Legislature:
Category:
Reset
Active:

Freephone 153 – Servizz marbut ma’ animal welfare – Faċilità li jintbagħtu Ritratti/videos ta’ annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk permezz tas-servizz tal-Freephone 153, hemmx mod kif wieħed jista’ jgħaddi ritratti jew videos biex juri kemm tkun gravi s-sitwazzjoni li fiha jkun l-annimal li jkun instab jew tkunx biss fid-diskrezzjoni tal-impjegat li jiddeċiedi l-gravità tas-sitwazzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rwol tas-servizz tal-Freephone 153 + 17 huwa li jagħti informazzjoni dwar is-servizzi relatati mat-trattament xieraq tal-Annimali, jilqa’ r-rapporti dwar emerġenzi jew maltrattament ta’ annimali, jirreġistra d-dettalji rilevanti u jgħaddi tali rapporti lid-Direttorat ikkonċernat. Rapporti ta’ emerġenza fejn jinvolvu l-annimali dejjem jiġu segwiti minnufih. Barra minn hekk, rapporti ta’ moħqrija fuq l-annimali jiġu mgħoddija lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fejn sussegwentement isir l-assessjar ulterjuri skont l-urġenza u s-severità tal-każ. Is-servizz tal-Freephone 153+17 jassisti lil min ikollu xi forma ta’ evidenza biex din tkun tista’ titwassal lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali b’mod immedjat permezz tal-imejl ġeneriku tad-Direttorat. Jekk dan ma jkunx possibbli għall-utent minħabba raġunijiet tekniċi relatati ma’ limitazzjonijiet ta’ file size jew restrizzjonijiet oħra, id-Direttorat jikkuntattja lil min ikun ressaq ir-rapport fuq bażi kunfidenzjali, biex tali evidenza tkun tista’ tingħadda b’mod elettroniku jew permezz ta’ format ieħor lid-Direttorat.

Cat feeders — Vouchers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew imqassma l-vouchers għall-ikel tal-qtates ġewwa kull kunsill lokali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar peress li l-iskema għadha miftuħa u d-disseminazzjoni u l-allokazzjoni tal-vawċers lil kull persuna reġistrata li titma’ l-qtates ġiet fdata lill-Kunsilli Lokali rispettivi.

Cat feeders — Vouchers

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif il-vouchers għall-ikel tal-qtates ġew imqassma lill-feeders u ċjoè jekk dawn ingħatawx bħala ammont ta' vouchers skont l-ammont ta' qtates li jitimgħu?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 21969.

Ta’ Qali — Sptar tal-annimali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21741, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Isptar tal-Annimali ġewwa Ta’ Qali għadux jagħmel parti mir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali? Jekk le, jista’ jgħid min hu l-Ministeru inkarigat minn dan l-isptar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-isptar tal-annimali ġewwa Ta’ Qali minn dejjem kien immexxi minn operatur privat taħt konċessjoni privata maħruġa minn naħa tal-Kummissarju tal-Artijiet; liema sptar kien ukoll qed joffri servizz lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Għaldaqstant, tali sptar qatt ma’ kien taħt ir-responsabbiltà u mmexxi mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Rapporti ta’ fastidju sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-Ministeru jew fl-entitajiet li jaqgħu taħtu, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jipprovdi wkoll l-eżitu u x'passi ttieħdu fuq kull każ?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-Leġiżlatura sal-lum kien hemm rapport ta’ fastidju sesswali u li min-naħa tal-Ministeru ma setgħux jittieħdu passi minħabba li l-każ kien sub-judice; każ ieħor separat fejn saret terminazzjoni tal-impieg waqt perjodu ta’ probabtion; żewġ każijiet fejn kien hemm sospensjoni mill-impieg u twissija ta’ tkeċċija permanenti ma’ rapport ieħor. Ħarget ukoll twissija lill-impjegat fuq każ iżolat ta’ messaġġ b’kelma mhux xierqa li setgħat tinftiehem ħażin.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali - Public Service Expo 2024 - Stands

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-istess Segretarjat Parlamentari fil-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk minbarra din l-istand kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt l-istess Segretarjat Parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 19984.

