Legislature:
Category:
Reset
Active:

kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull xahar mill-1 ta’ Jannar 2010 kemm kien hemm familji li nqatagħlhom id-dawl u l-ilma għax ma felħux iħallsu l-kontijiet? Minn liema lokalitajiet kienu? Fl-istess perjodu kemm reġgħu ngħataw id-dawl wara li jew ħallsu l-kontijiet jew sar ftehim biex iħallsu bin-nifs?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

riklami tal-Korporazzjoni Enemalta

Question

B'referenza għar-riklami tal-Korporazzjoni Enemalta bit-titlu "nothing is cleaner than the truth" u l-verżjoni bil-Malti, jista' l-Ministru jgħid kemm-il riklam bl-Ingliż u bil-Malti deher s'issa? Kemm huma ppjanati li jidhru? Kemm hi l-ispiża globali li ntnefqet s'issa? Kemm hi l-ispiza globali li mistennija tintnefaq sal-aħħar tal-kampanja ta' riklamar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 18 –il riklam bl-Ingliż u 19-il riklam bil-Malti. M’hemmx pjanat li jidhru iktar. L-ispiża globali hi dik ta’ Eur24,179.26. Din il-figura tkopri il-kampanja ta’ informazzjoni kollha.

Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar Kompetittività — definizzjoni ta’ logħob tal-azzard illegali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17799 u jgħid fuq liema bażi r-rappreżentanza Maltija mmexxija mill-Onor. Jason Azzopardi, fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar Kompetittività tal-25 ta’ Mejju 2010, ikkontestat id-definizzjoni ta’ logħob tal-azzard illegali (illegal gambling) kif immexxija mill-Presidenza Spanjola fir-rapport interim tagħha dwar regolametazzjoni ġdida fuq ir-remote gaming fi ħdan l-Unjoni Ewropea? Kien hemm xi brief legali li ntużat mid-delegazzjoni Maltija? Jekk iva, jista’ dan il-briefing, jew inkella jekk le, kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor li jispjega l-pożizzjoni Maltija fuq dan is-suggett, jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17799.

Sistemi tat-tisfija tad-drenaġġ

Question

Billi riċentament tħabbar li se jkun hawn fis-suq sistemi li permezz tagħhom id-drenaġġ ikun jista' jiġi ttratat mingħajr il-ħtieġa li jkun imqabbad mas-sistema nazzjonali għat-tisfija tad-drenaġġ, jista' l-Ministru jikkonsidra li sistemi bħal dawn jitwaħħlu f'diversi nħawi ta' Malta fejn s'issa m'hemmx drenaġġ? Kemm hu l-iżgħar numru u l-ikbar numru ta' households li jistgħu jinqdew b'sistemi bħal dawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi huwa previst li s-sistemi tat-tisfija tad-drenaġġ imsemmija se jitwaħlu f’lokalitajiet li preżentament m’humiex direttament imqabda mas-sistema għat-tisfija tad-drenaġġ nazzjonali, bħalma hi l-Bidnija. Huwa stmat li s-sistema preżenti tista' tittratta d-drenaġġ iġġenerat minn madwar 125 household (abbażi ta’ household ta’ (4) erba’ persuni b’konsum kollettiv ta’ 132 metri kubi ta’ ilma fis-sena). Dawn is-sistemi jistgħu jiġu żviluppati sabiex fil-futur iservu popolazzjoni akbar. L-iżgħar numru ta’ households li jistgħu jiġu servuti b’sistemi bħal dawn jiġi primarjament iddeterminat minn fatturi ekonomiċi.

Malta Enterprise u Malta Industrial Parks Ltd — dħul totali  taċ-Chairman u CEO

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18205 u ċioe: B'referenza għal informazzjoni li kienet ippubblikata f'ġurnal tas-6 ta' Ġunju 2010, jista' l-Ministru jgħid x'inhu d-dħul totali taċ-Chairman u CEO tal-Malta Enterprise u Malta Industrial Parks Ltd kemm bħala salarju u f'allowances, u kemm swew għall-Malta Enterprise matul is-sena li għaddiet il-kirjiet ta' żewġ BMWs, u x'intnefaq f'hospitality u f'safar mill-istess persuna?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18719.

Użu ta' residenza fil-kirjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid minndu ġew in vigore l-emendi fil-kodiċi ċivili fir-rigward tal-kirjiet fost l-oħrajn għal użu ta' residenza, kemm-il kirja f'appartamenti tal-gvern ġiet terminata xahar b'xahar u lokalità b'lokalità u x'kienet ir-raġuni li ma setgħetx tintiret il-kera f'kull każ: a) ma kienx hemm qraba reġistrata għall-perjodu definit mill-liġi; b) qraba kellhom dħul finanzjarju qawwi; ċ) X'kienet ir-raġuni li l-kerrej ma baqax fil-kirja; i) minħabba mewt; ii) minħaba safar fit-tul mhux ġustifikat iii) minħabba dħul ġo dar tal-anzjani b'mod permanenti? Jista jagħti l-informazzjoni ta (b) u (ċ) xahar b'xahar u lokalità b'lokalità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kirjiet tal-postijiet residenzjali jsiru mill-Awtorità tad-Djar u għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Kumpaniji — interconnector bejn Sqallija u Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kumpaniji differenti li wrew interess u tefgħu l-offerta biex jagħmlu l-interconnector bejn Sqallija u Malta għall-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi peress li l-proċess għadu mhuwiex konkluż, mhuwiex prudenti li jissemmew dawn il-kumpaniji.

