Impjant tat-tisfija tad-drenaġġ – second class water
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex l-ilma, hekk imsejjaħ second class li qed jiġi prodott mill-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex, jibda jintuża? Mistenni li jibda jintuża dan l-ilma matul is-sena 2018? Min se jkun qed jużah? Il-bdiewa u r-raħħala Għawdxin se jkollhom opportunità li jużaw minn dan l-ilma u jekk iva taħt liema kundizzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb huwa li l-impjant jibda jipproduċi l-ilma ġdid mill-aktar fis possibli u meta l-profil tal-ilma jkun tajjeb għall dan l-użu. Meta jibda jintuża dan isir skont LN210/17.
Jista’ l-Ministru jagħti l-persentaġġ tal-elettriku li nxtara mill-interconnector versu dak li nxtara mill-impjant tal-Electrogas għall-perjodu l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2017?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2738 ta’ din il-leġiżlatura, ninfurmaha li dan il-paragun ma jistax isir peress li dawn iż-żewġ sorsi ma kinux disponibbli flimkien fil-perjodu ndikat.
Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħatat minn kwalsiasi entità li taqa' taħtu, inkluż id-data u l-valur, mill-1 ta' Diċembru 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ta’ min jgħid li dawn id-
direct orders
ingħataw skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Ix-Xewkija Għawdex – Triq Pitkalija — awtorizzazzjoni għat-tbattil ta’ materjal iġġenerat minn irziezet tal-baqar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hux qed tawtorizza li jsir tbattil sostanzjali ta’ materjal iġġenerat minn irziezet tal-baqar f'tappiera f’tarf tat-Triq Pitkalija fix-Xewkija, Għawdex? Jekk le x'azzjoni qed tieħu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex dan l-att ma jibqax isir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’għandiex il-mandat li tawtorizza li jsir tbattil ta’ materjal iġġenerat minn irziezet tal-baqar fit-tappiera proprjetà tagħha.
Jista’ l-Ministru jara l-każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament wara li rċieva kont tad-dawl u tal-ilma ta' €80 u l-anzjan talab li jmorru xi ħaddiema mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jivverifikaw il-kont tiegħu u jkun jista’ jħallas il-ħlas dovut, imma s’issa ma rċieva xejn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment imressaq ġie mistħarreġ, fejn jirriżulta li l-kont inħareġ fuq bażi ta’ stima peress li ma kienx hemm qari attwali meħud.
Fid-dawl ta’ dan, ittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jintbgħat qarrejj tal-arloġġi fuq il-post. Bħala riżultat ta’ dan l-eżerċizzju, inħareg kont rivedud li jirrifletti l-konsum proprju skont il-qari.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq il-proġett tas-solar farm tal-Magħtab u meta huwa pproġettat li jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta plc qed issegwi l-proċeduri meħtieġa sabiex tikseb il-permessi tal-iżvilupp għal dan il-proġett mill-awtoritajiet kompetenti, hekk kif jitolbu l-liġijiet għal dan it-tip ta’ investiment ambjentali.
Il-proġett jibda jitwettaq skont il-kundizzjonijiet u ż-żminijiet stipulati minn dawn il-permessi, hekk kif jinħarġu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-impjant tal-Electrogas intuża f’livell ta’ full capacity matul l-2017?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3029 ta’ din il-leġiżlatura, ninfurmaha li s-sorsi kollha disponibbli fit-taħlita tal-enerġija elettrika tal-Enemalta plc jistgħu joperaw f’livell ta’ full capacity, hekk kif kien meħtieġ jagħmlu diversi drabi sabiex ilaħħqu mad-domanda tal-enerġija tal-pajjiż fix-xhur li għaddew, f’ċirkostanzi differenti. Madankollu, l-Enemalta tfittex li tikseb bilanċ fl-użu tas-sorsi kollha disponibbli fl-istess ħin, sabiex issaħħaħ is-sigurta’ tal-provvista u tevita sitwazzjonijiet ta’ dipendenza fuq sors wieħed biss, bħalma kienet is-sitwazzjoni qabel ma’ l-Enemalta bdiet tħaddem din it-taħlita ta’ sorsi ġodda fl-2017.
