewropea; ii) jindika d-dekasteru li se jutilizza l-proġett (il-klijent), filwaqt li jindika l-persuna/i li jirraprezentaw il-klijent; iii) jindika f’liema stadju jinsab il-proġett; u iv) jekk il-proġett ġie magħluq, jista’ jindika jekk hemmx xi spejjeż rikorrenti fl-użu tal-proġett (eż. maintenance agreements )? Jekk fl-affermattiv, kemm hu l-valur tal-ispejjeż u kemm diġà tħallsu, sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan ta’ aktar żvilupp f’dawn it-tliet snin li ġejjin? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti deskrizzjoni inkluż l-ispiża li qed tiġi stmata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Swieqi/Ibraġġ — xogħol fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm ipproġettat bħala xogħol fuq triqat ġewwa s-Swieqi/Ibraġġ peress li hemm bżonn ta' xogħol spejċalment fuq Triq ir-Ratal, Triq il-Marbat, Triq il-Keffa u Triq it-Tiben?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi inkluda l-parti ta’ fuq ta’ Triq ir-Ratal fil-lista li ssottometta lil Transport Malta għal toroq fil-lokalita' tiegħu li qatt ma saru. Din it-triq ser tiġi vverifikata sabiex tiġi kkunsidrata għall-programm tax-xogħlijiet li jmiss. Triq il-Marbat u Triq il-Keffa huma toroq asfaltati u għaldaqstant jaqaw taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali. Triq it-Tiben hija parti mill-programm tax-xogħlijiet ta’ Transport Malta u bħalissa qed jitħejjew l-istejjem sabiex toħroġ sejħa għall-offerti.

Santa Venera — Triq Reġjonali - tniġġis tal-ħoss mill-mina

Question

Fir-rigward ta' Triq Reġjonali Santa Venera, jista' l-Ministru jgħid xi studji saru sabiex jonqos it-tniġġis tal-ħoss mill-mina li tgħaddi minn go nofs din it-triq residenzjali? Jistgħu il-ħitan tat-toroq isiru għat-tond 'il fuq sabiex jonqos dan l-inkonvenjent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ser tkun qed tibda studji preliminarji li għandhom x' jaqsmu mat-tniġġis tal-ħoss f'xi nħawi madwar it-toroq arterjali f' Malta. Il-lokalita’ msemmija mill-Onorevoli Interpellant ser tkun inkluża mal-lista ta' postijiet fejn ser isiru dawn l-istudji.

Chairman u CEO — Benefiċċji u flus

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ingħatawx xi flus jew benefiċċji oħra liċ-Chairman's u lis-CEO's preċedenti b'relevanza tar-riżenja tagħhom? Jekk fl-affermativ, jista' jagħti dettalji tal-beneffiċji/flus li ngħataw filwaqt li jindika jekk ir-riżenja kinetx b'mod voluntarju u mingħajr pressjoni politika/ministerjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Impound Centres

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' impound centres? Għall kull impound centre, jista' l-Ministru jipprovdi rendikont ta' flus li ġew mħallsa lil kull operatur mis-sena 2007 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Żejtun — Misraħ Karmenu Grima - tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid Misraħ Karmenu Grima fiż-Żejtun li jaqa’ taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta meta se jiġi rranġat u jingħata t-tarmak wara numru ta’ snin mitluq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.