Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni pubblika iktar ċara wara l-aħħar ċirkolari datata t-18 ta’ Ġunju 2019 dwar x’uniformi jistgħu jilbsu l-istudenti għas-sena akkademika li ġejja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ċ-ċirkolari tat-18 ta’ Ġunju 2019 hija ċara. Għas-sena skolastika 2019/20 l-istudenti jistgħu jilbsu t-tracksuit kuljum, li tinkludi poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa tal-uniformi attwali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm studenti fl-iskejjel sekondarji li studjaw u resqu għall-eżami fil-Latin jew il-Grieg?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda studenti fl-iskejjel Sekondarji tal-Istat li jistudjaw il-Latin jew il-Grieg. Infurmat ukoll li m’hemmx studenti fl-iskejjel Sekondarji Non-Statali li jitgħallmu dawn is-suġġetti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa wara li rċieva ittra ffirmata min-numru ta' Learning Support Educators Għawdxin li jaħdmu f'Malta u liema ittra kienet iġġib id-data tal-11 ta' Marzu 2019? Jista' jgħid iltaqax ma' rappreżentanti ta' dawk li ffirmaw din l-ittra? Jista' jgħid jekk ġewx indirizzati l-ilmenti ta' dawn l-LSEs Għawdxin u jekk iva kif ġew indirizzati biex tonqos it-tbatija li jgħaddu minnha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-MEDE ġibed l-attenzjoni u talab lill-Bord Mediku biex jara l-każijiet proċessati minnu. Dan biex ikun stabbilit jekk il-kundizzjonijiet mediċi għadhomx effettivi u jekk fil-pożittiv jirristrinġux deċiżjonijiet fid-deployment.
Infurmat li l-individwi li ffirmaw l-ittra ġew ikkuntattjati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx Learning Support Educators li qed jaħdmu f'Għawdex biss minħabba raġunijiet umanitarji jew ta' saħħa? Jekk dan hu l-każ, kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? Dejjem jekk dan hu l-każ, jista' jindika wkoll kemm minnhom għandhom kundizzjoni permanenti u kemm minnhom għandhom kundizzjoni temporanja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa hemm 15-il Learning Support Educator (LSE) li qegħdin Għawdex on medical/humanitarian grounds. Dawn huma kollha nisa ħlief għal raġel wieħed.
Minn dawn l-LSEs:
tnejn (2) telgħu din is-sena għax qed jagħmlu terapija;
ħamsa (5) qegħdin Għawdex minħabba li għandhom diżabilità jew kundizzjoni li m'hemmx fejqan għaliha;
sitta (6) iridu jitilgħu l-Bord Mediku kull sena;
tnejn (2) oħra li l-Bord Mediku ddeċieda li jistgħu jibqgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta’ LSEs. Bħalissa dawn iż-żewġ persuni mhumiex jissapportjaw studenti.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u lill-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru hu kif jidher hawn taħt:
Ġunju – Diċembru 2017: 14
Jannar – Diċembru 2018: 13
Jannar – Settembru 2019: 15
Minn dawn kien hemm 18 milqugħa, 14 rifjutati, 6 irtirati u 4 għadhom pendenti.
Dawk li ġew rifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.
Jista’ l-Ministru jagħti statistika ta’ kull akkademja jew istituzzjoni edukattiva fuq kemm inġiebu studenti barranin f'dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jgħid mil-liema pajjiżi ġew u għal-liema korsijiet applikaw? Jista’ jgħid ukoll kemm saru spezzjonijiet mill-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) sabiex jaraw li l-istudenti verament qegħdin jattendu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Minħabba li informazzjoni dwar statistika ta' istituzzjonijiet edukattivi privati tista' tkun ta' natura kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva, qiegħed nagħti t-total ta' studenti barranin għas-sena akkademika 2017-18. Dan jammonta għal 7,167 u jinkludi studenti f’kull livell (MQF level 1 sa MQF level 8) inkluż ukoll is-Sixth Form. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista b’tagħrif dwar in-nazzjonalità tal-istudenti barranin fl-istess sena akkademika.