Bit-teknoloġiji li qed joperaw illum, l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-gass naturali f’Delimara jistgħu jilħqu l-ogħla livelli ta’ effiċjenza anke jekk ma jkunux qed jintużaw f’livell ta’
full capacity
. Dan ma kienx il-każ fl-impjanti antiki taż-żejt li l-Enemalta kienet tuża sal-ewwel xhur tas-sena li għaddiet. Illum l-Enemalta għandha mezzi aħjar biex tkun tista’ tiżgura l-aħjar livelli ta’ effiċjenza flimkien ma’ livell adekwat ta’ sigurta’ tal-provvista.
F’dan ir-rigward, is-sostenibilita’ fil-ġenerazzjoni u l-importazzjoni tal-elettriku ma tissarrafx f’hiex qed tuża l-aktar u f’kemm qed tużah
full capacity
iżda kemm qed tibbilanċja l-użu tas-sorsi bl-aktar mod għaqli u bl-aktar sigurta’ ta’ provvista.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ta’ LNG inħatt fil-Floating Storage Unit matul l-2017?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għal Enemalta plc. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.
Jista' l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament, dwar bozza fi Triq San Anard, Ħal Tarxien, liema triq tinsab bla dawl u li fiha qed ikun hemm diversi inċidenti marbuta ma' serq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, rigward l-ilment imressaq mit-tali persuna u dan irriżulta li kien minħabba n-nuqqas ta’ dwal tat-toroq fiż-żona fejn din il-persuna sejra toqgħod. Il-persuna li ressqet dan l-ilment ġiet infurmata sabiex tgħaddi t-talba lill-Kunsill Loali tal-lokalita’ tagħha biex jekk tinħass il-ħtieġa li jitwaħħlu lampi fl-imsemmija triq, dan isir mill-Kunsill Lokali hekk kif inhi l-proċedura.
Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma – trasferimenti/pagamenti f’kontijiet ta’ bank
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħti, qatt m’għamlu trasferimenti, pagamenti, inkluż ta’ pagi, f’kontijiet li jinsabu fil-bank li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3074, jista’ l-Ministru għall-anqas jgħid, jekk il-prezz li bih l-Enemalta xtrat l-elettriku mill-interconnector kienx għola jew orħos mill-prezz li bih xtrat l-elettriku mill-Electrogas minn meta din bdiet taħdem sena ilu? Nispeċifika li mhux qed nitlob prezzijiet jew dettalji ta’ natura kummerċjali iżda sempliċement jekk il-prezz li bih xtrat l-elettriku l-Enemalta - li wara kollox hija entità pubblika b’kontroll maġġoritarju f’idejn il-Gvern - hux għola jew orħos mill-interconnector jew mill-Electrogas.
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-prezz tal-elettriku li l-Enemalta tixtri permezz tal-Malta-Italy Interconnector ivarja l-ħin kollu, minn siegħa għall-oħra.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Għawdex – livell ta’ melħ fl-ilma tax-xorb
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-livell ta’ melħ fl-ilma tax-xorb ipprovdut mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Għawdex hux qed ikun hemm moniteraġġ tiegħu? Kull kemm isir tali moniteraġġ u f’liema lokalitajiet Għawdxin qed isir? Jista’ jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru bejn Marzu 2013 sa Diċembru 2017 li jindikaw il-livell ta’ melħ fl-ilma tax-xorb f’kull lokalità Għawdxija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laboratorju fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma janaliżża l-parametru tal-chlorides (li hu l-parametru li jindika l-livell ta’ melħ) kull xahar minn kull villaġġ f’Għawdex.
Ir-riżultati tat-testijiet mitluba li saru bejn Jannar 2013 u Diċembru 2017 qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Enemalta – Ittra miċ-Chairman lill-Electrogas dwar nuqqasijiet fil-power station
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li f’Awwissu 2017, iċ-Chairman tal-Enemalta kiteb lill-Electrogas dwar nuqqasijiet u evidence of unreliability and faults fil-power station il-ġdida ta’ Delimara? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja ta’ din l-ittra fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid ukoll kienx hemm risposta mill-Electrogas għal din l-ittra u jekk fl-affermattiv, ipoġġi kopja tar-rispsota tal-ittra fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-rapport ta’ ġurnalista, li deher fil-ħarġa ta’ The Sunday Times of Malta ta’ nhar il-Ħadd 10 ta’ Diċembru 2017, li għal konvenjenza ta’ l-istess Onor. Interpellant kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u li fih, iċ-Chairman tal-Enemalta plc spjega bl-aktar mod ċar li d-diffikultajiet imsemmija fil-komunikazzjoni indikata kienu temporanji u xejn differenti minn diffikultajiet oħra li normalment ikun hemm f’dan it-tip ta’ operat, bħal ma jiġri f’kull impjant jew sors ta’ enerġija ieħor li tuża Enemalta plc.
