Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gudja – xogħlijiet fil-ġonna pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex previst li tul din is-sena jsiru t-tiswijiet u l-kura neċessarja fil-ġonna pubbliċi li hemm fil-Gudja, peress li dawn ix-xogħlijiet issa ilhom ix-xhur sabiex isiru u mhux ċert min għandu jesegwixxi tali xogħol?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġonna ġewwa l-Gudja kienu ġew devoluti lill-Kunsill Lokali ta’ l-istess lokalità u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill tal-Kirurgi Veterinarji — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill tal-Kirurgi Veterinarji? Jista’ jgħid x’inhi l-kompetenza ta’ kull membru u minn min ġie maħtur?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill tal-Kirurgi Veterinarji huwa kompost skont kif jipprovdi l-Artikolu 39 tal-Att dwar is-Servizzi Veterinarji (Kap. 437). Fit-termini tal-Att imsemmi, d-Dott. Gareth Grech u d-Dott. Roberto A. Balbo nħatru skont l-Artikoli 39(2)(a) u 39(2)(b) rispettivament, filwaqt li d-Dott. Jurgen Galea u d-Dott. Oliver Frendo huma maħtura skont l-Artikolu 39(2)(ċ). It-terminu ta’ dawn il-ħatriet huwa ta’ tliet snin effettivi mit-13 ta’ Frar 2018. Il-Kunsill jinkludi wkoll erba’ membri eletti skont kif jipprovdi l-Artikolu 39(2)(d) tal-Kap. 437. Il-membri eletti skont dan l-artikolu huma d-Dott. Anthony Gruppetta u d-Dott. Katiucha Galea, li għandhom esperjenza fil-prattika fuq annimali kbar, u kif ukoll id-Dott. Sammy (Saviour) Bezzina u d-Dott. Teresa Ho Yee Gatt, li għandhom esperjenza fil-prattika fuq annimali żgħar. It-terminu tal-membri eletti jiskadi fis-27 ta’ Awwissu 2019.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — position of trust

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 152, jista' l-Ministru issa jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Il-positions of trust fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu huma dawk fis-Segretarjati, fid-Direttorat tal-Agrikoltura u fid-Direttorat tal-Ambjent u Tibdil fil-Klima.

Biċċerija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fil-Biċċerija f’dawn l-aħħar xhur? Fiex kienet tikkonsisti? Kemm kienet in-nefqa? X’kien il-progress li sar dovut għal din il-ħidma li saret?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar xhur tkompla l-programm tal-Gvern sabiex tiġi rranġata l-Biċċerija Pubblika fuq livell tal-kumplament tal-UE: · Xogħol strutturali fis-swali fejn jitqatta u jiġi spulpjat il-laħam fejn illum qegħdin jibbenefikaw il-koperattivi, sew tal-majjal, kif ukoll taċ-ċanga. Dawn illum qegħdin f’pużizzjoni li jistgħu jikkompetu aħjar mal-laħam li jkun qed jiġi impurtat. · Xogħol intensiv fuq l-istruttura tal-ħadid ( steel structure ) fuq il-linja tal-majjal, fejn tiddendel il-linja motorizzata u jimxi l-majjal, biex din tissaħħaħ u jitneħħa kull perikolu li kien hemm u ġiet assigurata s-saħħa tal-ħaddiema li kontinwament jaħdmu taħt dawn l-istrutturi li maż-żmien beda jirriżulta li setgħu kienu ta’ periklu għall-istess ħaddiema. · Introduzzjoni ta’ sistemi ġodda fejn jgħaddu s-servizzi kollha u jiġu magħluqin ġo cabinets apposta u service trays, b’mod iġeniku u li jkun mod ta’ ebda periklu għall-ħaddiema. · Tibdil tas-servizzi li kienu qodma u ta’ periklu kontinwu li jikkonsistu f’sistema ta’ elettriku ġdida u sistema oħra ta’ arja kompressata. · Inxtara trakk ġdid bil- crane sabiex jintuża fuq xogħol ta’ emerġenza fl-irziezet fuq annimali li jkollhom bżonn attenzjoni fuq il-post li huwa ta’ benefiċċju għal servizz aħjar għar-raħħala kollha. Il-Biċċerija Pubblika għanda servizz ta’ emmerġenza li jitħaddem 24/7 li b’telefonata, żewġ biċċiera u tabib veterinarju jmorru fir-razzett u jieħdu ħsieb dak kollu neċessarju għal dik il-bhima li tkun qegħdha dbati. · Apparat ġdid biex tinżamm temperatura stabbli u skont ir-Regoli stabbiliti fis-swali fejn jitqatta u jiġi spulpjat il-laħam. · Numru ta’ apparat u makkinarju ġdid li ġie installat fis-sala fejn jitgħabba l-laħam, fuq il-linja taċ-ċanga; u fuq il-linja tal-majjal. · Installazzjoni ta’ linja motorizzata ġdida ( motorized monorail ) tul ta’ ( approx.) 160 metru fuq xix jgħaddi l-majjal mill-post fejn jiġi skarnat sakemm jitlesta l-operat kollu u jidħol fil-kmamar fejn jitkessaħ ( cold rooms ). In-nefqa kollha tax-xogħlijiet msemmija hawn fuq kien ta’ €1.7M.

