Legislature:
Category:
Reset
Active:

Project Green – spiża fuq billboards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża f’pubbliċità għall-proġett ‘Project Green’ permezz ta’ billboards mill-1 ta Jannar 2022 sal-31 ta Marzu 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green hija aġenzija li twaqqfet f’Jannar li għadda biex twettaq investiment ambjentali bla preċdent ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin, biex noħolqu aktar spazji ħodor miftuħa kif ukoll intejbu oħrajn eżistenti madwar il-pajjiż. Sa Marzu, din l-aġenzija ma daħlet f’ebda spiża f’pubbliċità permezz ta’ billboards.

Project Green – spiża fuq siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża relatata ma’ xiri ta’ siġar għall-proġett ‘Project Green’ mill-1 ta Jannar 2022 sal-31 ta’ Marzu 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green hija aġenzija li twaqqfet f’Jannar li għadda biex twettaq investiment ambjentali bla preċedent ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin, biex noħolqu aktar spazji ħodor miftuħa kif ukoll intejbu oħrajn eżistenti madwar il-pajjiż. Matul l-ewwel tliet xhur, Project Green investiet €32,000 biex ħawlet 3,500 siġra u arbuxelli f’diversi lokalitajiet. Dan jirrappreżenta żieda ta’ kważi 270% fl-ispiża medja mensili għal xiri ta’ siġar meta mqabbla ma’ dik tal-2022. It-tħawwil ta’ siġar li sar mill-aġenzija jinkludi madwar 1,000 siġra indiġena u 1,850 arbuxell li tħawlu fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa. Tħawlu wkoll 220 siġra u arbuxell fl-estensjoni ġdida tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, 30 siġra fl-Imdina, 60 siġra fil-Mosta, 82 siġra fil-Wied ta’ Santa Katarina, 160 arbuxell fi Ġnien Victor Calvagna u aktar minn 100 siġra oħra f’Ta’ Qali. L-ispeċi tas-siġar huma varji bħalma huwa Ċipress, Ħarrub, Rummien, Virgi, Żafżaf, Rand, Ballut u Prinjol fost oħrajn. Dawn is-siġar jikkumplimentaw xejn inqas minn 20,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa ġodda li Project Green inawgurat fil-ftit żmien kemm ilha mwaqqfa.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’din il-Leġiżlatura jekk u meta sar xi safar barra mill-pajjiż u tipprovdi l-informazzjoni dwar kemm sar użu minn roaming u kemm kien il-ħlas rispettiv għal tali użu, kemm għall-Ministru kif ukoll għall-istaff tagħha b'mod rispettiv għal kull persuna u kull safra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żurrieq – Wied Fulija – skart tal-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn meta beda jintieżen l-iskart tal-kostruzzjoni li ntefa' f'Wied Fulija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li x-xogħlijiet fuq is-sit kienu bdew għall-ħabta ta’ Mejju tas-sena 2019 meta l-miżien kien ġie installat biex jitkejjel id-dħul ta’ dan il-materjal.

Żurrieq – Wied Fulija – skart tal-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn meta beda jintieżen l-iskart tal-kostruzzjoni li ntefa' f'Wied Fulija, iż-Żurrieq, kemm intefa' skart tal-kostruzzjoni u minn liema proġett/i ġie ġġenerat?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mal-ispjegazzjonijiet fit-tweġibiet li kienu ngħataw mill-predeċessur tiegħi għall-mistoqsijiet parlamentari 12911 u 15378 tat-Tlettax-il Leġiżlatura, u t-tweġiba li għadni kif tajt għall-mistoqsija parlamentari 7589, ninsab infurmata li ntużaw madwar 110,000 metri kubi ta’ materjal biex tiġi riabilitata l-miżbla. Il-kuntratt kien jispeċifika l-kwalità ta’ materjal li kellu jintuża, imbagħad kienet ir-responsabbiltà tal-kuntrattur li jipprovdi materjal li kien adegwat u li kien konformi mal-kundizzjonijiet tal-permessi kif maħruġa mill-awtoritajiet relevanti. Is-sors tal-materjal li ntuża fix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni mhux dokumentat peress li l-kompożizzjoni tal-materjal huwa l-parametru rekwiżit mid-disinn, u l-provenjenza ma tagħmel ebda differenza fis-suċċess tat-twettiq tal-proġett li minn żewġ miljun tunellata ta’ skart u żona mhux aċċessibbli, radd lura lill-poplu waħda mill-isbaħ inħawi tal-pajjiż f’park għall-familja b’aktar minn 43,000 siġra u arbuxell.

Palazz ta’ Selmun – xogħol ta’ restawr

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk bediex ix-xogħol ta’ restawr f’Selmun Palace li kellu jibda sal-aħħar tas-sena 2022? Jekk iva, tista’ tagħti rendikont tax-xogħol li sar u indikazzjoni ta’ meta hu previst li jitlesta? Jekk le, tista’ tgħid għaliex ix-xogħol ta’ restawr għadu ma bediex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Enemalta – Marsaskala – xogħlijiet fit-toroq

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-Enemalta se tara li jsir l-aħħar saff ta' tarmak fi Triq il-Qrempuċ, Triq Salvu Buhagiar, Triq il-Gemmugħa u Triq Ġebel Ħanxul f'Marsaskala wara li t-toroq kienu tqattgħu biex sar xogħol mill-istess entità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta qed tistenna riżultati tat-testijiet tal-konkos biex wara jkun jista’ jingħata l-aħħar saff ta’ tarmak fit-toroq indikati.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-UE

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tagħha tul is-sena 2022 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2022, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża ma kellu l-ebda Direttiva tal-Unjoni Ewropea li kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali u għaldaqstant m’hemm l-ebda Direttiva li hija pendenti.

