Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq San Pietru, l-Imġarr — bozza maqtugħa

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex bozza maqtugħa f'tarf ta' Triq San Pietru, l-Imġarr Malta quddiem il-bring-in sites, tkun mibdula għaliex fil-preżent hija maqtugħa u m'hemm l-ebda dawl fejn il-bring-in sites?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din il-bozza qatt ma ġiet irrapurtata lil Customer Care tal-Enemalta. Madankollu din ġiet mibdula.

dħul mit-taxxa tal-VAT minn restaurants, cafeterias, pizzerias u bars

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod globali kemm kien id-dħul mit-taxxa tal-VAT minn restaurants, cafeterias, pizzerias u bars matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul nett (jiġifieri wara li tnaqqas l-input vat mill- output tax) mit-taxxa tal-VAT minn restaurants, cafetarias, pizzerias u bars matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kien kif spjegat hawn taħt: i) Minn Restaurants (li jinkludu wkoll cafeterias u pizzerias) : €4,273,233.91 ii) Minn restaurants li joffru ukoll servizz ta’ akkomodazzjoni : * €4,308,428.17 iii) Minn Bars : €1,483,443.92 * Fil-każ tar- restaurants li joffru ukoll servizz ta’ akkomodazzjoni, meta jimlew id-denunzji jitolbu ammont lura ta’ input VAT li hi relatata man-negozju kollu. B’hekk ma tistax tattribwixxi kemm hu l-ammont Nett ta’ VAT imħallsa fuq ristorant biss.

dħul mit-taxxa tal-VAT minn fuq il-fuels

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod globali kemm kien id-dħul mit-taxxa tal-VAT minn fuq il-fuels matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tiegħu, għax il-figuri ta’ VAT miġbura u rrappurtati minn persuni rreġistrati li jbiegħu fuels jinkludu ukoll ammonti oħra ta’ VAT miġbura fuq provvisti ta’ servizzi u prodotti oħrajn li huma rrapportati kollha f’kaxxa waħda.

dħul mid-dazju, sisa, taxxi fuq sigaretti u tabakk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mid-dazju, sisa, taxxi fuq sigaretti u tabakk matul l-ewwel ħames xhur tas-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dħul mid-dipartiment tad-Dwana matul l-ewwel ħames xhur tas-sena minn taxxi fuq sigaretti u tabakk huwa kif ġej: Dazju €15,592 Sisa €24,973,634 VAT €5,399,490

dħul mid-dazju, sisa, taxxi fuq xorb alkoħoliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mid-dazju, sisa, taxxi fuq xorb alkoħoliku matul l-ewwel ħames xhur tas-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dħul mid-dipartiment tad-Dwana matul l-ewwel ħames xhur tas-sena minn taxxi fuq ix-xorb alkoħoliku huwa kif ġej: Dazju €12,148 Sisa €3,288,649 VAT €2,539,198

Arms Ltd — kiri ta' uffiċini

Question

Jista' Ministru jikkonferma jekk ARMS Ltd. xtratx jew krietx xi uffiċċju jew uffiċini ġodda fil-Belt Valletta u jekk jista' jindika l-post fejn se jkun u meta se jiftaħ għall-konsumaturi biex ikunu moqdija aħjar?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

leġizlazzjoni fiskali dwar donazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi skemi ta' inċentivi hemm fil-leġislazzjoni fiskali tagħna fir-rigward ta' donazzjonijiet li jsiru minn (a) persuni naturali u (b) persuni legali (kumpaniji eċċ.) għal finijiet sportivi? Il-gvern għandu statistika ta' kemm ġew donati flus minn (a) persuni naturali u (b) persuni legali fl-aħħar sena taħt dawn l-iskemi? Għal liema sports?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija parlamentari, l-Avviż Legali 159 tal-2008 kien daħħal fis-seħħ miżura sabiex meta kumpanija tagħmel donazzjoni lil xi atleta jew lil xi korp regolatorju sportiv tkun intitolata għal tnaqqis mill-income tagħha fis-sena li fiha ssir id-donazzjoni. Din id-donazzjoni trid tiġi ċċertifikata mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-massimu tat-tnaqqis huwa ta’ 60,000 ewro. B’hekk, dan l-Avviż Legali japplika biss għal persuni legali u mhux persuni naturali. Mill-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni, jirriżulta li l-ebda kumpanija ma bbenifikat minn din it-tip ta’ skema.

WSC — Impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat kenux impjegati nies ġodda mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fuq bazi, full-time, part-time jew b’kuntratt defenit jew indefenit? F’liema karigi gew impjegati? Dawk magħżula intbagħtu mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ jew ġew ingaġġjati bl-intervent ta’ xi aġenzija privati? Jekk kien hemm is-sehem ta’ xi agenzija privata, tista’ tgħid min hi u x’kundizzjonijiet ġew inkluzi fil-kuntratt tax-xogħol ta’ dawn il-persuni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar ġimgħat ma kienx hemm impjegati ġodda mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.

Korporazzjoni Enemalta — Bozza

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17997, nixtieq ngħarraf lill-Ministru li l-bozza msemmija li ġiet approvata mill-istess Korporazzjoni Enemalta kif ukoll mill-kunsill lokali tar-Rabat ma kenitx bozza li tinstab fuq art privata, bil-kuntrarju għat-tweġiba mogħtija, iżda din il-bozza tinstab stallata ma' razzett li huwa proprjetà tal-Joint Office u li t-triq twassal għalih hija triq pubblika u l-ispazju li l-bozza ser tkun iddawwal hija wkoll spazju pubbliku. Għalhekk nixtieq li t-talba mressqa permezz tal-mistoqsija parlamentari 17997, terġa' tiġi kkunsidrata sabiex din il-bozza li hija diġa stallata tkun tista' tinxtegħel?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm ir-razzett imsemmi huwa tal-Joint Office, il-lampa mhix imwaħħla fi triq pubblika u l-post fejn qiegħda mwaħħla tixgħel biss lill-bitħa tar-razzett li hu kkunsidrat bħala propjetà privata. Dan mhux l-iskop tal-istreet lighting li qiegħed biex jixgħel toroq pubbliċi u għalhekk din il-lampa ma tistax tiġi mqabbda mal-istreet lighting.