Fl-istess waqt, nirreferi lill-Onor. Interpellant wkoll għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2738 ta’ din il-leġiżlatura li fiha ġiet ikkonfermata iswed fuq l-abjad il-kapaċita’ u l-affidabilita’ tal-impjant Delimara 4 tal-Electrogas Malta Ltd. Fil-fatt, bejn April 2017 u Novembru 2017, l-elettriku ġġenerat minn din il-power station ġdida kien ilaħħaq ħamsin fil-mija (50%) tat-total tal-enerġija ġenerata mill-impjanti kollha li hemm fid-Delimara Power Station u mill-Malta
-Italy Interconnector
bejn Malta u l-Italja f’daqqa.
Il-Kumpanija Enemalta plc tieħu kull diffikulta’ teknika jew operazzjonali li tiltaqa’ magħha bl-akbar serjeta’ sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-klijenti u tax-
shareholders
tagħha. Kull meta jkun hemm diffikultajiet tekniċi jew operazzjonali fl-operat tagħha jew tal-kuntratturi tagħha, l-Enemalta tara li jittieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex id-diffikulta’ tingħeleb mill-aktar fis, anke jekk dawn id-diffikultajiet ma jkunux qed jaffettwaw ħażin is-servizzi lill-klijenti, bħal ma kien il-każ fis-sitwazzjoni msemmija.
L-impenn tal-Enemalta li tqis sitwazzjonijiet bħal dawn bir-reqqa u b’attenzjoni, minflok titfagħhom taħt it-tapit, kienet waħda mill-bidliet kbar li seħħew fit-trasformazzjoni tal-
Corporate Governance
tal-Enemalta f’dawn l-aħħar erba’ snin, u li wasslu biex illum il-Kumpanija qed taqdi lill-klijenti tagħha aħjar u aktar malajr, qed tipprovdi servizzi tal-elettriku b’inqas qtugħ fil-provvista u reġgħet lura għal qagħda finanzjarja sostenibbli, minkejja li raħħset it-tariffi tal-elettriku f’Malta b’25 fil-mija, għal waħda mill-irħas rati fl-Ewropa. Dan l-impenn ser ikompli fis-snin li ġejjin.
Enemed Company Limited — importazzjoni ta’ petrol imħallat bl-ethanol
Question
Kif jaf il-Ministru, il-petrol imħallat bl-ethanol, inaqqas l-emissjonijiet u jraħħas il-prezz tal-fuel, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk l-Enemed Company Limited hijiex timporta petrol imħallat bl-ethanol? Jekk iva, għaliex il-pompi tal-petrol mhumiex jindikaw li l-petrol imħallat bl-ethanol? Jekk le, x’qed tistenna l-Enemed biex tibda timporta l-petrol imħallat bl-ethanol biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li l-pompi tal-petrol ma jindikawx preżenza ta’ Ethanol fil-petrol minħabba li l-Enemed Company Ltd mhux qed timporta petrol imħallat bl-Ethanol għar-raġunijiet spjegati kif ġej.
L-
Ethanol
huwa komunament magħruf bħala
alcohol
. Skond l-ispeċifika rikjesta mil-EN228 (li hu l-istandard tal-UE għal-
petrol
), dan irid ikun konformi ma l-EN 15376, li jfisser li
Ethanol
mill-Amerika mhux konformi mas-suq Ewropew.
Dan it tip ta’
Ethanol
huwa xi 20% iktar għola mill-
petrol
mhux imħallat (skont il-prezz tat-18 ta’ Jannar 2018 minn fornitur ewlieni Ewropew).
L-infrastruttura li għanda l-Enemed ma tippermettix li żżomm ħażna ta’ petrol li huwa diġa mħallat. Dan minħabba l-fatt li n-numru ta’ tankijiet disponibbli huwa limitat ħafna u ukoll minħabba l-fatt li l-Enemed, tħallat il-formula tal-
E-Power
internament fejn għandha bżonn fjuwil mingħajr
alcohol
.
Barra minn dan, peress li l-
Ethanol
huwa
“hygroscopic”,
li jfisser li jassorbi l-ilma mill-arja, jekk il-
petrol
ikun miżjud diġa bl-
Ethanol
, ikollha żżid proċess ieħor ta’
“drying”
, li jfisser li kull litru
petrol
ħa jiġi jiswa aktar (flus).
