Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #21712 Sitting 289 2010-11-24 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

miżuri għall-Vot Rikorrenti 5585

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri se jittieħdu matul l-2011 taħt Vot Rikorrenti 5585 għall-promozzjoni tat-turiżmu f’Għawdex? Tista’ tgħid kemm hi stmata kull miżura li hu maħsub li se tittieħed?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li qed jiġi żviluppat pjan ta' kif se jintefqu dawn il-flus.
Leg 11 PQ #21713 Sitting 289 2010-11-24 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

proġetti finanzjati mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema proġetti finanzjati mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea hu mistenni li jitħallsu matul l-2011? Kemm hu mistenni li jitħallas fuq kull proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #21714 Sitting 289 2010-11-24 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Biċċerija t'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-biċċerija f’Għawdex reġgħetx bdiet tiffunzjona? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk fin-negattiv, meta mistennija li tinfetaħ? X’jonqos isir? X’kuntratti ngħataw għat-tiġdid ta’ din il-faċilità? Lil min ingħataw u kemm sewa kull kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħol jinsab fi stadju avvanzat u li bħalissa bdew xi testijiet tal-apparat. Għall-partijiet oħra tal-mistoqsija, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 20559/10, 21121/10, 21122/10.
Leg 11 PQ #21753 Sitting 289 2010-11-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ambulanzi ġodda għall-Isptar t'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-offerta għal ambulanzi ġodda għall-Isptar t’Għawdex, se terġa' toħroġ mill-ġdid?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-offerta għall-ambulanzi ġodda għall-isptar t'Għawdex, se terġa' toħroġ mill-ġdid.
Leg 11 PQ #21704 Sitting 288 2010-11-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Impjegati fuq roster

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati tal-Ministeru tpoġġew fuq roster matul l-2010? X’inhu l-grad tagħhom u f’liema fergħa qegħdin jaħdmu? Fejn kienu jaħdmu qabel ma ngħataw ir-roster? Min talab għar-roster f’kull każ u min approvahom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #21706 Sitting 288 2010-11-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — strateġija ta' Eko-Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif inhu maħsub li jintnefqu l-€6 miljun li l-gvern qed jipprometti li se jintnefqu f’Għawdex fuq l-istrateġija ta’ Eko-Għawdex fl-2011? Liema huma l-proġetti, programmi eċċ. approvati s’issa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-fondi allokati għas-sena d-dieħla se jintużaw biex jitkomplew proġetti mibdija din is-sena, filwaqt li jinbdew ukoll oħrajn ġodda minn dawk identifikati fil-Pjan t'Azzjoni għal eko-Għawdex għas-snin 2010-2012.
Leg 11 PQ #21709 Sitting 288 2010-11-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

liċenzji għall-għaddasa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ liċenzji ġodda u ta’ tiġdid ta’ liċenzji għall-għaddasa kull sena matul l-2010?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liċenzji għall-għaddasa ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #21701 Sitting 287 2010-11-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - pixxina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu mistenni li se tiswa l-pixxina li se tinbena fir-Rabat Għawdex? Mil-liema vot se titħallas?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pixxina li ser tinbena fir-Rabat Għawdex hija stmata li se tiswa €6.2 miljun. Il-proġett se jsir minn fondi ta' Eko-Għawdex.
Leg 11 PQ #21703 Sitting 287 2010-11-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

CIPD Conference

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk uffiċjali tal-Ministeru tagħha attendewx konferenzi, eċċ. tas-CIPD Conference matul l-2010? Jekk iva, min huma l-uffiċjali li attendew? Għalxiex attendew? Kif ġew magħżula? X’kienet in-nefqa f’kull każ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninbsab infurmata li d-Direttur Ġenerali (Operations) attenda konferenza organizzata mis-CIPD matul is-sena 2010. Għall-kumplament tal-mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 14219.
Leg 11 PQ #21483 Sitting 286 2010-11-17 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