Malta Enterprise — ħaddiema li jieħdu sehem f'attività politika

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Malta Enterprise qiegħda tkun diskriminatorja meta eskludiet b'mod assolut lil kull ħaddiem part-time jew full-time minn kull attività politika jew attività oħra in generali li tista' b'xi mod immaġinarju tkun f'konflitt ma' xi interess ta' Malta Enterprise, meta dawn ir-regolamenti mhumiex applikabbli għaċ-chairman, membri tal-bord, amministrazzjoni u bord eżekuttiv ta' Malta Enterprise?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjegati tal-Malta Enterprise huma marbuta bil-kodiċi ta’ etika applikabbli jew fil-kuntratt ta’ ingaġġ li huma għandhom, jew inkella l-kodiċi ta’ etika għal uffiċċjali pubbliċi. Fil-każ tad-Diretturi u c- Chairman , dawn huma marbuta bil-kodiċi ta’ etika għal Diretturi tal-Bordijiet fis-settur pubbliku. Għaldaqstant, ma nistax nifhem fejn l-Onorevoli Interpellant qed jara diskriminazzjoni peress li ż-żewg dokumenti huma dokumenti pubbliċi u applikabbli għal kull entità u ingaġġ mas-servizz pubbliku.

Malta Enterprise — uniformi tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġie determinat illi polo shirt huwa tajjeb ghal Awwissu iżda mhux għal kumplament tas-sajf? Jista' jgħid jekk iċ-Chairman ta' Malta Enterprise għandux xi interess tal-istil tal-moda meta rrefera għall-ilbies ta' polo shirt speċifikament u jekk iċ-chairman ġiex mogħti xi informazzjoni dwar persuni fl-ingaġġ ta' Malta Enterprise li jinħtieġu attenzjoni speċjali dwar il-kura ta' persunthom u dan in vista tar-regolamenti l-ġodda?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Management tal-Malta Enterprise għandu dritt jistabbilixxi policies dwar l-ilbies fuq il-post tax-xogħol. Il-policy ma ġietx żviluppata għax kien hemm xi rapport dwar il-kura ta xi persuni speċifiċi. Rigward l-użu ta’ polo shirt matul ix-xahar ta’ Awwissu, dan ġie determinat peress li l-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks ikunu qed joperaw bil-ħinijiet tas-sajf għal dak ix-xahar biss.

levies fuq istituzjonjiet finanzjarji

Question

Peress li fl-istqarrija l-Ministru esprima l-opinjoni favorevoli fuq l-impożizjoni ta' levies fuq istituzjonjiet finanzjarji sakemm dawn ikunu imposti minn kull pajjjiż, jista' l-Ministru jiċċara jekk kienx qed jirreferi għall-pajjiżi taż-Żona Euro jew il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea? Jista' jikkwantifika jew jintavola xi analiżi u jew studju dwar l-impatt ta' dawn il- levies fuq is-settur finanzjarju f’pajjiżna u x’impatt jista' jkollha l-introduzzjoni ta' dawn il- levies ? Jikkonferma jekk qabel ma ħa din il-pożizjoni kellux xi diskussjonijiet ma' setturi kif ukoll ma' istituzzjonijiet regolatorji ta' settur finanzjarju ? Jekk iva, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rakkmandazzjonjiet magħmula minn dawn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tas-settur f’pajjiżna ?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratti ta' Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18738 u jgħid kemm-il kuntratt ta' konsulenza ingħata mill-Ministeru tiegħu u/jew kumpaniji u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu, matul is-snin 2009 u 2010 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' kull kuntratt ta' konsulenza mogħti u lil min ingħata?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

rapport dwar Reclaimed Water Master Plan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18703 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma imsejjaħ Reclaimed Water Master Plan?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Drinking Water Project

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18702 u jgħid fiex jikkonsisti l-proġett tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma msejjaħ Drinking Water Project?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proġett kien jikkonsisti f’ immodernizzar ta’ pompi u energy recovery devices kif ukoll bdil ta madwar 50% tal membrani kollha . Dan il-proġett wassal biex jitnaqqas il-konsum tal-energija kif ukoll titjieb il-kwalità ta’ l-ilma biex b’ hekk meta l-ilma min ROs qed jitħallat ma dak ta’ taħt l-art il-kwalità titjieb . Il-proġett beda f’Jannar 2008 u spiċċa f’Ġunju 2009.

Żebbuġ — trasferiment ta' qbiela fuq raba'

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18701 u jivverifika għala minkejja li l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ilu aktar minn sentejn li talab li l-qbiela tar-raba' li jaħdem hu u li hi proprjetà tal-gvern jinqaleb fuq it-tfal, sal-lum, dan it-trasferiment għadu ma sarx?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Maternity leave

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18873 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u jgħid kemm kien hemm nisa matul l-2004 li kienu fuq maternity leave imħallsa skond il-leġislazzjoni eżistenti u minn liema setturi ekonomiċi ġejjin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tinġabarx la mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u lanqas mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Kalaxlokk Company Ltd. — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar mill-kumpanija Kalaxlokk Company Ltd. matul is-sena 2009? Kemm hemm persuni impjegati ma' din il-kumpanija? Kemm kien il-ħlas tagħhom matul is-sena 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.