Produzzjoni tal-majjal — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u kif se jkunu megħjuna l-produtturi tal-majjal sabiex il-produzzjoni tal-majjal tkun waħda aktar sostenibbli? Jista’ jgħid meta l-Gvern ħa jieħu deċiżjoni sabiex ikun jista’ jgħin b’żewġ miljuni ewro li ġew ivvutati fl-aħħar baġit lill-produtturi tal-majjal f’pajjiżna? Jista’ jgħid jekk hux jikkonsidra li joffri għajnuna lill-produtturi tal-majjal bħalma jsir f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea fuq kriterji ta’ għajnuna favur l-Animal Welfare?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għajnuna vvutata fl-estimi li qiegħed jirreferi għaliha kienet ġiet spjegata f’din il-Kamra bħala parti mill-preżentazzjoni tal-estimi finanzjarji għal din is-sena. Hemmek ġie spjegat li s-settur tal-majjal jeħtieġ ristrutturazjoni sabiex din l-industrija tilħaq livell aktar vijabbli u sostenibbli ekonomikament, billi jibqgħu joperaw dawk l-irziezet li jistgħu jkunu kompetittivi u sostenibbli. Dan isegwi diversi konsultazzjonijiet li seħħew mal-koperattiva ta’ min irabbi l-majjal. Kif ġie mħabbar, din l-iskema titwettaq matul dawn it-tlett snin li ġejjin. Ninfurmah ukoll li l-għajnuna l-oħra li qed jirreferi għaliha teżisti f’numru limitat ta’ programmi tal-iżvilupp rurali ta’ reġjuni fejn l-industriji tagħhom huma sostenibbli ekonomikament u ambjentalment u diġà laħqu livelli għoljin ta’ konformità mal-istandards minimi mitluba mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, u allura jista’ jiġi ffinanzjat it-twettiq ta’ miżuri tal-benesseri tal-annimali li jmur lil’hinn mill-istandards mitluba mill-liġi. Filwaqt li din il-miżura ma kinitx programmata fil-Pjan ta’ Żvilupp Rurali 2014-2020 li ġie approvat mill-KE numru ta’ snin ilu billi ma kinitx mitluba mill-operaturi matul il-konsultazzjonijiet estensivi li kienu saru f’dan l-eżerċizzju, l-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru responsabbli tkun trid teżamina din il-possibilità fil-futur fid-dawl tal-qagħda tas-settur skont dak li weġibt dwaru fl-ewwel parti tal-mistoqsija, kif ukoll x’azzjonijiet huma realment ottjenibbli minn dawk l-operaturi li jistgħu jkunu eliġġibli għal din it-tip ta’ miżura.