ilma prodott lokalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mibjugħ ilma prodott lokalment fil-fliexken (kemm dak bil-gass u kemm mingħajru) matul is-snin 2007, 2008 u 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ma tinġabarx mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Korporazzjoni Enemalta — Retainer fees

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18575 u 18171 u jgħid x'kienu jirrappreżentaw ir-retainer fees tal-MIMCOL ta' €46,587 in konnessjoni ma' finance and management tal-Korporazzjoni Enemalta skont mistoqsija parlamentari 17703?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-retainer fees huma ċċarġjati lill-ċerta ażjendi parastatali għal xogħol ta’ natura finanzjarja, maneġerjali, human resources, u information technology li jingħata mill-MIMCOL matul is-sena lil dawn ażjendi parastatali. Dawn huma approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.

Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija permezz tas-CHP

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18573, 18155 u 17668 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17403, jista' l-Ministru fid-dawl tar-rapporti Analysis of Potential for Co-generation on the Maltese Islands - June 2009 – Ing. Charles Buttigieg u l-Malta’s CHP Report li huma in public domain tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi li jitkellem dwar il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija permezz tas-CHP – combined heat and power,jgħid : a) Għaliex għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta u x’mistenni jsir f’dan ir-rigward matul din is-sena? b) Il-gvern għandux ħsieb li jelimina d-dazju fuq fuels li jintużaw għas-CHP? ċ) Il-gvern għandux xi pjan li jintroduċi FIT – feed in tariff ibbażata fuq dak li jiġi ffrankat kemm f’CO2u anki f’KWH? d) Il-gvern għandux xi pjan għal feed in tariff fuq CHP ibbażata fuq CO2 neutral fuels ? e) Kif beħsiebu l-gvern jimxi skont il- best practice li diġà qed tiġi addottata fl-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Rapport tal-awditur ġenerali dwar renewable energy

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18571 u 18154 u cioe: Fid-dawl tar-rapport tal-awdituri ġenerali dwar renewable energy, jista' jgħid x'kien it-total tal-konsum mill-gvern tal-elettriku konvenzjonali fis-snin 2007 sa 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

interlink cable ma' Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18453 li orġinarjament saret lill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta nbdew u intemmu l-istudji fuq il-fattibbilità tal-interlink cable bejn Malta u Sqallija? Minn min saru u kif intgħażlu d-ditti ta’ konsulenza involuti? Kemm tħallsu tagħhom? Liema kienu u/jew kienet il-kumpanija/i involuti fix-xogħol ta' tħejjija għat-tender tal-interlink cable ma' Sqallija? Min kienu l-individwi u/jew kumpaniji involuti fix-short listing tal-preferred bidders? Meta mistennija tingħalaq id-data għas-sottomissjoni għat-tenders għal dan il-link? Ix-xogħol ta’ evalwazzjoni u aġġudikazzjoni tat-tenders minn min se jsir? F’liema stadju, kif u kemm se jkun imdaħħal id-dipartiment tal-kuntratti f’dan il-proċess kollu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta u Terna bħala l-operaturi tad-Distribuzzjoni u Transmissjoni f’Malta u l-Italja rispettivament, għamlu ‘joint feasibility study’ bejn 2008 u 2009. L-ispejjeż ta’ dan l-istudju kien maqsum bejn Enemalta u Terna skont il-kontribuzzjoni ta’ kull operator u ammonta għal madwar €260,000. It-tender għal interconnector kien preparat minn Enemalta bl-informazzjoni mehud mil-istudju li kien sar flimkien ma’ Terna. Ix-shortlisting tal-bidders tal-‘Request for Proposals’ sar minn adjudication committee appuntat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Id-data tal-għeluq tal-‘Invitation to Tender’ hija s-6 ta’ Lulju 2010 u l-evalwazzjoni u l-aġudikazzjoni se ssir minn kumitati appuntati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Id-Dipartiment tal-Kuntratti kien involut fil-proċess tat-tender mil-bidu.

