Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Gudja — Monitoraġġ tal-kwalità tal-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew xi entità oħra qattx għamlet monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fl-inħawi tal-Gudja u tal-Ajruport Internazzjonali? Jekk iva, tista’ tgħid x’kienu dawn ir-riżultati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-arja permezz ta’ netwerk passiv f’diversi lokalitajiet fosthom fl-inħawi tal-Ajruport Internazzjonali li jinkludu il-Gudja, Ħal-Luqa, l-Imqabba u Ħal-Kirkop. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi r-riżultati tal-konċentrazzjoni annwali medja tal-gassijiet fl-inħawi msemmija.

ERA — Monitoraġġ għall-kwantità ta’ Fuel Vapours fl-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hijiex attrezzata biex tkejjel u tiċċekkja għall-kwantità ta’ Fuel Vapours fl-arja, partikolarment għall-Volatile Organic Compounds (VOCs)? Jekk iva, tista’ tgħid fejn sar dan l-iċċekkjar u l-monitoraġġ matul is-snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA hija attrezzata biex timmoniterja Volatile Organic Compounds (VOCs). Fil-fatt, l-ERA timmoniterja VOCs ambjentali, preċiżament benżin, etil benżin u ksileni, permezz ta’ netwerk instantanju fl-istazzjonijiet tal-Imsida u ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll permezz ta’ netwerk ta' monitoraġġ passiv f’żoni mifruxa ma’ Malta u Għawdex.

Vapour Recovery Systems

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn huwa obbligatorju li jiġu installati Vapour Recovery Systems f’żoni ta’ refuelling jew ħażna ta’ fuels? Tista’ tgħid ukoll jekk ħażniet ta’ fuels fl-Ajruport humiex koperti minn dan l-obbligu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-obbligu li jiġu installati Vapour Recovery Systems f’żoni ta’ refuelling jew ħażna ta’ fuels jgħodd biss fejn hemm ġarr jew ħażna ta’ petrol bħal fil-każijiet ta’ bowsers, petrol stations u terminals li huma koperti mir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili - KOV (Ħażna u Distribuzzjoni ta’ Petrol mit-Terminals lejn Stazzjonijiet tal-Petrol), A.L. 549.52. Għaldaqstant, minħabba li skont l-informazzjoni disponibbli, ma jiġix ġestit petrol fis-sit tal-ajruport, m’hemmx dan l-obbligu. Minkejja dan, rigward il-ħażna fit-tankijiet, fl-ajruport, il-kumpanija Enemed investiet f’charcoal activated filters li ġew installati fuq nett ta’ kull tank biex l-arja li toħroġ mit-tankijiet waqt li jkunu qed jimtlew tiġi ppurifikata.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Rigali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23961 fejn intqal li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra, peress li issa għaddew ħames xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali, tista’ l-Ministru tgħid kemm qalgħet rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ngħata tapit mingħand delegazzjoni Libjana u li huwa parti mill-inventarju tal-Ministeru.

Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi — Park ġeoloġiku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27546, tista’ l-Ministru tgħid liema kienu r-riskji sinifikanti identifikati li jqajmu tħassib dwar is-sigurezza pubblika tant li l-proġett imsemmi mhux ser isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatement tiegħu li “l-proġett imsemmi mhux ser isir” mhux korrett, tant li fit-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 27546 kont ċara u għedtlu li Project Green tat bidu għal studju ieħor biex jiġi identifikat sit alternattiv fejn jista’ jsir park ġeoloġiku f’pajjiżna. Ninformah li mill-ewwel studju fiż-żona, li sar mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ġew identifikati numru ta’ riskji marbuta mal-erożjoni kostali.

BCRS — Servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29468 dwar is-servizz ta’ ġbir minn wara l-bieb tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid kemm hi l-handling fee li l-operatur liċenzjat ser ikun qed iħallas għal kull flixkun miġbur? Tista’ tgħid ukoll kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża li d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ser tkun qiegħda tagħmel biex toffri dan is-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li r-rifużjoni għal kull flixkun li ser jinġabar hija ta’ €0.01,6 filwaqt li l-investiment f'din l-iskema, biex jiġi offrut is-servizz lill-persuni fuq is-60 sena kif ukoll dawk il-persuni li għandhom blue badge, flimkien mal-immaniġġjar ta’ ħdax-il sit se jkun ta €3.5 miljun. Kif taf l-Onor. Interpellant din l-iskema ntlaqgħet tajjeb ħafna għax biha qed ikun garantit servizz aħjar lill-persuni li jixraqilhom.