Informazzjoni lill-bdiewa, sajjieda u raħħala – bdil fir-regolamenti

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex mal-bdil tal-liġijiet, regolamenti eċċ. il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala jkunu avżati bit-tibdil li jkun sar peress li jidher li aktar hija prassi tad-dipartimenti rispettivi li javżaw b’dak li ma għandux isir milli javżaw b’dak li għandu jew jista’ jsir?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jsir tibdil jew aġġornamenti fil-liġijiet jew regolamenti applikabbli, kemm dawk Nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea, li b’xi mod jistgħu jaffettwaw il-ħidma tal-bdiewa, sajjieda u raħħala lokali, il-prassi normali tad-Dipartimenti hekk kif mitlub mill-Gvern, hi li ssir konsultazzjoni u komunikazzjoni xierqa bħal per eżempju fuq www.konsultazzjoni.gov.mt, ta’ dak li qed jiġi propost, kemm qabel u wara li jidħlu fis-seħħ it-tibdiliet. Dan isir permezz ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u/jew informazzjoni miftuħa għall-bdiewa, sajjieda u raħħala u l-għaqdiet tagħhom u organizzati mid-Dipartimenti bil-għan li jisimgħu u jipprovdu l-informazzjoni kollha li hemm bżonn lil dawk ikkonċernati, u sabiex jiġu mwieġba mistoqsijiet jew talbiet li jista’ jkollhom. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Front Office tal-Aġenzija tal-Pagamenti jaħdem sabiex iżomm lill-bdiewa u r-raħħala lokali kontinwament infurmati bi kwalunkwe żviluppi jew aġġornamenti li jistgħu jaffettwaw il-ħidma tagħhom jew l-għajnuna li jkunu qegħdin jirċievu. Id-Dipartimenti jagħmlu użu wkoll mill-pubblikazzjoni tal-Ministeru ‘Nisġet Artna’ li ilha tasal f’eluf kbar ta’ djar tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sa mill-leġiżlatura li għaddiet, u f’kull ħarġa dawn jissottomettu artikoli ta’ informazzjoni sabiex il-qarrejja jkunu infurmati bi kwalunkwe żviluppi jew aġġornamenti li huma pertinenti għas-setturi lokali, inkluż bidliet bħal dawk imqanqla mill-Onorevoli Interpellant. Ta’ min iżid jgħid ukoll li hija n-natura tal-liġijiet kemm ta’ Malta u anki tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw ċertu aspetti ta’ dawk li jistgħu jkunu obbligi ta’ aġir jew anki li jkun meħtieġ joqgħod lura minnhom bidwi jew raħħal fl-attività tiegħu, filwaqt li jkollu libertà sħiħa ta’ għemilu mill-bqija bla ma jindaħallu ebda Dipartiment jew organu tal-Istat, bħalma tidher li qed tissuġġerixxi l-Mistoqsija tal-Interpellant. Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura laħaq ftehim mal-Koperattivi tas-Sajjieda, biex jibgħatu rappreżentant tagħhom f’diversi laqgħat internazzonali, biex ikunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom waqt il-konsultazzjoni mill-bidu nett tal-proċess. Ta’ min jinnota wkoll li fl-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd tiġi provduta l-informazzjoni relatata.

Kumpens lill-kumpaniji lokali li ġew milqutin mill-Fiprinol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-kumpaniji lokali li ġew milqutin mill-Fipronil, jingħataw xi tip ta’ kumpens?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif skoprejna l-problema tal-Fipronil f’Malta is-Segretarju Parlamentari mill-ewwel ħa l-inizzjattiva sabiex iqabbad in-nies tekniċi tal-Ministeru sabiex jeżaminaw, anke fil-kwadru ta x’sar f’pajjiżi oħra, l-possibiltà ta’ kumpens lil dawk milquta iżda dejjem fil-kwadru ta’ dak li huwa possibli taħt ir-regoli Ewropej speċjalment dawk ta’ State Aid. Jien infurmat mill-esperti tal-Ministeru li fiċ-ċirkostanzi tal-Fipronil f’Malta ma hemmx mezz kif ikun jista’ jingħata kumpens mingħajr ma jinkisru r-regoli Ewropej.