RGV Joint Venture — tender

Question

B’referenza għat-tweġiba li tat għall-mistoqsija parlamentari 18314, issa li t-tender li tefgħet offerta għaliha l-RGV Joint Venture ingħatat, tista’ l-Ministru tgħid minn min hi magħmula l-RGV Joint Venture?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li din l-offerta nħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Għaldaqstant nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.
Leg 11 PQ #21474 Sitting 285 2010-11-16 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

MEPA — Triq Borg Olivier - applikazzjonijiet - multi level parking

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhu n-numru tal-applikazzjoni li saret lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-proġett ta’ multi level parking u bini ta' qorti fi Triq Borg Olivier?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi l-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 5797/09.
Leg 11 PQ #21475 Sitting 285 2010-11-16 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ċimiterju ta' Santa Marija — konċessjoni tal-oqbra

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru l-kuntratti għall-konċessjoni tal-oqbra l-ġodda fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija? Tista’ tgħid jekk ix-xogħol fuq dawn l-oqbra tlestiex? Jekk le, x’jonqos isir? Jekk iva, meta tlesta? X’jonqos isir biex dawn il-kuntratti jsiru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi l-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 14203.
Leg 11 PQ #21494 Sitting 285 2010-11-16 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Notte Gozitana

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa lill-kaxxa ta' Malta n-Notte Gozitana sena b'sena mill-ewwel edizzjoni sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #21239 Sitting 284 2010-11-15 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Red Cross

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li r-Red Cross se tagħlaq is-sezzjoni tagħha f’Għawdex? Tista' tgħid jekk il-gvern intervjenix f’din is-sitwazzjoni? Tista' tgħid jekk ittieħdux passi biex jekk ir-Red Cross ma tibqax f’Għawdex, tinstab alternattiva għat-tliet ambulanzi li din l-organizzazzjoni għandha bħalissa f’Għawdex ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Filwaqt illi nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 20282 ngħarraf ukoll illi l-Ministeru għal Għawdex dejjem emmen fis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar u għaldaqstant dejjem ta l-għajnuna meħtieġa lil din is-soċjetà f'kull ċirkostanza.
Leg 11 PQ #21376 Sitting 284 2010-11-15 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — kwestjoni dwar ward clerical assistants

Question

Matul is-snin 1998 u 1999 fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kienu ġew impjegati numru ta' ward clerical assistants. Il-grad ta' dawn hu marbut ma' salarju fi skala 18 (massimu għas-sena 2011 - €10,884). Għalkemm is-salarju tal-bidu kien żdied b'seba' increments ta' €191 kull sena, kontra dak li normalment isir fi gradi fi skali iżgħar, fejn dawn jistgħu javanzaw bejn skala jew tnejn, dawn il-ward clerical assistants, wara 12-il sena, għadhom skala 18. Il-maggoranza ta' dawn il-ħaddiema għandhom abilitajiet li mhumiex jiġu utilizzati. Abilitajiet li fiż-żmien tal-lum jistgħu jkunu anke mezz essenzjali ħafna għal servizz aħjar mogħti mill-isptar. Tista' l-Ministru tara li l-job description ta' dawn l-impjegati tiġi aġġornata fis-sens li jiżdiedulhom aktar doveri, li jinkludu data inputting u użu ta' sistemi tal-IT u fl-istess ħin tinħoloq sistema ta' allowance skont id-doveri varji li dawn il-ħaddiema jkunu jwettqu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi peress li s-sejħa għall-ingaġġ ta' Ward Clerical Assistants ġiet maħruġa mill-Management and Personnel Office, illum il-Public Administration HR Office, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, nissuġġerixxi li jirreferi l-mistoqsija lill-Prim Ministru.
Leg 11 PQ #21122 Sitting 281 2010-11-10 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

proġett tal-biċċerija l-ġdida ta' Għawdex — nefqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiġi jiswa l-proġett tal-biċċerija l-ġdida t'Għawdex? X’kienet in-nefqa sal-lum? Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ispiża hijiex miexja mal-miri stabbiliti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-proġett tal-biċċerija mistenni li jiġi jiswa' madwar €2,100,000 u sal-lum in-nefqa ammontat għal €1,137,632. Jiena nfurmata ukoll li l-ispiża hija skond dak neċessarju biex ikollna biċċerija ta' l-istandard meħtieġ f'dak li hu iġjene, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol u animal welfare u biex ir-raħħala ikollhom serħan il-moħħ li tinżamm il-kwalità tal-laħam imkabbra fl-irziezet tagħhom u biex il-mara tad-dar ikollha l-aħjar kwalità tal-prodott lokali.
Leg 11 PQ #21121 Sitting 280 2010-11-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