Ġnien il-Kottonera — Sistema aħjar ta’ drip irrigation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li jkun hemm sistema aħjar ta’ drip irrigation fi Ġnien il-Kottonera sabiex jissaqqew aħjar is-siġar u l-arbuxelli li hemm u senjatament is-siġar taż-żebbuġ li huma kważi abbandunati totalment?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Investiment kapitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-investiment kapitali ta’ €1 miljun minn fondi nazzjonali biex ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema investiment kapitali ta’ miljun ewro qed jirreferi għalih.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Proġetti ġodda ta’ riċerka u innovazzjoni - Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew investiti flus minn fondi Ewropej fi proġetti ġodda ta’ riċerka u innovazzjoni minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Aquatic Resources Malta għadha kif bdiet l-ewwel proġett ġdid ta’ riċerka fl-akwakultura. Dan il-proġett huwa dwar id-diversifikazzjoni ta’ speċi differenti u huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea. Sa kemm twieġbet din il-mistoqsija parlamentari intefqu €7,400 b’rabta ma’ xiri ta’ ċervjol u pagri ħajjin mingħand is-sajjieda.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Blue jobs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il blue job inħoloq minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fl-Agenzija Aquatic Resources Malta inħoloqu tliet postijiet għal blue jobs li jinsabu fil-proċess li jiġu mimlija.

Aġenzija Aquatic Resources Malta — Stokks tal-ħut eżistenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il studju sar dwar l-istokks tal-ħut eżistenti minn meta ġiet imwaqqfa l-Aġenzija Aquatic Resources Malta u x'riżultati kellhom dawn l-istudji? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew dawn l-istudji?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Agenzija Aquatic Resources Malta qed tiġbor data dwar l-istokkijiet tal-ħut u d-data miġbura eventwalment ser tiġi preżentata f’fora Ewropea skont l-obbligi Ewropej. Barra minn dan, kull sena l-Aġenzija ser tieħu ħsieb twettaq żewġ studji xjentifiċi tas-sajd li jiswew madwar €100,000. Ir-riżultati dwar l-istokkijiet tal-ħut li jappartjenu lil Malta huma ekwivalenti għal dawk misjuba preċedentement mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.

Akwakultura — Sejħiet għal Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ħariġx sejħa għall-interess sabiex jiġi attirat investiment tal-akwakultura fiż-żona ekonomika esklussiva ta’ pajjiżna? Jekk fl-affermattiv, min kienu dawk l-individwi jew entitajiet li wrew tali interess? X'investiment fl-akwakultura kien propost minn dawn l-individwi/entitajiet? Sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, dawn l-individwi/entitajiet għadhom interessati fl-investiment li wrew ix-xewqa jinvestu fih?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ preparazzjoni tad-dokumenti kollha qabel toħroġ din is-sejħa jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u hu mistenni li din is-sejħa toħroġ fiż-żmien li ġej.

Miżura 73.4 — Benefiċjarji li gawdew mill-fondi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' benefiċjarji li gawdew minn fondi skont l-applikazzjonijiet maħruġa għall-Miżura 73.4 u jgħid jekk kull wieħed/waħda minn dawn il-benefiċjarji kinux entitajiet governattivi jew individwi/kumpaniji privati? Jista’ jgħid ukoll kemm ħa fi flus kull benefiċjarju?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Kors ta' Veterinarju – Studenti li jmorru jistudjaw f’pajjiżi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk l-istudenti kollha li ma setgħux jidħlu għall-Kors ta' Veterinarju minħabba n-numru ristrett, għadhomx fiċ-ċans li japplikaw u jmorru jistudjaw f’pajjiżi oħra kif kien jiġri sas-sena l-oħra? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn l-istudenti hux ser jibqgħu jiġu megħjuna finanzjarjament fit-totalità tal-ispiża tal-kors jekk imorru jistudjaw f’pajjiżi oħra?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Cat feeders — Vouchers

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ingħata terminu ta’ xahar biss biex jiġu użati l-vouchers mill-cat feeders?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li peress li n-numru ta’ vawċers imqassma kien wieħed sostanzjali, ingħata terminu sal-aħħar ta’ Ottubru. Dan biex il-vawċers ikunu vverifikati fuq is-sistema ta’ verifikazzjoni tal-vawċers u jkunu jistgħu jingħalqu l-pagamenti dovuti lill-operaturi ekonomiċi li fornew l-għalf sal-aħħar tas-sena, u jkunu jistgħu jitħallsu mill-allokazzjoni ta’ fondi ta’ din is-sena.

Cat feeders — Vouchers

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm inġabru s'issa vouchers li ngħataw lill-cat feeders u kemm minnhom intużaw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-7,000 vawċer ġew miġbura kollha mis-68 Kunsill Lokali, u sa issa ġew imsarrfa ‘l fuq minn 2,386 vawċer fuq is-sistema elettronika. Din il-figura tista’ ma tkunx preċiża għax jista’ jkun hemm dewmien sakemm l-operaturi ekonomiċi jtellgħu l-vawċers rispettivi fuq is-sistema elettronika ta’ monitoraġġ u validazzjoni tal-vawċers, u allura dawn ma jkunux aġġornati b’mod immedjat.