Birkirkara — Triq Olaf Gollcher - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta huma mistennija jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq Olaf Gollcher, f’Birkirkara, u telenka x’xogħlijiet saru? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Ministeru tagħha huwiex f’komunikazzjoni mal-Ministeru responsabbli minn Transport Malta (TM) biex ikun hemm koordinazzjoni ta’ diversions u assistenza minn TM waqt il-ħinijiet tax-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata se jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. Matul l-andament tax-xogħlijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet f’kordinazzjoni kontinwa ma’ Transport Malta biex ix-xogħlijiet jitwettqu bl-iktar mod effettiv u sigur.

New Water — Xogħlijiet ta’ trinek

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn hemm ippjanat li jsiru iktar xogħlijiet ta’ trinek relatati mal-proġett tan-new water għall-bdiewa f’Għawdex matul is-sena 2025? Tista’ tgħid ukoll meta huwa maħsub li joħorġu s-sejħiet għal kull trinka li ser issir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tagħha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet sejħa għall-offerti li titratta l-ilma tax-xorb flimkien ma’ New Water fix-Xewkija, Nadur u Għajnsielem. Dan il-proċess ġie finalizzat u x-xogħlijiet mistennija li jinbdew matul ix-xhur li ġejjin.

Għawdex — Tal-Fessej - Impjant tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar l-espansjoni/tkabbir li hemm ippjanat li jsir fl-Impjant tad-drenaġġ f’Tal-Fessej, f’Għawdex, u b’kemm se titkabbar il-kapaċità ta’ dan l-impjant? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-permess jew tracking number relatat ma’ dan il-proġett? Tista’ tgħid kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett u kemm minnu hu maħsub li jkun iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Tista’ tgħid ukoll jekk id-disinn inizjali u l-abbozzar tas-sejħa għall-offerti, flimkien mal-istima tal-investiment, ġewx iffinalizzati u jekk dawn tlestewx fl-ewwel kwart tas-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu dwar l-impjant tad-drenaġġ f’Tal-Fessej, Għawdex, qed nelenkaha hawn taħt: · Il-kapaċità tat-trattament tad-drenaġġ se tkun qed tiżdied bi 8,000 metru kubu kuljum, filwaqt li l-kapaċità tal-produzzjoni tan-new water se tkun qed tiżdied b’4,000 metru kubu kuljum. · Il-permess relatat huwa skont din ir-referenza – PA/0346/25. · Huwa stmat li l-proġett se jiswa madwar €25 miljun, fejn sa massimu ta’ 60% se jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea. · Id-disinji inizjali, flimkien mal-abbozzar tas-sejħa għall-offerti huma finalizzati, bis-sejħa mistennija toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tagħha matul it-tieni nofs tal-2025? Tista’ tgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħhom taħbat fl-aħħar sitt xhur tas-sena 2025 huma s-segwenti: • Direttiva (UE) 2024/884 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Direttiva 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) - Skadenza 9 t’Ottubru 2025. • Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (riformulazzjoni) - Skadenza 11 t’Ottubru 2025. • Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2024/1405 tal-14 ta’ Marzu 2024 li temenda l-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taż-żieda ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijogass - Skadenza 14 ta’ Settembru 2025. Dawn id-Direttivi għadhom ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali u għalhekk għadhom kollha pendenti.

