Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema ġdida twaqqfet mill-Awtorità tad-Djar, mill-2013 ’l hawn? Liema huma?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jikkjarifika l-kelma “twaqqfet” eżatt xi tfisser. L-Onorevoli Interpellant qed jitlob kemm ġew imnedija skemi ġodda, jew kemm ġew ittermminati skemi mil-Awtorità tad-Djar?

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solifarjetà Soċjali — audits

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm saru audits f’dawn l-aħħar sentejn dwar is-servizzi mogħtija mill-Ministeru tiegħu? Meta saru dawn l-audits u x’rakkomandazzjonijiet saru biex jitjiebu s-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għas-siti elettroniċi tas-Servizz Pubbliku, kif ukoll dak tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, fejn jista’ jsib l-eżerċizzji kollha li saru, inkluż dawk fuq dipartimenti/entitajiet illi jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Fl-istess pubblikazzjonijiet wieħed jista’ jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet illi saru u l-kummenti tal-Management. Qed nagħmel referenza għal links t’hawn taħt, minn fejn l-Onor Interpellant jista’ jsib l-eżercizzji kollha li saru. https://publicservice.gov.mt/mt/Pages/Media/Publications.aspx http://nao.gov.mt/en/recent-publications

Residenza San Vinċenz de Paul – nefqa għal kull resident

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija kkalkulata n-nefqa ta’ sodda għal kull resident fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellat li l-Faċilità għall-Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul, minn eżerċizzju li kien sar fl-2016, ġie stabbilit li n-nefqa ta’ sodda għal kull lejl fil-Faċilità tammonta għal €122.19ċ.

Parental Skills Programmes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10214 u jgħid kemm se jiġu organizzati Parental Skills Programmes matul din is-sena u fejn sejrin jiġu organizzati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Fondazzjoni ilha torganizza korsijiet dwar t-trobbija għal bosta snin. Din il-ħidma ħadet spinta ’l quddiem dawn l-aħħar snin biex jiġi onorat l-impenn tal-Gvern għal titjib f’dik illi hija trobbija poiżittiva. Dawn il-korsijiet huma kkordinati u ppreżentati mill-Aġenzija Sedqa. Lista sħiħa tal-korsijiet illi diġa saru matul din is-sena fl-2019, kif ukoll dawk li għadhom iridu jsiru sal-aħħar ta’ din is-sena, qed tingħata fit-tabella t’hawn taħt : Data Post Lista ta’ Suġġetti Parteċipanti 30 ta’ Jannar – 27 ta’ Frar 2019 Kullegg San Tumas More, Sekondarja Zejtun 5 ġimghat fejn jiġu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri 19 ta’ Frar – 5 ta’ Marzu 2019 Fondazzjoni Ejjew Għandi 5 ġimghat fejn jiġu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri li jirrisjedu f’residenzi ma’ uliedhom 2 ta’ Mejju – 30 ta’ Mejju 2019 Kulleġġ Għawdex 5 ġimghat fejn jiġu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri 2 ta’ Mejju – 30 ta’ Mejju 2019 Skola San Anton 5 ġimghat fejn jiġu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri 7 ta’ Mejju – 4 ta’ Ġunju 2019 Pubbliku Ġenerali fir-Reġjun Ċentrali 5 ġimghat fejn jiġu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri 30 ta’ Mejju – 27 ta’ Ġunju 2019 LEAP Mosta 5 ġimghat fejn jiġu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri 18 ta’ Settembru 2019 Soċji MUSEUM Nisa - Floriana Seminar li offra sommarju ta’ kull suġġett fil-kuntest tal-klassijiet tal-katekeżi Soċji nisa tal-MUSEUM 17 ta’ Ottubru 2019 Residenzi Aġenzija Appoġġ Seminar li offra sommarju ta’ kull suġġett fil-kuntest tar-residenzi Professjonisti u ħaddiema fir-residenzi Ottubru 2019 St. Joseph School 5 ġimghat fejn jiġu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri Novembru 2019 Kulleġġ Maria Regina Mosta – Kindergarten coordinators. 5 ġimghat fejn jigu ppreżentati dawn is- suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline. Ġenituri tat-tfal tal-Kindergarten Novembru 2019 Pubbliku Ġenerali 5 ġimghat fejn jiġu pprezentati dawn is-suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri Diċembru 2019 Pubbliku Ġenerali 5 ġimghat fejn jiġu pprezentati dawn is-suġġetti – Descriptive Praise, Emotion Coaching, Setting Up for success, Family Values, Rules and Rewards and Positive Discipline Ġenituri Minbarra dawn il-korsijiet, l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, permezz tal-Aġenzija għas-Servizzi fil-Kommunita` u Terapija, investiet bil-kbir fi programm ġdid immirat lejn familji f’diffikultajiet u li jkunu riferuti minn servizzi oħra fi ħdan l-istess Fondazzjoni. Bħala riżultat ta’ dan l-investiment, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali toffri wkoll parenting groups li huma bbażati fuq l- Incredible Years Parenting Programmes . Dawn il-programmi huma bbazati fuq tlett pilastri prinċipali, fosthom il-ġenituri, l-edukaturi u t-tfal. L-għan ta' l- Incredible Years huwa li nipprevjenu problemi ta' imġieba tat-tfal minn eta’ żgħira. L-iskop huwa li ngħinu lill-ġenituri, edukaturi u anke lit-tfal direttament sabiex it-tfal isaħħu l-ħiliet soċjali, emozzjonali u akkademiċi tagħhom, waqt illi tiġi msaħħa r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal u ngħinu lill-ġenituri sabiex jiżvillupaw ħiliet sabiex ikunu jistgħu jużaw strateġiji pożittivi ma’ wliedhom. Il-programmi li jingħataw lill-ġenituri huma intensivi u bbażati skont l-etajiet tat-tfal. Dawn il-programmi jieħdu bejn wiehed u iehor 23 sessjoni. Biex nassiguraw li f’Malta jkollna ħaddiema mħarrġa fi programmi specjalizzati li jgħinu ġenituri li għandhom diversi difficultajiet, il-Fondazzjoni rat kif tħarreġ lill-impjegati li jaħdmu f’dan il-qasam. Fil-fatt b’kollox, 39 professjonist/a ġew imħarrġa minn trainers barranin. Fost it-taħriġ li rċevew dawn il-professjonijiet, ġew imħarrġa fuq home coaching sabiex il-professjonijiet jgħinu lil dawk l-indivdwi li jiddejqu jieħdu sehem fi gruppi, minn ġewwa djarhom. Taħriġ ieħor illi ġew imħarrġa fih il-ħaddiema kien ic- Child Dina , li għallem lill-ħaddiema kif jaħdmu ma’ tfal ta’ eta` żgħira, li jkollhom diffikulta fl-imġieba tagħhom. Din il-ħidma kompliet tiġi msaħħa permezz tat-twaqqif tal- Home Based Therapeutic Services , li kompla jsaħħaħ il-ħidma speċjalizzata mal-ġenituri. Il-progress tas-servizz qiegħed jiġi mkejjel permezz ta’ kwestjonarju li jimtela’ mill-ġenituri flimkien mal-professjonisti, kemm fil-bidu tal-programm, f’nofs il-programm, fl-aħħar kif ukoll 6 xhur wara li jkun intemm l-programm. Dan wassal biex nistgħu nevalwaw il-motivazzjoni tal-ġenituri, d-diffikultajiet li huma qed jiffaċċajaw ma’ uliedhom u l-istil ta’ parenting li l-ġenituri qed jużaw mat-tfal tagħhom. Bħalissa qed issir ħidma sabiex il- parenting programmes , ma jkunux offruti biss matul il-jum iżda filgħaxija wkoll. Il-Fondazzjoni qed tagħmel minn kollox sabiex ikunu indirizzati diversi problemi u nuqqasijiet, li qed ikunu ta’ detriment għar-relazzjioni ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal u biex innaqqsu u naħdmu biex inwaqqfu it-trażmissjoni tal-problemi fil-familji, minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Programm LEAP

