Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bidnija — Triq Girna - xogħlijiet fit-triq

Question

Billi fi Triq il-Girna, Bidnija, saru xi xogħlijiet fit-triq minn korporazzjoni tal-Gvern, liema korporazzjoni baqgħet qatt ma sewwiet l-istess triq, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq tissewwa kif suppost?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant qatt ma kellha wiċċ bl-asfalt u għalhekk meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xi xogħoljiet ta’ trinka din għalqitha bil-konkos. Min-naħa l-oħra kwalunkwe xogħol ta’ manutenzjoni f’din it-triq jaqa’ taħt ir-responsabbilta tal-Kunsill Lokali u għalhekk l-Onor Interpellant huwa mitlub jirreferi it-talba tiegħu lill-Ministru konċernat.

San Pawl il-Baħar — Triq Għar Berbaħ - xogħol fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq Għar Berbaħ, San Pawl il-Baħar isir xogħol meħtieġa biex ikun hemm sistema tad-drenaġġ, sistema tal-ilma adegwata u wara jsir ix-xogħol meħtieġ fuq il-wiċċ tat-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li ma' jistax isir xogħol fuq is-sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ għax parti mit-triq għadha ma' ġietx miftuħa mis-sidien. Ninsab infurmat ukoll li t-triq imsemmija hija nkluża fil-programm ta' bini ta' toroq residenzjali li jridu jsiru. Il-lista ta' toroq li ser isiru fl-2009 qed jiġu ppublikati fit-tabella li qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità dwar it-Trasport — Sidien ta' karozzi antiki

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu joħroġ il-permess li kienu ftehmu dwaru l-Awtorità dwar it-Trasport u s-sidien tal-karozzi antiki li kien imlaqqam jew iġib l-isem ta' undocumental vessels, liema karozzi kienu ġew restawrati mis-sidien differenti fix-xhur li għaddew? Dan il-ftehim kien sar xi sena u 3 xhur ilu u s-sidien nefqu ħafna flus biex irrestawrar dawn il-karozzi u peress li issa għad m'għandhomx permess ma jistgħux joħorġu bihom fit-triq.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT tkun tista' tkompli tipproċessa l-applikazzjonijiet validi li saru wara li tinħareġ u tkun publikata l-eżenzjoni mit-taxxa tar-reġistrazzjoni.

sewwieqa li għandhom 'il fuq minn 50 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi f'Malta u Għawdex li għandhom 'il fuq minn 50 sena? B'liema kategorija jinqasmu dawn il-karozzi jekk huwiex bis-saħħa tal-magna jew jekk huwiex b'xi mod ieħor jekk jiġu kategorizzati?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba li hi kategoriżżata skond is-saħħa tal-magna.

Ħal Qormi — problemi fi Triq il-Wied u Triq Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi progress sar wara l-laqgħa li saret ma' tekniċi tad-drainage section xhur ilu fuq il-post in kwestjoni, dwar il-problemi fi Triq il-Wied u Triq Valletta, f'Ħal Qormi, jiġifieri: a) il-problema tal-isbroff tad-drenaġġ bejn iċ-ċimiterju u l-ground tal-footballfi Triq Valletta; l-ilma li jitla' sa Triq San Frangisk meta jogħla l-wied; b) l-overflow li jinsab fit-tarf ta' Triq l-Għargħar, li għalkemm fis-sajf ma joħroġx ilma minnu, toħroġ intiena u nemus; ċ) u l-overflowli jinsab fit-tarf ta' Triq il-Wied qabel ma tidħol għall-parti ta' Wied is-Sewda u li jigi taħt Triq Hammieri li mhux fix-xita biss joħroġ l-ilma minnu? Jista' jgħid meta se jinbeda x-xogħol li dakinhar stess tal-laqgħa mat-tekniċi kien ġie indikat li jeħtieġ isir, partikolarment fejn jisbokka d-drenaġġ bejn iċ-ċimiterju u l-ground tal-football? Dwar il-problemi l-oħra indikati, jista' jgħid jekk sarux spezzjonijiet oħra, jekk instabitx il-problema u allura x'se jsir konkretament biex jiġu megħluba l-problemi in kwestjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara l-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, il-Korporazzjoni għas- Servizzi tal-Ilma għamlet diversi xogħlijiet li huma: 1. Żbroff tad-drenaġġ ħdejn iċ-Ċimiterju fi Triq Valletta, Qormi – saru spezzjonijiet u xogħol ta’ manutenzjoni fuq it-tappieri kollha f’dan il-post kif ukoll tindif tas-sistema. Saru ukoll stimi tax-xogħol meħtieġ biex tissolva il-problema ta’ żbroff f’dawn l-inħawi. Ix-xogħoljiet ser jiddaħħlu fl-istimi tal-Korporazzjoni u jsiru malli jkun hemm il-fondi neċessarji allokati. 2. Overflow f’tarf Triq il-Għargħar – dan l-overflow huwa parti mis-sistema u jkun jista’ jingħalaq meta jsiru x-xogħlijiet meħtieġa msemmija hawn fuq. 3. Overflow f’tarf Triq il-Wied – saru spezzjonijiet u rriżulta li kien hemm ħsara fis-sistema tal-ilma li ssewwiet u l-ilma li kien joħroġ minnu waqaf. 4. Ilma li jitla’ sa Triq San Franġisk meta jogħla il-livell tal-ilma fil-Wied - L-Onor. Interpellant hi mitluba tirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Administration fees

