Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCA – ħaddiema professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)? F’kull każ, x’inhi l-professjoni tagħhom u f’liema qasam regolatorju jaħdmu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jikkonsidra l-ħaddiema kollha tal-MCA huma meqjusa professjonisti f'xogħolhom; tant hu hekk li sena wara sena din l-entità qed tkun strumentali għat-tisħiħ ta' dan is-settur fl-ekonomija Maltija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali

Question

Jista’ l-Ministru jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Bajja tal-Balluta — encroachment

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3845, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet biex it-talba biex il-Bajja tal-Balluta jkun hemm encroachment fuqha tkun irrifjutata, meta ngħataw diversi encroachments fuq bajjiet pubbliċi, anke fl-istess lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni ma kinitx għall-encroachment iżda għal kirja lill-għaqda volontarja, liema talba kienet tinkludi ż-żona kollha tax-xatt u anke l-baħar. L-applikazzjoni ġiet irrifjutata għar-raġuni illi kemm ix-xatt u kif ukoll il-baħar ma jingħatawx b’kirjiet lill-għaqdiet volontarji.

San Ġiljan – Palazzo Spinola

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3834, fejn il-Ministru qal li l-Palazzo Spinola ser jingħata lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ b’mod temporanju biex jintuża bħala uffiċċji minħabba xi xogħlijiet li ser ikun hemm f’dan il-Ministeru, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li f’dan il-Palazz hemm applikazzjoni PA02310/20 li l-għan tagħha huwa “replacement of dangerous roof to outbuilding and render same accessible to all’? Jaf il-Ministru li jekk isir kif intqal fir-risposta, ser jesponi lill-ħaddiema tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranini għall-periklu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda f’diskussjonijiet mal-Ministeru kkonċernat sabiex isiru x-xogħlijiet kollha neċessarji fil-Palazz ta’ Spinola qabel dan jibda jintuża. Għal aktar dettalji dwar il-pjan tax-xogħlijiet, il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.

San Ġiljan – Palazzo Spinola – xogħol ta’ restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3835, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol ta’ restawr tas-saqaf u tal-faċċata tal-Palazzo Spinola skont l-applikazzjoni PA02310/20?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4122

San Ġiljan – Palazzo Spinola – encroachment

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3836, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-encroachment u l-kundizzjonijiet marbuta miegħu hekk kif kien mitlub jagħmel?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma diġà elenkajt f’risposti passati, l-informazzjioni mitluba hija waħda interna tal-Awtorità tal-Artijiet u għaldaqstant ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Madankollu fil-bord tal-Awtorità tal-Artijiet hemm Membru Parlamentari maħtur mill-Oppożizzjoni li qed jingħatalha ċ-cans li tara hi personalment id-dokumenti mitluba.

San Ġiljan – Palazzo Spinola – Talba mill-Kunsill Lokali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3827, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġiet l-ebda risposta uffiċjali għat-talba tal-Kunsill Lokali San Ġiljan li talab li Palazzo Spinola jingħata lill-Kunsill bħala community centre? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din ir-risposta ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tal-Artijiet – każ li ilu pendenti seba’ snin

Question

B’referenza għall-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ilu seba’ snin pendenti u li l-unika tweġiba dwaru li waslet mill-Awtorità tal-Artijiet hija li l-verifika għadha għaddejja minħabba li ż-żona hija vasta u kkumplikata, jista’ l-Ministru jispjega dak li huwa mfisser bil-frażi “vasta u kkumplikata”? Peress li dan il-każ ilu pendenti għal seba’ snin, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta se jissolva?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art inkwistjoni qiegħda fl-aħħar stadji ta’ reġistrazzjoni.

Regolament UE 2022/2065 – Digital Service Coordinator

Question

Għall-finijiet tar-Regolament UE 2022/2065, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rwol ta’ Digital Services Coordinator kontemplat fl-istess Regolament hux ser jiġi assenjat lil entità regolatorja ġdida jew inkella waħda diġà eżistenti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri stati għandhom sas-17 ta’ Frar 2024 sabiex jiġu desinjati d-Digital Services Coordinators. L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni bħalissa qiegħda tassisti l-Gvern fl-analiżi u l-preparamenti neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u huwa maħsub li din tkun tista’ tiġi uffiċjalment desinjata bħala d-Digital Services Coordinator.

Awtorità tal-Artijiet — Chief Audit Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ilha fl-irwol tagħha ċ-Chief Audit Officer preċedenti fl-Awtorità tal-Artijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Chief Audit Officer preċedenti fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet damet tokkupa dan l-irwol għall-perjodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2017 u l-20 ta’ Mejju 2021.

Awtorità tal-Artijiet — Chief Audit Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm damet vakanti l-kariga ta’ Chief Audit Officer fl-Awtorità tal-Artijiet qabel il-ħatra taċ-Chief Audit Officer attwali f’April tal-2022?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariga ta’ Chief Audit Officer fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet damet vakanti għall-perjodu bejn il-21 ta’ Mejju 2021 u s-17 ta’ April 2022. Waqt il-perjodu illi dan ir-rwol kien vakanti, il-proċessi illi skont il-liġi jridu jgħaddu mill-iskrutinju tal-Ufficjal Kap tal-Verifika nżammu pendenti. Dawn ġew debitament eżaminati mill-Uffiċjal Kap tal-Verifika l-ġdida meta din ġiet appuntata, u fl-istess ħin tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport għas sena 2021 li kien jiddettalja x-xogħol li sar mill-Ufficju tal-Verifika sakemm dan ir-rwol kien għadu okkupat mill-Ufficjal Kap tal-Verifika preċedenti.