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’inhuma l-għanijiet tal-Programm LEAP u kif dawn qegħdin jintlaħqu? Kemm hemm impjegati f’kull Ċentru tar-Riżorsi tal-Familja? Min huwa responsabbli ta’ dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Programm LEAP, jaħdem mal-familji u huwa ispirat mill-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis fil-Faqar u għall-inluklużjoni soċjali 2014-2024. L-għan tal-programm huwa li jservi bħala punt ta’ referenza fil-komunità. Permezz ta’ Mentors , noffru assistenza lill-familji bi tħejjija għat-tisħiħ tal-ħajja tagħhom. Dan isir permezz ta’ pjan ta’ kura ( care plan ) maqbul bejn il-partijiet kollha, b’interventi u strateġiji fejn jintlaħħqu aspetti differenti fil-ħajja tal-persuna. Fosthom, jiffukaw fuq li l-persuni li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jitħarrġu f’xi settur li jogħġobhom, stabbilita’ fid-dar anke fuq livell finanzjarju, kif ukoll għarfien fuq trobbija pożittiva. Dan isir billi naħdmu fuq il-motivazzjoni tal-individwu, kif ukoll noffru sapport għall-aċċess ta’ servizzi soċjali mmirati biex jintlaħqu l-għanijiet rispettivi. Il-programm LEAP jaħdem mal-familiji wkoll f’kuntest ta’ komunita` u għaldaqstant isaħħaħ il-ħidma tiegħu fuq il-prinċipji tal-iżvilupp tal-komunita` u parteċipazzjoni lokali, permezz ta’ ħidma mal-imsieħba soċjali bħall-għaqdiet governattivi u non-governattivi, kunsilli lokali, parroċċi u dawk kollha li għandhom interess fil-komunitaˋ rispettiva. Dawn in- networks soċjali jiġu ffurmati fuq bażi lokali, reġjonali u anke tematici. Dan il-mekkaniżmu jgħin sabiex jiġu identifikati l-isfidi kif ukoll is-soluzzjonijiet. Il-ħidma u l-preżenza tal-programm LEAP twassalna biex nakkwistaw għarfien komunitarju li jservi biex noħolqu proġetti u inizzjativi relevanti għall-komunita` rispettiva u għar-responsabiltajiet tal-programm. Minn Jannar 2019, il-programm LEAP beda jifforma parti minn tlett servizzi tal-Aġenzjia fil-Komunita`. Barra mill-programm LEAP, l-Aġenzija toffri ukoll Community Social Work u servizz tal- Home Based Therapeutic Services (HBTS) fejn f’dan is-servizz tingħata terapija fid-djar tan-nies u parenting programme li huwa bbażat fuq l- Incredible Years Parenting Programme . L-għan tal-Aġenzija huwa li tiġġieled kontra l-faqar u l-eskluzzjoni soċjali, filwaqt illi jissaħħaħ l-iżvilupp soċjali permezz ta’ ħidma multi-dixxiplinarja fil-komunita`. L-Aġenzija toffri servizzi lill-familji bbażati fuq il-bżonn eżistenti u l-interventi jsiru fuq l-istess prinċipji imsemmiha hawn fuq. Is-servizzi jiġu offruti mic-Ċentri għall-familji fil-komunità. B’kollox hemm 110 impjegat. Hemm diversi professjonisti jaħdmu f’dawn iċ-Ċentri. Dawn jinkludu Regional Development Agents, Service Area Leaders, Terapisti , Community Social Workers, Community Mentors, Community Development Workers, Support Workers u staff amministrattiv. In-numru ta’ ħaddiema jvarja minn ċentru għall-ieħor u jiddependi mill-bżonn indikat mill-kommunità u anki s- supply ta’ dawn il-professjonisti li hawn fis-suq. Centres Numru ta Impjegati Birgu Centre 6 Kirkop Centre 7 Mosta Services 2 Msida Centre 18 Qawra Centre 13 Qormi Centre 6 Santa Lucija Centre 3 Valletta Centre 8 63 Services Birkirkara Services 8 Cottonera Services 9 HBTS Fgura Postive Parenting 16 HBTS Gharghur Postive Parenting 7 HBTS Gozo Postive Parenting 2 Head Office 5 47

Għajnuna mill-Gvern dwar xiri ta’ hearing aids

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li għandhom nuqqas ta’ smigħ u li bħala konsegwenza jgawdu minn xi forma ta’ għajnuna mill-Gvern fir-rigward ta’ xiri ta’ hearing aids?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Jannar u l-aħħar ta’ Settembru 2019, kien hemm 249 persuna li applikat mal-Aġenzija Sapport u rċeviet fondi għal xiri ta’ hearing aids permezz tal-Empowerment Scheme.