Parametru ieħor li trid tieħu inkonsiderazzjoni huwa il
-“Vapour Pressure”
(VP)
. L-Awtoritajiet Maltin jispeċifikaw li l-
“VP”,
peress li l-klima ta` Malta fis-sajf hija sħuna ħafna, taqa’ ma`
class
A mill-1 ta’ Mejju sa l-aħħar ta’ Settembru bil-bqija tas-sena taqa’ ma`
class
B.
Table 3 - Volatility classes for unleaded petrol with a maximum oxygen content of 3,7% (
m/m
)
Property
Units
Limits
Test Method
a
(See 2. Normative referenceS)
class A
class B
class C/C1
class D/D1
class E/E1
class F/F1
Vapour pressure (VP)
kPa, min
45,0
45,0
50,0
60,0
65,0
70,0
EN 13016-1
b
kPa, Max
60,0
70,0
80,0
90,0
95,0
100,0
% evaporated at 70°C, E70
% (
V/V
), min
22,0
22,0
24,0
24,0
24,0
24,0
EN ISO 3405
% (
V/V
), max
50,0
50,0
52,0
52,0
52,0
52,0
L-Ethanol jgħolli ħafna il-Vapour Pressure tal-petrol, li fil-ġranet l-aktar sħan se jitfa’ barra mill-ispeċifikazzjoni l-fjuwil li jiġi impurtat u b’hekk, ma jkunx konformi mal-liġijiet Ewropej. Barra minhekk, minħabba li jevapora aktar malajr, ikun qed jagħmel ħsara ikbar lill-ambjent minħabba emissjonijiet akbar ta’ “hydrocarbons”.
L-
Ethanol
għandu
low calorific value
li jfisser li jagħti inqas enerġija meta jinħaraq, meta wieħed iqabbel litru
Ethanol
ma` litru
petrol
. Studji juru li l-
Ethanol
għandu kważi 33% inqas
calorific value
mill-
petrol
. B`hekk aktar mat-taħlita ta`
petrol
/
Ethanol
tkun għolja, aktar il-konsumatur irid jimla l-karozza ta` spiss għax qed jaħli aktar fjuwil.
Għal dawn ir-raġunijiet l-Enemed adottat strateġija differenti għal-ħarsien tal-ambjent u arja aktar nadifa. Fuq dan il-binarju, l-Enemed żviluppat il-prodott tal-
e-Diesel
li huwa
super diesel
bil-prezz tad-
diesel
normali. Kulhadd jaf li d-
diesel
iniġġeż aktar mill-
petrol
. Kien għalhekk li l-Enemed ħadmet biex tiżviluppa dan il-prodott ġdid li:
· inaqqas l-emissjonijiet b’għaxra fil-mija fejn għandu x’jaqsam ma
“particulate matter”
,
carbon monoxide
,
hydrocarbons
,
nitrous oxide
u
sulphur dioxide
.
· Iżid l-effiċjenza tal-magni (li jfisser li jinħela anqas fjuwil)
· Inaqqas il-problemi tal
-“particulate filter”
fil-karozzi moderni.
Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li f’dak li huwa enerġija rinovabbli, skont kif tispeċifika l-Kummissjoni Ewropeja, l-Enemed dejjem laħqet il-miri tas-sena.
Strateġikament, l-Enemed għażlet direzzjoni li żżomm il-prezz tal-
fuels
kemm jista’ jkun baxxi, b’kwalita’ superjuri u teknikament jista’ jinħadem bl-infrastruttura li għandha.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – pagi, salarji u perkaċċi imħallsa lill-impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu pagi, salarji u perkaċċi l-impjegati kollha tal- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-2015, fl-2016 u fl-2017? Jista’ jagħti ċ-ċifra għall-2017 maqsuma xahar b’xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Regulator for Energy and Water Services – deċiżjonijiet regolatorji kontestati quddiem l-Administrative Review Tribunal
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilu li twaqqaf ir-Regulator for Energy and Water Services sal-lum, sena b’sena, kemm-il deċiżjoni regolatorja ġiet ikkontestata quddiem l-Administrative Review Tribunal? Kemm minnhom ġew deċiżi minn dan it-Tribunal? Jista' jgħid kemm minn dawn id-deċiżjonijiet tar-Regolatur kienu dwar l-impożizzjoni ta’ penali u kemm minnhom b'xi forma oħra ta’ sanzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma twaqqaf bħala entità li tirregola l-enerġija u l-ilma fil-31 ta’ Lulju 2015.