Question

Jistà l-Ministru jgħid meta it-€2 u €30 administration fees illi l-Awtorità dwar it-Trasport imponiet minħabba late payments, ser jigu rifonduti lura u b’liema mod ser jingħataw lura? Jista’ jindika liema legal notice tkopri dawn l-administration fees?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari numru 8674, ninsab infurmat li 2 euro fee hija koperta bil-Att Nru.VI ta' l-2009, Att li jemenda l-Att dwar it-taxxa ta' Reġistrazzjoni, filwaqt li l-Avviżi Legali li jkopri it-30 euro fee ser jkun ippublikat dalwaqt.

Late payment fees — Persuni kkonċernati

Question

Ser jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-persuni li introducew il-late payment fees ta' €2 u €30 hekk kif kienu ittieħdu passi dixxiplinarji kontra persuna li kien daħħal ħlas amministrattiv meta mhux kopert minn legal notice?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm persuni li daħħlu late payment charge kif allegat u għalhekk l-ADT ma ħassetx li għandha tieħu passi dixxiplinarji fil-konfront ta' xi persuni f'dan il-każ.

Awtorità dwar it-Trasport — E-registration

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi stħarriġ jew xi tip ta' studju min-naħa ta' l-Awtorità dwar it-Trasport sabiex tara jekk kienx hemm xi tip ta’ titjib fil- ques illi jinġabru fid-direttorat tagħha tal-licenzji u t-testijiet? Jista' l-Ministru jindika ukoll meta ser tibda topera is-sistema ta’ e-registration ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-esperjenza tal-ADT hija li minn mindu saret riorganizzazzjoni proċedurali u fiżika fl-uffiċini li jilqgħu n-nies kien hemm titjib fis-servizz. L-arranġament qed jaħdem biex isir aktar titjib, parzjalment biex ilaħħaq mad-domanda li qed tikber. Dwar is-sistema ta' e-Registration din ilha tintuża mill-1 ta' Lulju 2008 mill-impurtaturi u d-dealers biss, iżda fix-xhur li ġejjin l-individwi ser ikunu jistgħu wkoll jirreġistraw l-vetturi tagħhom online.

Karozzi reġistrati barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jispjega għal liema raġuni karozza irreġistrata barra minn Malta iżda għandha inqas minn 6000 km u ilha inqas minn 6 xhur irregistrata barra minn Malta fl-għajnejn ta' l-Awtorità dwa it-Trasport tiġi kklassifikata bħala vettura ġdida? Jista' jispjega għalfejn f’dan il-każ l-Awtorità qed timponi 18% VAT fuq l- invoice value tal-vettura li jinkludi wkoll l-VAT mħallas barra minn Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-fatt, kontrarjament għal dak li qed jgħid l-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, karozza li tkun ġiet irreġistrata barra minn Malta ma tkunx ikklassifikata bħala ġdida meta din tinġieb Malta, ikun xi jkun il-kilometraġġ tagħha. Nikkonferma li l-VAT li l-ADT tiġbor f’isem id-dipartiment tal-VAT huwa ta’ 18% fuq l-Invoice Value u dan skont is-sitt direttiva tal-VAT maħruġa mill-Kummissjoni Ewropeja kif applikabbli għal-karozzi li għandhom inqas minn 6,000 kilometru u li jkunu ilhom inqas minn 6 xhur reġistrati.

Testijiet tal-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar: a) Kemm mill-bidu tal-2008 s'issa telgħu persuni għat- test biex jiksbu l-liċenzja tas-sewqan kemm għal karozzi kif ukoll għal muturi? b) Kemm minn dawn għaddew ma' l-ewwel darba, mat-tieni darba, mat-tielet darba jew m'aktar drabi li telgħu għat-test?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-bidu tal-2008 s’issa telgħu 17,285 għat-test, fosthom kien hemm 918 testijiet tal-muturi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 1-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-mistoqsija.