Biċċerija — majjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir fil-Biċċerija sabiex it-temperatura tal-misħun li jintuża waqt il-proċess ta’ tindif tal-majjal ma tibqax taqa’? Jista’ jgħid x’kumpens beħsiebu jagħti l-Gvern lir-raħħala għal telf ta’ piż tas-saqajn li jintilfu għaliex jiġu mormija qabel ma jintiżnu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-temperatura tal-misħun li jintuża waqt il-proċess ta’ tindif tal-majjal jiġi monitorjat kontinwament u jinżamm stabbli b’temperatura ta’ 63° cels. Ma hemm l-ebda rapporti li din it-temperatura mhix tinżamm jew li qed issir xi ħsara fil-prodott. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, jekk jirriżulta li t-tabib veterinarju jiddeċiedi li xi sieq għanda tinqata’ minħabba problema fl-istess majjal, din la darba ma tgħaddix għal konsum uman trid tintrema. Jekk is-sieq tkun inqabdet minn xi magna u jirriżulta li ma tistax toħroġ mal-karkassa għal konsum uman, din is-sieq tintiżen mal-karkassa u tintrema wara. Hija proċedura ta’ igjene li dawk is-saqajn tal-majjaliet ( sows ) jridu jinqatgħu u jintremew.

Biċċerija – proċessar ta’ majjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, ladarba nhar it-Tlieta, 6 ta’ Marzu għall-ħabta bejn it-8:00am u d-9:30am meta fil-Biċċerija ġie maqtugħ is-supply tal-elettriku: a. kemm kien l-għadd ta’ majjal li kienu qed jiġu pproċessati peress li l-proċess tal-qatla kellu jieqaf; b. għal liema raġuni fil-Biċċerija ma hemmx ġeneraturi ħalli jagħmlu tajjeb għal dawk il-waqtiet li fihom il-biċċerija tispiċċa bla supply ta’ elettriku; u c. kemm se jkun il-kumpens li l-Gvern lest li jħallas għal raħħala li f’dawk il-waqt kienu qed jipproċessaw il-majjal?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta nqata’ d-dawl, fuq il-linja tal-majjal kien hemm mat-30 karkassa. Il-biċċiera ħadu l-prekawzjonijiet kollha u nħadmu bl-idejn u fuq dawn il-karkassi ma saret l-ebda ħsara. L-unika ħsara li kien hemm kien għal numru ta’ 9 karkassi li dak il-ħin kienu fil-magna tal-misħun (scalding tank) sabiex jitnaddfu. Dan peress li damu aktar mill-ħin stabbilit u l-laħam ġie ddikjarat li ma setax joħroġ għal konsum uman. Wieħed irid japprezza li fil-Biċċerija Pubblika, dawn l-aħħar snin, saru investimenti kbar ta’ prijorità sabiex jiġu rranġati s-swali tal-qatla u jinbidel makkinarju qadim sabiex il-Biċċerija tiġi fil-livell mixtieq mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej. Il-Biċċerija Pubblika tirrikjedi massimu ta’ 1200KVA sabiex tħaddem l-impjant ta’ numru ta’ swali kbar li jkessħu l-laħam (cold rooms), impjanti oħra li jżommu temperaturi skont ir-regolamenti tas-swali tal-qatla u fejn joħroġ il-laħam, u swali oħra fejn jitqatta’ u jiġi spulpjat il-laħam. Barra minn hekk ikun irid jitħaddem ukoll il-makkinarju kollu fuq il-linja tal-qatla. Fil-Biċċerija Pubblika, qatt ma kien hemm ġeneraturi biex jagħmlu tajjeb għal qtugħ ta’ elettriku. Biss, ġa huwa maħsub li se jintalbu l-fondi neċessarji sabiex is-sena d-dieħla (2019) toħroġ tender sabiex ikun jista' jinxtara u jiġi installat ġeneratur li jkun jista' jlaħħaq mad-domanda kollha tal-elettriku tal-Biċċerija fil-każ li jkun hemm xi qtugħ ta’ elettriku. Peress li bl-ebda mod il-ħsara li saret fuq dawn id-9 karkassi ma kienet ħsara ikkaġunata b’xi tort jew traskuraġni minn naħa tal-Biċċerija Pubblika, din ma tistax tinżamm b’xi mod responsabbli għal xi ħsara.