Iż-Żurrieq — Landfill riabilitata ta’ Wied Fulija - Proġetti ffininazjati mir-Reuse Centres

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29457 dwar proġetti ffinanzjati mir-Reuse Centres, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti u l-permessi tas-santwarju fil-landfill riabilitata ta’ Wied Fulija, iż-Żurrieq, biex tinżamm u tiġi protetta l-ispeċi indiġena tan-naħla Maltija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Wasteserv ilha taħdem fuq il-proġett propost għal diversi xhur. Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-pjanti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Sindki u Kunsilliera

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tagħha, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ tispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru? Tista’ tgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, inklużi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, hemm 23 impjegat li fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ġew eletti f'xi rwol f'xi Kunsilli Lokali.

Ir-Rabat, Għawdex — Triq San Duminku - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29578, tista’ l-Ministru tindika x-xahar u s-sena meta hu ppjanat li jitkompla x-xogħol fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex u jekk hemmx il-ħsieb li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jassistu lill-kuntrattur biex jinbidlu s-servizzi għad-djar kif ukoll xi xogħol fuq il-mains ta’ din it-triq? Tista’ tgħid ukoll x’kien f’dawn l-aħħar xhur u x’inhu fil-preżent l-irwol tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar fuq ix-xogħol f’din it-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li diġà ngħatat fi tweġibiet preċedenti, ninsab infurmata li x-xogħlijiet mistennija jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23944, tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tagħha fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti / servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati fis-sena 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27783.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Impjegati full-time u part-time

Question

Tista’ l-Ministru tagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tagħha, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, inkluzi l-awtoritajiet, l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu, hemm 3,544 impjegat full-time u 31 part-time.

Persuni li jbatu bil-kundizzjoni tas-sleep apnea — Sussidju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk jingħatax sussidju lill-persuni li jbatu bil-kundizzjoni tas-sleep apnea u li biex jorqdu jkollhom bżonn iħaddmu l-magna bil-lejl? Jekk iva, tista’ tgħid jekk dan is-sussidju huwiex marbut mat-test tal-mezzi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Cleansing Malta – Vetturi

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tgħid kemm hu n-numru ta’ vetturi li bħalissa jinsabu fil-pussess jew fl-użu ta’ Cleansing Malta? Tista’ tgħid ukoll x’tipi ta’ vetturi huma (eż. trakkijiet tal-ġbir tal-iskart, sweepers tat-toroq, water bowsers, eċċ.), kemm minnhom jaħdmu bid-diesel u kemm huma elettriċi? Tista’ tipprovdi lista bil-marka tal-manifattur għal kull vettura, il-mudell flimkien mas-sena li fiha nġiebet il-vettura? Tista’ tgħid ukoll: i. il-kapaċità tal-vettura; ii. id-dettalji dwar is-sistema tal-magna (inkluż jekk hix Euro 6 jekk diesel, jew id-daqs tal-batterija u r-range jekk elettrika); u iii. jekk dawn il-vetturi humiex mgħammra b’sistemi ta’ monitoraġġ jew telematiċi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.

Cleansing Malta – Proċess ta’ elettrifikazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tgħid jekk hemmx pjan ta’ ħidma jew strateġija biex jitkompla l-proċess ta’ elettrifikazzjoni tal-flotta ta’ Cleansing Malta? Jekk iva, tista’ tindika x’miżuri qed jittieħdu u x’għanijiet għandhom f’dan ir-rigward?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni kontinwament tinvesti f’makkinarju sabiex ikun ta’ għajnuna għall-ħaddiema fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-investimenti jseħħu kontinwament u l-viżjoni hi, li fejn hu possibbli, l-investiment isir f'makkinarju li jaħdem kollu bl-elettriku.

Cleansing Malta – Baġit għall-vetturi

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tgħid x’inhi l-allokazzjoni baġitarja preżenti u dik mistennija għall-akkwist, il-manutenzjoni u l-fuel tal-vetturi għall-flotta ta’ Cleansing Malta u taqsam l-informazzjoni bejn vetturi elettriċi u dawk li jaħdmu bid-diesel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Economic Operator Names

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-kumpaniji jew l-individwi li jikkonstitwixxu l-Economic Operator Names li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li daħlu sottomissjoni għas-sejħa pubblika li għalqet għall-konċessjoni tal-proġett tal-irdieden tar-riħ fuq il-baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal stqarrija (PR251320) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-22 ta’ Lulju 2025, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.