xogħlijiet fuq il-proġett tal-biċċerija l-ġdida t'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol fuq il-proġett tal-biċċerija l-ġdida ta' Għawdex? Tista' tgħid kemm tlesta f’termini ta’ persentaġġ minn dan ix-xogħol? Tista' tgħid jekk ix-xogħol hux miexi mal-miri stabbiliti? Tista' tagħti lista ta’ xogħlijiet li saru s'issa? Tista' tagħti lista ta’ xogħlijiet li għad jonqos isiru? Tista' tgħid min kienu l-kumpaniji privati li ħadmu fuq dan il-proġett sal-lum u kemm tħallsu s'issa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata kif ġej: Saru xogħolijiet ta' kostruzzjoni minn kuntrattur li bdew f'Novembru 2004 u f'Diċembru 2008 bdew xogħolijiet oħra strutturali estensivi mill-ħaddiema tal-Gvern. Fil-frattemp fl-2005 kienet ħarġet offerta għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-Biċċerija li ma ngħatatx minħabba li l-ebda sottomissjoni ma kienet skond l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta. L-offerta reġgħet ħarġet u ngħatat fit-2 ta' Lulju 2009. Ix-xogħolijiet ta' kostruzzjoni u finishing tal-bini huma madwar 95% kompluti, l-aperturi huma fil-proċess li jibdew jitwaħħlu u l-kuntratt prinċipali tal-Provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari huwa madwar 80% komplut. Ix-xogħol miexi skond il-programm li jieħu inkonsiderazzjoni tax-xogħol tal-kuntrattur u xogħolijiet oħra kumplimentari li jridu jsiru flimkien. Xogħlijiet li jonqos jitlestew u li għaddej xogħol fuqhom huma l-istallazzjoni tas-sistemi mekkaniċi, elettriċi u data, l-apparat tal-boiler, plant rooms u trattament ta' l-ilma tal-ħasil tal-biċċerija, ventilazzjoni, aperturi u finishing. Il-kumpaniji/kuntratturi li għamlu xogħol fil-biċċerija huma: A & E Mintoff Co. Ltd. AluCare Mosta Ltd. Camray Co. Ltd/Technostar Due srl JV Donald Pace Eucharistico Portelli Joe Portelli Joseph Saliba Piju Attard Road Construction Co. Ltd. Sa issa tħallsu €998,109 lil dawn il-kuntratturi.
Leg 11 PQ #21031 Sitting 279 2010-11-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — kuntratti lill-kumpaniji

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2000 u llum, sena b'sena, lill-kumpaniji Where's Everybody?, WE Events u WE Marketing & PR Services? Tista' tgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Tista' tgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma ngħatawx kuntratti bejn is-sena 2000 u llum lill-kumpaniji Where's Everbody?, WE Events u We Marketing & PR Services mill-Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #21081 Sitting 278 2010-11-08 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Għawdxin li jistudjaw fl-Università ta' Malta

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm jirriżulta li kien in-numru ta' studenti Għawdxin li bħalissa qed jattendu xi kors fl-Università ta' Malta? Kemm hu n-numru ta' studenti Għawdxin li jattendu xi kors fl-Università t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #20575 Sitting 275 2010-11-05 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru għal Għawdex

Eko-Għawdex — proġett ekologiku fejn il-kunsilli lokali qed jieħdu sehem

Question

Fil-proġett tal-Eko-Gozo, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ekologiku u liema huma l-kunsilli lokali li qegħdin jieħdu sehem f’dan il-proġett? Kemm gawda Għawdex s'issa minn dan il-proġett u x’feasibility study twettaq? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-progress report tal-Eko-Gozo?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20609.