Project Green – spazji miftuħa ġodda

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi lista tal-ispazji miftuħa ġodda, jiġifieri mhux rinovati jew li qed issirilhom manutenzjoni, li ser ikunu qed jitlestew sal-aħħar tal-2023 mill-aġenzija Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa l-Aġenzija Project Green diġà fetħet żewġ spazji ġodda li huma l-Park tal-Familja f’Bengħajsa u l-estensjoni ġdida tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar. Sadattant, għaddej il-proċess biex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għal spazji miftuħa ġodda relatati mal-Community Greening Grant. F’dan il-kuntest nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7509.

Project Green – spazji miftuħa eżistenti

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi lista tal-ispazji miftuħa diġà eżistenti li ser ikunu rinovati jew li se ssirilhom manutenzjoni u li ser ikunu qed jitlestew sal-aħħar tal-2023 mill-aġenzija Project Green u x'ser ikun ix-xogħol fihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li reċentement ġie rinovat id-Dog Park ta’ Ta’ Qali u għaddej il-proċess biex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għal spazji miftuħa ġodda relatati mal-Community Greening Grant. F’dan il-kuntest nirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7509.

Imtarfa – Triq G. Carafa – tiswija fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tara li jissewwa d-dawl tat-triq fi Triq G. Carafa, l-Imtarfa, malajr kemm jista’ jkun peress li din it-triq ilha żmien twil bla dawl u billejl tkun perikoluża minħabba n-nuqqas ta’ dawl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Billi ninsab infurmata li d-dawl li qed tirreferi għalih mhux fir-responsabbiltà tal-Enemalta, nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Mellieħa – Triq il-Mitħna l-Ġdida – xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jiġi konkluż (bil-wiċċ tat-triq b'kollox) ix-xogħol li qed isir preżentement fil-Mellieħa, liema xogħol ilu għaddej numru ta' xhur fi Triq il-Mitħna l-Ġdida, minn ħdejn id-distribution centre tal-Enemalta fil-Mellieħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Enemalta qed tagħmel xogħol ta’ rinfurzar fil-Mellieħa biex tassigura provvista tal-elettriku aktar stabbli għar-residenti u n-negozji. Ix-xogħlijiet li għad jonqos bħala parti mill-proġett li qed issir referenza għalih, li qed jitwettaq b’investiment ta’ madwar €350,000, għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.

San Pawl il-Baħar – sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hux se tkun qed tassigura li jsir pjan fit-tul biex f'numru ta’ nħawi residenzjali żgħar fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, titwassal is-sistema tad-drenaġġ? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk l-istess korporazzjoni għandhiex informazzjoni dwar liema nħawi simili għad m'għandhomx sistema tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 7114.

Proġett ta’ Tisbiħ u Riġenerazzjoni ta’ Wied Blandun

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-proġett ta' tisbiħ u riġenerazzjoni ta’ Wied Blandun li kien ġie varat fl-2015, u ċjoè tmien snin ilu, illum għadu daqshekk fi stadju bikri u għadu ma sar xejn, biex naraw ir-riżultat aħħari li kien ġie proġettat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Rabat, Malta – Wied Ħażrun – qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hijiex informata dwar il-qtugħ tal-provvista tad-dawl fuq barra, fil-parti ta' Wied Ħażrun fir-Rabat Malta, li ilu hekk għal dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Enemalta m’għandha ebda rapport mill-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar qtugħ fil-provvista tad-dawl fl-inħawi ta’ Wied Ħażrun. L-aħħar rapport li l-Enemalta kellha mill-Kunsill tar-Rabat dwar lampi mitfija fiż-żona sar fl-20 ta’ Marzu 2023 u l-għada ġew iċċekkjati u l-kunsill ġie infurmat fit-22 ta’ Marzu li l-lampi kienu qed jixegħlu.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — passi legali kontra konsumaturi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7007, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija oriġinali fir-rigward ta' kull kategorija, residenzjali jew le, fejn il-konsumatur jappella għall-ammonti kbar ta' konsum li jinzertaw jiġu billed fuq il-meter tiegħu waqt li jkunu għaddejjin xogħolijiet fi triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’sitwazzjonijiet kif indikati minnu fejn jidħol konsum ta’ ilma li mhuwiex dak li wieħed jikkunsidra ‘normali’, dan ikun suġġett għall-iskrutinju tal-Qorti.

Landscape Convention – dħul fis-seħħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Landscape Convention hux se tiġi fis-seħħ tul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq il-proċess ta’ ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Aktar informazzjoni tingħata fiż-żmien li ġej

Marsaxlokk – port — materjali mormi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7016, tista' l-Ministru tgħid kemm kienet il-kwantità ta' materjali li ġew imħammla mill-Port ta' Marsaxlokk mill-aħħar xahar tas-sena l-oħra sal-lum u fejn ġew mormija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont in-Noti ta’ Kunsinna mogħtija lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, it-tħammil fil-Port ta’ Marsaxlokk bejn Diċembru 2022 u t-22 ta’ Marzu 2023 kellu jammonta għal 25,200 metru kubu ta’ materjal li wara jintrema fl-ispoil ground uffiċjali 'l barra mill-Port il-Kbir.

Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar – Project Green

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7228, tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi ffinalizzat il-proċess ta' evalwazzjoni għar-rigward tal-Project Green fil-Mellieħa/San Pawl il-Baħar u n-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nerġa’ nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7069, inżid li l-proċess ta’ evalwazzjoni mistenni jiġi finalizzat sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kif diġà hemm indikat fil-linji gwida.