Dokument ta’ Konsultazzjoni pubblika għall-Biedja

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika għall-biedja għas-snin 2018-2028 u jara li jsir dibattitu dwaru fil-Parlament, sabiex b’hekk il-Parlament ikollu l-opportunità li jitkellem dwar din il-politika għal biedja?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan id-dokument jinsab online u jista’ jiġi mniżżel minn fuq l-link anness hawn taħt:- http://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MSDEC/Pages/Consultations/PublicconsultationontheNationalAgriculturalPolicyfortheMalteseIslands20182028.aspx (Kopja tad-dokument qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra). Ninfurmah ukoll li dibattitu fil-Parlament hu prematur f’dan l-istadju la darba dan id-dokument għadu fl-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika.

Impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ – ilma msoffi mid-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il metru kubu ta’ ilma msoffi mid-drenaġġ qed jiġi prodott mill-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ ta’ Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm minn dan l-ilma qed jitqassam lill-bdiewa, min huma l-bdiewa li qed jibbenefikaw, u x’inhuma l-kriterji li fuqhom titfassal l-għażla ta’ liema bidwi jieħu l-ilma, kemm jieħu u meta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Wasteserv – impjegati li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3416 u jgħid kemm impjegati rriżenjaw mill-kumpanija Wasteserv bejn Jannar 2017 u Diċembru 2017? Għal kull każ, jista’ jgħid f'liema gradi kienu dawk li rriżenjaw? Jista’ jgħid ukoll jekk ġewx sostitwiti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk kienx hemm internal call?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Segretarjat Parlamentari għall-Agrikolatura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali - konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikolatura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 1088.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, kull entità taħtu għandha, il-ħlas u perkaċċi kollha li għandhom, rispettivament, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu, rispettivament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unika entità taħt id-dekasteru tiegħi li tingaġġa konsulent hi l-WasteServ. Il-konsulent hu ngaġġat biex jagħti servizz ta’ Project Management Advisor fuq bażi full time bl-għażla li jista jaħdem reduced hours ta’ mhux anqas minn 21 siegħa fix-xahar. Il-paga hi ta’ €34,065.16 li tinħadem pro rata skont is-sigħat li jaħdem. Il-perkaċċi huma allowance tal-karozza ta’ €4,659 p.a. (maħdum pro-rata); allowance tat-telefon/mobile/internet ta’ €815 fis-sena; u Performance Bonus ta’ 15% tas-salarju bażiku (maħdum pro-rata).