Infurmat li l-NCFHE u l-NSO għadhom għaddejjin bil-proċess ta’ ġbir tal-istatistika għas-sena akkademika 2018-19.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, infurmat li l-NCFHE ma tagħmilx monitoraġġ tal-attendenza tal-istudenti.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li minibuses li jniżżlu t-tfal fi Triq l-Indipendenza ma’ Triq Ċelju Tonna fil-Mosta u fil-Pjazza Rotunda, sabiex imorru fl-Iskola Primarja f’Triq Grognet ma jkunx hemm periklu għal dawn it-tfal peress li preżentement, dawn it-tfal iż-żgħar qed jitħallew jimxu waħedhom sal-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-Sezzjoni tat-Trasport tal-Iskejjel kienet irrappurtat il-każ mal-operatur tar-rotta inkwistjoni. Infurmat li llum il-ġurnata t-tfal qegħdin jitwasslu filgħodu u jinġabru wara nofsinhar sa/mill-bieb tal-iskola.
Il-Fgura — skejjel primarji - xogħlijiet ta' manutenzjoni ordinarja u straordinarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol ta' manutenzjoni ordinarja u straordinarja se jsiru fl-iskejjel primarji fil-Fgura tul dan is-sajf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskejjel primarji tal-Fgura dan is-sajf kienu:
· Xogħol ta’ tikħil u żebgħa
· Irranġar ta’ sistemi ta’ drenaġġ u ilma
· Xogħol fuq turġien biex jinħoloq aċċess għall-bejt
Raħal Ġdid — skola Primarja - xogħlijiet ta' manutenzjoni ordinarja u straordinarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol ta' manutenzjoni ordinarja u straordinarja se jsiru fl-iskola primarja f'Raħal Ġdid tul dan is-sajf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskola primarja f’Raħal Ġdid dan is-sajf kienu:
· Gradi tal-ħadid ġodda.
· Tiswija fil-faċċata tal-iskola.
· Xogħol ta’
plumbing
· Faċilitajiet sanitarji ġodda
· Xogħol ta’ tikħil u żebgħa
· Tiswija fis-soqfa
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ bini ta' skola ġdida ġewwa l-Qawra u jekk din hux se tkun lesta kollha kemm hi mill-bini u mill-finishing u tkun tista’ tilqa’ l-istudenti tal-kinder u tal-primarja sal-bidu tas-sena skolastika l-ġdida jiġifieri Settembru 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq l-Iskola Primarja l-ġdida fil-Qawra għaddej b'ritmu tajjeb tant li issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu ta' kostruzzjoni. Għaddej b'pass qawwi wkoll ix-xogħol fuq installazzjonijiet mekkaniċi u elettrici, kif ukoll xogħlijiet oħra ta' finishings.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. interpellant li kien hemm dewmien fuq ix-xogħlijiet ta' dan il-proġett wara inċident li seħħ fis-sit, li kien suġġett ta' inkjesta maġisterjali, u l-kwistjoni relatata mar-regolamentazzjoni tal-bini f'pajjiżna. Waqt li l-iskola kienet ippjanata li tibda tilqa' l-ewwel studenti fis-sena skolastika 2019-2020, l-FTS qed tagħmel l-almu tagħha biex tibda tintuża parti mill-iskola kmieni s-sena d-dieħla fl-imsemmija sena skolastika.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — contract of service u contract for service