Persuni b’nuqqas ta’ smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika ta’ kemm hawn persuni li għandhom nuqqas ta’ smigħ u jekk tinżamm, jista’ jipprovdi n-numru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, fir-reġistru tagħha għandha 1,545 persuna reġistrati li għandhom nuqqas ta’ smigħ.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – applikazzjonijiet ta’ sidien li jikru appartament lill-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, kemm-il applikazzjoni hemm ta’ sidien li qed jikru appartament/appartamenti lill-Awtorità tad-Djar? Kemm hemm minnhom fis-seħħ? F’liema stat jinsab/jinsabu dawn l-appartament/appartamenti (finished, ġebel u saqaf jew fuq il-pjanta)? Meta ħareġ il-permess tal-MEPA/Awtorità tal-Ippjanar jew awtoritajiet li kienu japprovaw il-permessi snin ilu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi taħt l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, l-Awtorità tad-Djar irċeviet 289 applikazzjoni li minnhom sa Ottubru 2019 ġew aċċettati 112. L-appartamenti huma kollha skont il-kundizzjonijiet tal-iskema.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – applikazzjonijiet ta’ sidien li jikru maisonettes lill-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, kemm-il applikazzjoni hemm ta’ sidien li qed jikru maisonettes lill-Awtorità tad-Djar? Kemm hemm minnhom fis-seħħ? F’liema stat jinsabu dawn il-maisonettes (finished, ġebel u saqaf jew fuq il-pjanta)? Meta ħareġ il-permess tal-MEPA/Awtorità tal-Ippjanar jew awtoritajiet li kienu japprovaw il-permessi snin ilu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lli mill-112-il appartament li ġew approvati taħt l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, 11 minnhom kienu maisonettes. Dawn l-appartamenti huma regolati skont il-kundizzjonijiet tal-iskema.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – flus lis-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta twaqqfet din l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’ kemm inħarġu flus s’issa mill-Awtorità tad-Djar lis-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, ġiet imħabbra fl-1 ta’ Settembru 2017. Fl-2019 sa Settembru, in-nefqa tal-Awtorità tad-Djar fuq din l-iskema kienet ta’ €398,673.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – reġistrazzjonijiet ta’ proprjetajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, jekk dawn il-proprjetajiet li daħlu fl-iskema ‘Nikru biex Nassistu’ humiex jiġu reġistrati? Jekk iva, quddiem liema Awtorità qed jiġu reġistrati (apparti dik tal-Awtorità tad-Djar)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proprjetajiet li daħlu fl-iskema ‘Nikru biex Nassistu’ jiġu reġistrati mal-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – skema ‘Nikru biex Nassistu’ – appartamenti bla lift fil-komun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx appartamenti li l-Awtorità tad-Djar qed tikri mis-settur privat fl-iskema ‘Nikru biex Nassistu’ li mhux provdut b’lift fil-komun?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif indikat fil-kundizzjonijiet tal-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, tingħata preferenza lill-proprjetajiet illi jkollhom lift. Filfatt, huma biss 17 minn 112-il proprjetà li m’għandhomx lift installat.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet pendenti għal post alternattiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni pendenti hemm għal post alternattiv quddiem l-Awtorità tad-Djar? Liema huma l-kategoriji? Kemm hemm f’kull kategorija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f'Seduta oħra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, lill-Ministeru għall-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u lill-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru huwa kif ġej : Ġunju – Diċembru 2017 : 3 Jannar – Diċembru 2018 : 22 Jannar – Settembru 2019 : 13 Minn dawn kien hemm 29 talba milqugħa, 5 talbiet illi ġew irrifjutati, 3 talbiet illi għadhom pendent u talba waħda li kienet irtirata. Dawk it-talbiet illi ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba, ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati. Dawn kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet illi jaqgħu taħtu.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – proċedura għall-kiri lill-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, kif titmexxa u ċjoè x’inhi l-proċedura sabiex sid privat jikri post lill-Awtorità tad-Djar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn meta twaqqfet l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, kemm applikaw sidien biex jikru lill-Awtorità tad-Djar? Kemm minnhom ġew aċċettati? F’liema lokalità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – periti – valur ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx periti li jmorru jivverifikaw il-valur tal-proprjetà li se tiġi mikrija lill-Awtorità tad-Djar? Jekk iva, min huma dawn il-periti u kif ġew magħżula/imqabbda? Kemm jitħallsu għal kull viżita? X’tikkonsisti kull viżita?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – kuntratti tas-sidien

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti li saru mas-sidien li krew xi proprjetà lill-Awtorità tad-Djar taħt l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ – applikazzjonijiet ta’ sidien li jikru dar lill-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, kemm-il applikazzjoni hemm ta’ sidien li qed jikru dar lill-Awtorità tad-Djar? Kemm hemm minnhom fis-seħħ? F’liema stat jinsabu dawn id-djar (finished, ġebel u saqaf jew fuq il-pjanta)? Meta ħareġ il-permess tal-MEPA/Awtorità tal-Ippjanar jew awtoritajiet li kienu japprovaw il-permessi snin ilu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.