Wardija — skola - culvert

Question

Billi fl-inħawi tal-iskola tal-Wardija hu meħtieġ li jsir culvert biex ma jibqax joqgħod ilma tax-xita fil-post, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-culvert isir kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant ġie inkluż fil-program ta' xogħlijiet li ħejjiet l-Awtorita' u bħalissa qed jiġu finaliżżati l-istimi għal dan ix-xogħol.

Importazzjoni ta' karozzi — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar kemm kien in-numru ta' karozzi li daħlu f'pajjiżna minn mindu nbidlet il-policy dwar il-ħlas tal-liċenzji u tar-registration fee? Minn liema pajjiżi ġew f'Malta, kemm kienu ġodda u kemm kienu second hand?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ dwar it-Trasport ma jkolliex informazzjoni dwar kemm vetturi ddahhlu f’pajjizna iżda biss ta’ kemm vetturi jiġu rreġistrati.

Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi — estimi fuq tariffi

Question

B’referenza għat-tnaqqis fil-prezzijiet ta' konsum ta' dawl, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8614 u jikkonferma jekk it-telf li sofriet il-Korporazzjoni Enemalta mill-hegding agreements ġiex mgħoddi fuq il-konsumatur? Jekk le hux il-ħsieb tal-Gvern li eventwalment matul din is-sena dan it-telf jgħaddih fuq il-konsumatur ? Peress li meta l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi kienet qed tanalizza l-aħħar stimi tal-KMPG fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma l-estimi mibgħuta mill- KPMG kienu kkakolati fuq il-bażi ta' TOTAL TARGET RECOVERY ta' €305.1 miljun mit-tariffi , u peress li fil-kalkoli tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi, dan it- target issa nieżel għal €254 miljun jfissirx effetivament li r-roħs fit-tariffi huwa biss ta' 16.5% u mhux kif stqarr pubblikament il-Prim Ministru ta' 22%?

Response (GATT, AUSTIN)

Nista nikkonferma li kwalunkwe telf li seta' kien hemm mill-hedging agreement fuq ix-xiri taż-żejt ma ġiex mgħoddi fuq il-konsumatur. Jien ninsab infurmat ukoll li effettivament ir-roħs tat-tariffi kif ippublikat u kif gawdut minn residenzi fejn hu reġistrat mill-anqas persuna waħda hu ta 22%. Jekk tkun meħtieġa, ir-reviżjoni li jmiss fit-tariffi ssir f'Ottubru li ġej. Huwa għalhekk prematur li wieħed jispekula minn issa x'ser isir u kif se ssir ir-reviżjoni li jmiss.

Diesel, petrol, pitlorju, dawl u ilma — qliegħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8475 u 7460 u jgħid kemm sar qliegħ minn fuq id-diesel/petrol/pitlorju, dawl u ilma matul x-xhur: a) Settembru 2008? b) Ottubru 2008? ċ) Novembru 2008? d) Diċembru 2008? e) Jannar 2009? f) Frar 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paule — Karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8477 u 7597 u jgħid kemm huma frekwenti l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn ħdejn ir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule? Dawn il-karozzi tal-linja jkunu low floor jew normali? Dawn ikunu aċċessibbli biex anzjani li jkollhom problemi ta' mobilità jkunu jistgħu jaċċessawhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Żejtun — Misraħ Karmnu Grima - problema fis-servizzi tal-ilma

Question

Jista’ l-Minsitru jgħid jekk hux minnu jew le li f'Misraħ Karmnu Grima fiż-Żejtun għandhom xi problema fis-servizz tal-ilma? Jekk fl-affermattiv x’inhi din il-problema u meta huwa maħsub li tissewwa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Imġarr - Rmiġġi roro

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ngħatax xi kuntratt għal feasibility study sabiex jiddetermina l-potenzjal ta’ rmiġġi roro għal vapuri żgħar bħal ferry ships u catamarans fl-Imġarr Għawdex? Jekk ingħata meta ħarġet is-sejħa għall-offerti u min hu l-kuntrattur? Meta ngħata l-kuntratt? Meta għandu jitlesta l-Environmental Impact Assessment skond il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Raħal Ġdid — Reserved Parking

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8915 u jidħol fil-każ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u jispjega għalfejn din il-persuna ma rċeviet l-ebda risposta dwar talba li hija għamlet fit-3 ta' Frar, 2009 għal reserved parking meta hi tbati minn scoliosis u sprangler wing li jirrendi indipensabbli għaliha dan il-parkeġġ? Intqal lillha mill-kunsill lokali ta' Raħal Ġdid li waqt li min-naħa tal-Kunsill m'hemmx oġġezzjoni, kienu qed jistennew risposta mill-Awtorità dwar it-Trasport. Stante li mit-3 ta' Frar, 2009 għaddew prattikament erba' xhur u dan hu każ ta' saħħa, jaħseb il-Ministru li l-Awtorità dwar it-Trasport għandha tagħti risposta fi żmien qasir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.