Sal-ġurnata tal-lum, ġew appellati quddiem it-Tribunal ta' Revizjoni Amministrattiva żewġ deċiżjonijiet tar-Regolatur. Dawn l-appelli lkoll jittrattaw każijiet dwar l-enerġija u t-tnejn li huma ġew appellati fis-sena 2016. Ġie deċiz każ wieħed minnhom fis-sena 2017, li minnu ma sarx appell ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Appell. Il-każ l-ieħor għadu
sub judice
. Kien dan il-kaz tal-aħħar biss li jittratta dwar l-impożizzjoni ta’ penali amministrattiva.
Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, min kienu ċ-chairman u l-membri tal-Bord tal-Malta Resources Authority (MRA), minn meta din twaqqfet sal-lum? Jista' jgħid kemm kien il-perijodu tal-ħatra ta’ kull membru, u jekk tul il-perijodu tal-ħatra kienx hemm xi membru li rreżenja jew twarrab mill-kariga?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Regolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – deċiżjonijiet ikkontestati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ikkontestati deċiżjonijiet tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma quddiem l-Administrative Review Tribunal? Kemm minn dawn kienu jittrattaw dwar is-settur tal-enerġija u kemm dwar dak tal-ilma? Jista’ jgħid kemm il-każ ġie deċiż u kemm minnhom ġew appellati quddiem il-Qorti tal-Appell, sena b’sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma twaqqaf bħala entità li tirregola l-enerġija u l-ilma fil-31 ta’ Lulju 2015.
Sal-ġurnata tal-lum, ġew appellati quddiem it-Tribunal ta' Revizjoni Amministrattiva żewġ deċiżjonijiet tar-Regolatur. Dawn l-appelli lkoll jittrattaw każijiet dwar l-enerġija u t-tnejn li huma ġew appellati fis-sena 2016. Ġie deċiz każ wieħed minnhom fis-sena 2017, li minnu ma sarx appell ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Appell . Il-każ l-ieħor għadu
sub judice
.
Fis-sena 2015 ġie deċiż appell mit-Tribunal ta' Revizjoni Amministrattiva, li kien saru minn deċiżjoni tal-Awtorità ta' Malta Dwar Ir-Rizorsi, meta din kienet għada l-awtorità kompetenti għar-rigward tar-regolamentazzjoni tas-settur tal-enerġija. L-appell mid-deċiżjoni kien sar fis-sena 2013 u minnu ma sar ebda appell ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Appell.
Fis-sena 2016 ġew deċiżi żewġ appelli mit-Tribunal ta' Revizjoni Amministrattiva, li kienu saru minn deċiżjonijiet tal-Awtorità ta' Malta Dwar Ir-Rizorsi, meta din kienet għada l-awtorità kompetenti għar-rigward tar-regolamentazzjoni tas-settur tal-enerġija. L-appelli mid-deċiżjonijiet kienu saru fis-sena 2014 u minnhom ma sar ebda appell ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Appell.
Ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex – Triq il-Qasam San Ġorġ – kisi ta’ tarmak
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tingħata t-tieni kisja ta' tarmac (il-wiċċ) fi Triq Qasam San Ġorġ bejn ir-Rabat u Santa Luċija Kerċem Għawdex, liema xogħol sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u dan skont risposta mogħtija mill-Ministru għal Għawdex, u dan peress li din it-triq ilha għal diversi xhur b’kisja waħda u hemm ammont ta’ tappiera perikolużi li huma ‘l fuq mil-livell tat-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ppjanat li ssir network ta’ distribuzzjoni tal-ilma tat-tieni klassi magħruf bħala New Water fit-triq imsemmija. Għaldaqstant l-aħħar saff ta’ tarmak ser jingħata wara li titlesta s-sistema ta’ distribuzzjoni tal-ilma tat-tieni klassi. Din is-sistema ser issir b’fondi mill-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tad-Diesel Production Plant mill-algae?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandha tkun infurmata li min-naħa tal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma provdit biss post bi ħlas għal dan il-proġett li kien imħejji mill-Aġenzija MIEMA. Dan il-proġett kien jitratta riċerka fuq il-possibilita' ta’ produzzjoni ta’ Biofuel mill-algae. Ta’ minn jgħid li l-Aġenzija MIEMA hija waħda awtonoma.