AUM — manteniment ta' Dock Number 1

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2282, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet informatx lill-American University of Malta (AUM) bl-obbligu tagħha li żżomm il-parti ta’ quddiem fix-xatt Dock Number 1 fi stat tajjeb skont kif maqbul fil-kuntratt? Jista’ jgħid jekk l-AUM kisritx il-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sit inkwistjoni ġie spezzjonat u l-Awtorità tikkonferma li l-moll ta' quddiem il-blokka li bħalissa joperaw minnha l-A.U.M huwa miżmum fi stat tajjeb ħafna u dan fejn l-A.U.M għaddejja bl-operat ta’ kuljum tagħha. Il-parti l-oħra għadha mhijiex funzjonali minħabba applikazzjoni pendenti mal-Awtorità tal-Ippjanar, iżda għalkemm dan is-sit jidher vojt u mhux użat, il-moll ta’ quddiemu xorta jinżamm fi stat tajjeb.

Awtoritá tal-Artijiet – spezzjonijiet fuq imwejjed u siġġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ispezzjonijiet mill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet bejn l-1 ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ spezzjonijiet li saru mill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet li saru fil-perjodu indikat.

Kemmuna beach concessions – public tender

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2211, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tliet beach concessions fil-bajjiet ta’ Kemmuna ngħatawx permezz ta' sejħa pubblika għall-offerti? Jekk iva, jista’ jgħid meta din kienet ippubblikata?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet, mill-1 ta’ Jannar 2018, kienet ikkonċediet b’kiri, is-siti referuti f’Kemmuna, lill Awtorità Maltija tat-Turiżmu. sabiex tiġġestixxihom hi. Il-kirja tkopri perjodu ta’ 15-il sena. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Art barra ż-żoni ta’ żvilupp li hija proprjetà tal-Gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2988, jista’ l-Ministru jgħid jekk mir-rekords li għandha l-Awtorità tal-Artijiet kemm mill-kirjiet li għandha ma’ individwi ta’ art agrikola tal-Gvern jew ex-knisja huma mikrijin lill-bdiewa full-timers u bdiewa part-timers?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm l-Awtorità tal Artijiet għandha r-rekords tagħha għal kull kirja li hija tagħti u dwar jekk art tkunx proprjetà tal-Gvern, Ex Knisja jew jekk din il-proprjetà tkunx mikrija jew le informazzjoni dwar jekk persuna tkunx irreġistrata bħala bidwi part-time jew full-time, ma tinżammx fi ħdan din l-Awtorità.

Art barra ż-żoni ta’ żvilupp li hija proprjetà tal-Gvern

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2988, jista’ l-Ministru jgħid mir-rekords li għandha l-Awtorità tal-Aritijiet, x'area ta' artijiet agrikoli kemm tal-Gvern u ex-Knisja qegħdin b'kirja lill-individwi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità mhux qiegħda f’pożizzjoni li tipprovdi din l-informazzjoni għaliex is-sistema diġitali ma tippermettix tfittxija abbażi ta’ użu daqshekk preċiż u speċifiku tal-proprjetà.

Ministeru għal Għawdex – toroq – ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid? Jista’ jgħid liema toroq ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2022 u 2023 mill-programm 'Rural Development Programme 2014-2020 Measure 4.3 - European Agricultural Fund for Rural Development'? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn it-toroq biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq ġewwa Għawdex, li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex, biex il-ħitan tas-sejjieħ jinbnew mill-ġdid, ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda sit/triq ma ġew miċħuda fl-istadju tal-applikazzjoni. L-allokazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet jammonta għal €10,207,863.56.

Ta’ Xħajma — Korsa taż-Żwiemel – twaqqigħ ta’ stallel

Question

B'referenza għax-xogħlijiet ta' twaqqigħ ta' numru ta' stallel taż-żwiemel fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta’ Xħajma, minħabba li ngħad li kienu f'qagħda perikoluża li iżda sal-ġurnata qabel twaqqgħu kienu għadhom qed jintużaw mis-sidien taż-żwiemel biex fihom ipoġġu ż-żwiemel tagħhom qabel u wara t-tiġrijiet, jista' l-Ministru jgħid dan ix-xogħol kienx kopert bil-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz ta’ applikazzjoni ta' Dangerous Structures (DS) u jekk iva, iqiegħed kopja ta' dan il-permess fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol ta' twaqqigħ, kif intgħażel u kemm ġie jiswa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Mosta — żona magħrufa Tad-Dib – plots tal-HOS – każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta se jissolvew każijiet pendenti ta’ residenti fil-plots tal-Home Ownership Schemes fil-Mosta, partikolarment fiż-żona magħrufa bħala Tad-Dib?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona tad-Dib fil-Mosta, għad hemm każ pendenti quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet u għaldaqstant l-akkwist tal-art f’dik iż-żona ma jistax jiġi ffinalizzat qabel ma jitlestew dawn il-proċeduri.

Stazzjonijiet lokali Free-to-air

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f’Malta u Għawdex u n-numru ta’ households, indikati skont il-lokalità, li għadhom jagħmlu użu minn aerial biex jaraw l-istazzjonijiet lokali free-to-air? Jista’ jgħid jekk il-Gvern hux se jwaqqaf dan is-servizz tal-istazzjonijiet televiżivi free-to-air?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.