Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €400 – anzjani li għandhom ‘il fuq minn 80 sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għandhom ‘il fuq minn 80 sena li bdew jirċievu l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €400 mill-1 ta’ Jannar 2022?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Djar tal-anzjani privati – ftehim għal xiri ta’ sodod mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-djar privati tal-anzjani f’Malta u f’Għawdex li l-Gvern għandu ftehim magħhom għal xiri ta’ sodod mill-Gvern?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-djar privati tal-anzjani f’Malta li l-Gvern għandu ftehim magħhom għal xiri ta’ sodod huma Central Home, Il-Mosta; Casa Arkati, Il-Mosta; Casa San Paolo, San Pawl il-Baħar; Casa Paola, Raħal Ġdid; Casa Pinto, Ħal Qormi; Casa Serena, San Pawl il-Baħar; St.Thomas Community Living, Marsaskala; Villa Messina, Ir-Rabat; St. Elizabeth Home, Ir-Rabat; Dar Saura, Ir-Rabat; Roseville, Ħ’Attard; Golden Care, Ħal Għargħur; Casa Leone, San Ġiljan; Casa Francesco, Il-Ħamrun; Dar San Ġużepp, Il-Fgura; Ghigo Community Residence, Ħal Għaxaq; Dar l-Annunzjata, Ħal Tarxien.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Chairpersons, membri tal-bordijiet u entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-Chairpersons, membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Djar tal-anzjani – anzjani pożittivi għall-COVID-19

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 24313 u 24671 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma dawk id-djar tal-anzjani li fihom hemm anzjan/i li bħalissa huma pożittivi għall-COVID-19? F’kull dar imsemmija kemm-il anzjan/a hemm? F’kull dar imsemmija kemm-il anzjan/a hemm li hu/hi pożittiv għall-COVID 19? Minn dawn il-persuni li nstabu pożittivi, kemm-il persuna hemm li ħadet l-ewwel vaċċin? Minn dawn il-persuni li nstabu pożittivi, kemm-il persuna hemm li ħadet l-ewwel u t-tieni vaċċin? Minn dawn il-persuni li nstabu pożittivi, kemm il-persuna hemm li ħadet l-ewwel u t-tieni vaċċin kif ukoll il-booster?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta bl-informazzjoni sat-12 ta’ Mejju 2022 qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem Għawdex taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu? Jekk ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għaliex? Jekk taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu, xi pjanijiet għandu biex din titlesta, wara li x-xogħol fuqha ilu li nbeda tmien snin, imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista’ jgħid għandux ħsieb li jsir parkeġġ ma’ din id-dar għaliex sa issa jidher li ma fiha l-ebda parkeġġ maghha?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Servizz ta’ Night Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet hemm servizz ta’ Night Shelter? Jista’ jgħid kemm hemm anzjani jattendu f’kull Night Shelter? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx anzjani li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija biex jużaw dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lokalitajiet fejn hemm servizz ta’ Night Shelter u li għalihom hu responsabbli dan il-Ministeru, flimkien man-numru ta’ anzjani li qed jattendu fihom huwa kif ġej: Rabat (Malta) - 4 anzjani; Fgura u Ħamrun - 2 anzjani kull wieħed; Dar Padova Għajnsielem Għawdex - 3 anzjani u Żejtun, Mellieħa u Mosta bl-ebda anzjan. Bħalissa m’hemmx anzjani fuq lista ta’ stennija għal dan is-servizz.

Night Shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Gvern li jiftaħ aktar Night Shelters? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema lokalitajiet x’ser ikunu qegħdin jinfetħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diskussjonijiet għaddejjin ma’ diversi operaturi ta’ djar privati tal-anzjani madwar Malta u Ghawdex biex jiżdiedu numru ta’ sodod għas-servizz tan-Night Shelter. Minbarra hekk u kif diġà mħabbar fil-manifest elettorali tal-Gvern, il-Ministeru, permezz ta’ koperazzjoni bejn l-AACC u l-SCSA, se jkun qed jevalwa kull possibilità biex dan is-servizz jiġi pprovdut f’iżjed lokalitajiet u safejn hu possibli jittaffa l-inkonvenjent relatat ma’ trasport.

Home Help

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-benefiċjarji li jagħmlu użu mill-Għajnuna fid-Dar (Home Help)? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx każijiet li għadhom pendenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ benefiċjarji li għamlu użu mill-Għajnuna fid-Dar sal-aħħar ta’ April 2022 kien ta’ 4,985. Hemm 220 każ li għadhom pendenti jistennew li jiġu allokati helper.

Home Help – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx lista ta’ stennija fis-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help)? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm persuni jistennew dan is-servizz u kemm ilhom jistennew? Jista’ jgħid ukoll għaliex hemm din l-istennija?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 166, ninfurmah li bħalissa qed tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ helpers bil-għan li tintlaħaq id-domanda għal dan is-servizz. Minbarra hekk, iżda, infakkar li llum anzjani għandhom ukoll il-possibbiltà li jużaw l-iskema l-ġdida tal-Helper tal-Għażla Tiegħek, li permezz tagħha jistgħu jingaġġaw helper tal-għażla tagħhom u jingħataw €7 għal kull siegħa li tiġi approvata mis-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar.

Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300 – anzjani li għadhom jgħixu fi djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għadhom jgħixu fid-dar tagħhom stess jew mal-qraba tagħhom li qed jingħataw l-Għotja għaċ-Ċittadin Anzjan ta’ €300?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.