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10885 u jgħid kemm-il contract of service u contract for service ngħata minn kull Dipartiment u entità li jaqgħu taħtu mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u l-valur ta’ kull wieħed u lil min ingħata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq xogħol ħafna aktar produttiv.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni b’diżabilità b’impjieg, kull sena, bejn is-sena 2009 u s-sena 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, in-numru ta` persuni b’diżabilità fl-impjieg fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn l-2009 u l-2018, u fl-aħħar ta’ Lulju 2019, huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt:
2009 - 2019
Persuni b’diżabilit
à fl-impjieg
Diċembru 2009
1,384
Diċembru 2010
1,495
Diċembru 2011
1,591
Diċembru 2012
1,699
Diċembru 2013
1,797
Diċembru 2014
2,007
Diċembru 2015
2,318
Diċembru 2016
2,850
Diċembru 2017
3,499
Diċembru 2018
3,578
Lulju 2019
3,713
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ħa u se jkompli jieħu sabiex jassisti persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus għandha diversi skemi li huma mmirati għall-persuni b’diżabilità li jixtiequ jsibu impjieg. Fost dawn l-iskemi u programmi ta’ għajnuna mill-Fond Nazzjonali u oħrajn iffinanzjati parzjalment mill-Unjoni Ewropea hemm:
Il-Programm Sheltered Employment Training jipprovdi taħrig assistit għal persuni b’diżabilitajiet aktar severi bl-għan li jtejjbu l-ħiliet tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Diversi job coaches huma assenjati jissapportjaw lill-persuni li jattendu. Is-sena programm ta’ taħrig jinkludi ukoll perjodu f’ambjent reali tax-xogħol.
Il-Pre-Employment Training huwa taħriġ speċifiku li jiffoka fuq ħiliet ta’ impjegabbilità, komunikazzjoni, soċjali, kif ukoll ħiliet għal ħajja indipendenti. Dan it-taħriġ huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Korsijiet offruti huma;
·
Award in Pre-Employment Skills
·
Award in Life and Communication Skills
·
Award in Basic Clerical Training
·
Basic ICT Skills
L-iskema tal-Bridging the Gap (BTG) toffri opportunità ta’ prova fuq il-post tax-xogħol (work exposure) lill-persuni b’diżabilità għal numru ta’ ġimgħat (skont il-bżonn). Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw allowance fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. Jekk il-persuna ddum aktar minn tnax-il ġimgħa f’din l-iskema, hi trid iċċedi l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali tagħha. Min-naħa l-oħra l-employer ma jkunx obbligat li jħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, il-paga u benefiċċji oħra bħas-sick leave.
L-Iskema t’Aċċess għall-Impjiegi (A2E), kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Gvern Malti, tipprovdi sussidju ta’ €125 fil-ġimgħa għal kull persuna b'diżabilità ġdida f’impjieg full-time għal 156 ġimgħa. Fil-każ ta’impjieg part-time jingħata sussidju pro-rata ta’ jew 20, 25 jew 30 siegħa fil-ġimgħa.
Fl-impjieg ta’ persuni b’diżabilità kumpaniji (mhux governattivi) jistgħu jitolbu biex:
· Jiġu eżentati mill-ħlas tal-
kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali
għall-impjegati rreġistrati b’diżabilità.
· Jirċievu
inċentiv fiskali
ta’ 25% tas-salarju bażiku annwali għal kull persuna b’diżabilità diġà mpjegata sa massimu ta’ € 4,500, immedjatament wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja.
Barra mill-iskemi/programmi msemmija hawn fuq, il-Fondazzjoni Lino Spiteri (LSF) li ġiet imwaqqfa bejn Jobsplus u min iħaddem, tgħin lill-persuni b'diżabilità kif ukoll lil min iħaddem biex it-tnejn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn suq tax-xogħol aktar aċċessibbli u aktar differenti bl-għajnuna tal- job coaches. Il-Fondazzjoni għandha l-għan li ssib modi biex bihom tneħħi l-barrieri u tkabbar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'diżabilità. Il-Fondazzjoni tipprovdi servizz ippersonalizzat bi pjan t’azzjoni skont il-ħtieġa tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll servizz lil min iħaddem billi tassistih biex jimpjega persuni b’diżabilità permezz tal- job carving.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ manutenzjoni hemm ippjanata għal matul is-sajf 2019 għal kull skola f'kull raħal ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm ħa tkun l-ispiża fuq kull skola, kemm-il tender ħarġet, meta ħarġet, meta ġiet awarded u għal kemm prezz ġiet awarded?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet ta' manutenzjoni li saru fl-iskejjel ġewwa Għawdex dan is-sajf. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni msemmi sar mill-ħaddiema tal-Kulleġġ t’Għawdex u għalhekk ma ħarġux tenders għal dan ix-xogħol. Nirreferi wkoll lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11203.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema Għawdxin, kemm dawk li jgħallmu fi Skejjel Primarji kif wkoll dawk li jgħallmu ġewwa Skejjel Sekondarji, li jaħdmu fi skejjel ġewwa Malta sena b'sena mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid f’liema lokalità u x'etajiet għandhom dawn l-għalliema, u kemm ilhom snin jaħdmu ġo skejjel ġewwa Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant sena b'sena mill-2013 sal-aħħar tas-sena skolastika li għaddiet hu kif muri fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 10812 - Għalliema Għawdxin li jaħdmu f'Malta.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun lesta l-iskola l-ġdida tar-Rabat, Għawdex li issa ilha mwiegħda tal-anqas ħames snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Kif ġa ħabbarna pubblikament, fis-sit tal-iskola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex instabu fdalijiet ta’ barriera għall-qtugħ tal-blat li jmorru lura għal żmien ir-Rumani. Din l-iskoperta saret waqt tħaffir investigattiv maqbul bejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali bħala parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni arkeoloġika qabel isir l-iżvilupp skont kif provdut fl-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.
Fid-dawl ta’ dan, il-Fondazzjoni ħadmet mas-Sovrintendenza biex il-periti inkarigati mill-proġett jagħmlu reviżjonijiet fil-pjanti tal-iskola biex inħarsu dawn il-fdalijiet għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Ninsab assigurat li ttieħdu, u se jkunu qed jittieħdu, l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni, il-ħarsien u l-konservazzjoni ta’ dawn il-fdalijiet – u nemmen li l-Onor. Interpellant jaqbel ma’ dan kollu.
Ninsab ċert ukoll li l-Onor. Interpellant japprezza li ż-żmien li fih kien ippjanat li jsir dan il-proġett intlaqat sew mis-sejba ta’ dawn il-fdalijiet kif ukoll mit-tibdil fil-pjanti li dan ġab miegħu. Minkejja dan, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa issa ngħatat tender biex jitħaffer is-sit fejn se tinbena l-iskola waqt li sejħa għall-offerti għall-bini tal-iskola għalqet ftit jiem ilu.
Ninsab mgħarraf li sakemm ma jinqalgħux problemi mhux previsti, xogħlijiet ta’ din in-natura normalment jieħdu bejn sentejn u sentejn u nofs.
Inserraħ ras l-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada se tagħmel ħilitha biex twassal il-proġett sa tmiemu fl-inqas żmien possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal-LSEs fl-iskejjel tal-Istat, fl-iskejjel tal-Knisja u fl-iskejjel Indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talbiet għal-LSEs isiru matul is-sena kollha. Infurmat li t-talbiet għal-LSEs li qed ikunu pproċessati huma kif se nsemmi:
Skejjel tal-Istat - 154
Skejjel tal-Knisja - 129
Skejjel Indipendenti - 42
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema skejjel kien għadu għaddej xogħol ta’ manutenzjoni kif bdiet is-sena skolastika u li ma laħaqx sar matul is-sajf kif ippjanat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf l-Onor. Interpellant li xogħol ta’ manutenzjoni fl-iskejjel ikun kollu ppjanat u jsir matul is-sena kollha u mhux biss fix-xhur tas-sajf.