Kumpaniji li ma ħallsux kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18096 u jgħid kemm hemm kumpaniji li qed joperaw minn Malta u Għawdex li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl u ilma fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena? Kemm huwa l-ammont globali li għandu jitħallas? Sar xi ftehim u ma' kemm-il kumpanija sar, biex dawn iħallsu bin-nifs? Hemm kumpaniji li ilhom aktar minn sena mill-1 ta’ Ġunju 2009 li għadhom ma ħallsu l-ebda kont? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx kumpaniji li jingħataw xi forma ta’ għajnuna minħabba d-dawl u l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm 3,142 kumpanija li qed joperaw minn Malta u Għawdex li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena. L-ammont globali mill-kumpaniji kollha li għandu jitħallas huwa €53,731,901. Sar ftehim ma’ 619 kumpanija biex iħallsu bin-nifs bejn 4 sa 6 xhur. Hemm 2,828 kumpanija li ilhom aktar minn sena mill-1 ta’ Ġunju 2009 li għadhom ma ħallsu l-ebda kont. It-22 kumpanija fis-settur tal-manifattura li l-aktar jikunsmaw dawl ngħataw konċessjoni fejn it-transizzjoni minn sistema ta’ ‘surcharge’ għal tariffi attwali tinqaleb fuq medda ta’ xhur.

kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18095 u jgħid kull xahar mill-1 ta’ Jannar 2010 kemm kien hemm familji li nqatgħalhom id-dawl u l-ilma għax ma felħux iħallsu l-kontijiet? Minn liema lokalitajiet kienu? Fl-istess perjodu kemm reġgħu ngħataw id-dawl wara li jew ħallsu l-kontijiet jew sar ftehim biex iħallsu bin-nifs?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18095.

Wied il-Għajn — mina skavata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18622 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk xogħlijiet li qed isiru bil-lejl fi Triq Wied il-Għajn bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn fejn qed tiġi skavata xi mina taħt l-art humiex koperti bil-premessi meħtieġa sabiex ċertu xogħol anke ta' storbju jibqa' sejjer matul il-lejl? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jaħsibx li ċertu xogħol ta' storbju m'għandux isir matul il-lejl minħabba li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi? Jista' jara wkoll li terrapien li għandu x'jaqsam mal-istess proġett ma jdumx wisq ma jinġabar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-mina ta’ bejn Ħaż-Żabbar, Marsaskala u Rikasoli mhux qed jibqa sejjer bil-lejl meta jkunu qed jgħaddu minn taħt inħawi residenzjali. Dan ix-xogħol huwa kopert bil-permessi tal-MEPA u t-terrapien huwa storjat għal madwar jumejn biss.

Pjan Strateġiku tal-Industrija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 15971, jista' l-Ministru jindika fejn jinsab ir-rapport mitlub?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjan strateġiku tal-industrija jinsab fuq is-sit tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni fuq l-indirizz elettroniku indikat hawn taħt: http://www.doi.gov.mt/EN/archive/Budget2007/budgetindex.asp

Dragonara Casino

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk rigward ir-restaurant, kċina u l-bar tad-Dragonara Casino ingħatax permess li dawn jingħataw f'idejn operatur li m'għandux x'jaqsam mal-Casino? Tenut kont tal-fatt li r-restaurant minn mindu fetaħ il-casino, dejjem tmexxa mill-kumpanija li tkun qeda tmexxi l-istess casino, u r-restaurant minn dejjem kien complimentary għal gaming, jista' l-Ministru jikkonferma jekk di fatti kienx hemm bidla f'dan ir-rigward?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

xogħlijiet fi Triq Franġisk u San Lawrenz

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-offerta numru CT2192/2008 għal xogħlijiet fi Triq Franġisk Portelli u San Lawrenz li għalqet aktar minn xahrejn ilu għadha ma ngħatatx?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-evalwazjoni ta’ l-offerti mitfugħa għada għaddejja. Kif ikun hemm xi deċizjoni id-Dipartiment tal-Kuntratti jinforma lil offerenti u anke jippublika id-deċizjoni.

Korporazzjoni Enemalta — qtugħ ta' dawl minħabba kontijiet mhux imħallsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sitt xhur għal kull xahar kien hemm djar residenzjali li l-Korporazzjoni Enemalta ordnat li tinqatgħalhom is-sistema tad-dawl għax ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl? Jista' jgħid kemm kienu l-kontijiet pendenti tar-residenzi li nqatgħetilhom il-provista tal-elettriku?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — arbli tad-dawl fuq il-bankini

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex ikunu identifikati arbli tad-dawl jew arbli oħra tal-Korporazzjoni Enemalta li qed jostakolaw il-passaġġ tal-bankina u joħolqu diffikultajiet għal aċċess ħieles għal min irid juża bankini speċjalment persuni b'diżabilità u ommijiet li jkunu jużaw siġġu tar-roti? Jista' wara li ssir din l-identifikazzjoni ssir ħidma sabiex dawn l-arbli jiġu mneħħija u l-bankini jkunu ħielsa minn kull inkonvenjent?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi diġà jeżistu mezzi fejn il-pubbliku ġenerali, il-pulizija, l-NGO’s u l-kunsilli lokali jgħaddu lmenti bħal dawn lil Enemalta. Meta jkun hemm rapport ta’ xi arblu li jkun qed joħloq inkonvenzjenza, Enemalta tieħu azzjoni biex iċċaqalqu, dejjem jekk ikun possibbli.