Majjistral ta’ Malta – fish farms

Question

Peress li bħalissa qed issir konsultazzjoni pubblika dwar fish farms li jinsabu fil-majjistral ta’ Malta, fejn din se tagħlaq fil-11 ta’ Marzu u r-rapport għaliha ser ikun lest f’Mejju,ma jidhirlux il-Ministru li din il-konsultazzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hi fażul u bħala Ministru hux qed jaċċetta li jħalli 11-il gaġġa (jew il-frames tagħhom) żejda, fuq post li qed jiġi studjat xjentifikament, meta dawn ma għandhomx permess ikunu f’dan il-post? Jista’ jgħid jekk id-deċiżjoni hijiex diġà meħuda u li dan il-post mhux ser jibqa’ wieħed transitorju la dawn sfaċċatament ma tneħħewx? Jista’ l-Ministru jwieġeb u jagħti spjegazzjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 4505 li fiha ġie spjegat li l-proċess tal-akkwakultura tat-tonn jinvolvi l-preparazzjoni tal-collars tal-gaġeġ li la jkunu ankrati mal-qiegħ u lanqas ma jkun fihom xbieki. Mill-investigazzjonijiet li għamlet l-ERA rriżulta li fid-data tal-ispezzjoni fuq il-baħar ma rriżultax li hemm gaġeġ żejda fiż-żona ndikata, iżda hemm ċrieki (id-dawra ta’ fuq li żżomm f’wiċċ l-ilma) li jintużaw f’dan is-settur li qed jinżammu fis-sit.

Importazzjoni ta’ Frame ta’ gaġġa ankrata — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk biex tankra frame ta’ gaġġa tal-fish farms timporta ħafna flus, u jekk din in-nefqa tal-intrapriża privata hijiex issussidjata mill-Gvern?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura ma jissussidja l-ebda intrapriża fis-settur tal-akkwakultura tat-tonn.

Boroż tal-plastik – target dates mitluba mill-EU

Question

B’referenza għad-direttiva (EU) 2015/720 li temenda Directive 94/62/EC, u b’mod partikolari artiklu 2 liema artiklu jagħti għażla tal-metodu li pajjiż membru jrid jadotta dwar boroż tal-plastik, jista’ l-Ministru jgħid liema hi s-sistema li Malta ser tadotta? Jista’ jgħid x’preparamenti qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li t-target dates mitluba mill-EU jintlaħqu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direttiva 2015/720 tirrikjedi li l-Istati Membri inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Filwaqt li ħlas għall-użu tal-basktijiet tal-plastik ħfief jista’ jilħaq dan l-għan, id-direttiva tħalli lok lill-Membri Stati biex jadottaw miżuri bħall-miri nazzjonali ta’ tnaqqis, l-użu ta’ strumenti ekonomiċi eżisteni jew ġodda, kif ukoll il-possibilita’ li jiġu ntrodotti restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq. F’dan ir-rigward, il-Gvern impenja ruħu sabiex ikompli jsaħħaħ il-mizuri biex inaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Fil-fatt, fil-Budget 2016, il-Gvern stabbilixxa taxxa tas-sisa fuq basktijiet tal-plastik. Dan ifisser li permezz ta’ din il-miżura, it-taxxa qiegħda titħallas fil-punt tad-dħul fis-suq, kif ukoll mill-manifatturi lokali tal-plastik. Il-Gvern ser jibqa’ impenjat sabiex jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiskuraġġixxi u jnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief.

Basktijiet tal-plastik lightweight

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intużaw basktijiet tal-plastik li huma ta’ tip lightweight fis-sena 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi awtorizzati ta’ rkupru tal-iskart tal-ippakkjar jew operaturi li huma produtturi awto-konformi, huma obbligati li jissottomettu l-informazzjoni mitluba waqt li jkun qed isir tiġdid tar-reġistrazzjoni tal-membri tagħhom jew tagħhom stess rispettivament. Dawn jistgħu jiġu sottomessi sal-31 ta’ Marzu 2018. Għaldaqstant din l-informazzjoni għadha mhix għand l-Awtorità.

Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura – gaġeġ tat-tonn

Question

B’referenza għall-gaġeġ tat-tonn li jinsabu f’post transitorju fejn qed jiġi xjentifikament studjat mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura u fejn bħalha fatt il-gaġeġ żdiedu minn 9 gaġeġ għal 21 gaġġa, u għalkemm fil-Parlament, il-Ministru kien qal li l-gaġeġ iż-żejda tneħħew, imma sal-lum il-ġurnata, dawn il-gaġeġ jew il-frames tagħhom għadhom hemm ankrati, jaf il-Ministru li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) daħlet pre-screening application biex minn 12-il gaġġa jiżdiedu għal 24 gaġġa? Ma jaħsibx il-Ministru u/jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhom jirrikmandaw li joħroġ enforcement notice la l-PA ma għamlitx hekk? Dan mhux l-istess bħal meta wieħed iħaffer għal pedamenti f’art waqt pre-screening jew proċess ta’ applikazzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jaċċetta dan il-ksur ta’ regoli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura bħalissa l-farm ikkonċernat għandu sitt (6) gaġeġ bil-ħut mit-tnax (12) li huma permessi. Il-proċess tal-akkwakultura tat-tonn jinvolvi l-preparazzjoni tal-collars tal-gaġeġ li la jkunu ankrati mal-qiegħ u lanqas ma jkun fihom xbiek. F’dan iż-żmien tas-sena dawn ikunu qed jiġu armati biex fl-istaġun jinġibdu għal ġewwa ż-żona tas-sajd meta ssir il-qabda tat-tonn. Ladarba fix-xibka tas-sajd ikun hemm it-tonn, titwaħħal xibka ma dawn il-collars, biex b’hekk il-ħut jiġi trasferit mix-xibka tas-sajd għal ġox-xibka tal-gaġġa. F’dan l-istadju il-gaġġa bit-tonn tibda tinġibed lura lejn Malta. Dawn il-gaġeġ bit-tonn jistgħu jiġu ankrati biss f’żona identifikata għall-akkwakultura tat-tonn. Għaldaqstant ma jidhirx li hemm il-ħtiega ta’ nfurzar.

AECM – skema ta’ għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiet tiġi offruta l-iskema ta’ għajnuna għall-bdiewa Agri-Environment Climate Measures (AECM)? Jista’ jgħid għaliex sat-22 ta’ Frar 2018 ma kien hemm l-ebda informazzjoni dwar din l-iskema online? Kemm hemm u min huma l-konsulenti li d-dipartiment konċernat qed ipoġġi għad-disponibbilità tal-bdiewa biex mingħandhom ikunu jistgħu jixtru l-konsulenza li mingħajrha ma tistax tapplika għal din l-iskema? Jista’ jgħid din il-konsulenza fiex tikkonsisti u kemm tiswa lill-bdiewa jekk pereżempju bidwi jkun irid japplika għal żewġ tomniet ta’ raba’?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’segwitu għat-tħejjija tal-miżura, talbiet mill-bdiewa għall-għajnuna taħt l-iskema AECM 5 (Miżura għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan għall-Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija fuq ħbula ta’ art) intlaqgħu bejn id-29 ta’ Jannar u t-23 ta’ Frar 2018. Il-ftuħ ta’ din l-iskema ta’ għajnuna volontarja ġie komunikat lill-bdiewa reġistrati permezz ta’ SMS, bħalma kienet dejjem il-prassi anki taħt il-programm 2007-2013. Kif indikat fil-linji gwida rilevanti li jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità ta’ Ġestjoni, il-lista ta’ konsulenti li wrew interess jiġu rikonoxxuti sabiex joffru dan is-servizz ġiet ippubblikata fuq is-sit tad-Dipartiment għall-Protezzjoni tal-Pjanti, u qed tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-konsulenza offruta tikkonċerna t-tfassil tal-pjan għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija b’mod xjentifiku, li jsir abbażi tal-ittestjar fil-laboratorju tal-livell ta’ materja organika li tinsab fil-ħamrija tal-bidwi kkonċernat. Dan il-pjan irid jiġi mplimentat mill-bdiewa li qed jieħdu l-għajnuna taħt din l-iskema. L-istess bħal f’kull qasam ieħor, l-awtoritajiet ma għandhomx jedd jirregolaw il-prezz tas-servizz offrut mill-konsulenti. Għal aktar informazzjoni fuq l-iskema l-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill- Managing Authority fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza.