Legislature:
Category:
Reset
Active:

Elecricity Generation Plan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18122 u jgħid għaliex u meta l-gvern iddeċieda li jabbanduna l-Elecricity Generation Plan 2006-2015 li kien ibbażat fuq in-natural gas bħala t-triq ‘il quddiem u fuq liema livell ittieħdet id-deċiżjoni strateġika li jsir dan il-u-turn?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18769.

permessi ta' kiosk armati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ permessi għandhom il-kiosks li jarmaw f’inħawi differenti tal-gżejjer tagħna? Għal kemm żmien tas-sena suppost jarmaw? X’passi qed jittieħdu biex jiġu nfurzati r-regolamenti li huma obbligati jħarsu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kiosks minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom jiġifieri li huma fissi huma regolati mill-Awtorità tat-Turiżmu u l-liċenzji għalhekk joħorġu mingħand din l-entità u mhux mid-Dipartiment tal-Kummerċ. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Użu ta' residenza fil-kirjiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18519 u jgħid minndu ġew in vigore l-emendi fil-kodiċi ċivili fir-rigward tal-kirjiet fost l-oħrajn għal użu ta' residenza, kemm-il kirja f'appartamenti tal-gvern ġiet terminata xahar b'xahar u lokalità b'lokalità u x'kienet ir-raġuni li ma setgħetx tintiret il-kera f'kull każ: a) ma kienx hemm qraba reġistrati għall-perjodu definit mill-liġi; b) qraba kellhom dħul finanzjarju qawwi; X'kienet ir-raġuni li l-kerrej ma baqax fil-kirja; i) minħabba mewt; ii) minħabba safar fit-tul mhux ġustifikat iii) minħabba dħul ġo dar tal-anzjani b'mod permanenti? Jista jagħti l-informazzjoni mitluba xahar b'xahar u lokalità b'lokalità?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18519.

investiment barrani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18318 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16671, jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx miġbura l-informazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-informazzjoni dwar l-investiment barrani fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Esportazzjoni ta' Patata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18194 u 17910 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġew riferuti lilu u ċioe: b'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17474, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jiġbor l-istatistika u l-informazzjoni ġaladarba ma tinġabarx mid-Direttorat tal-Agrikoltura?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18194.

Korporazzjoni Enemalta — adhoc committee - executive rapporteur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb misotqsijiet parlamentari 18600, 18926, 17807 u 17568 u jikkonferma jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għadux jservi bħala executive rapporteur fuq l-ad hoc committee tal-Korporazzjoni Enemalta dwar nuqqasijiet strutturali fil-ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku kif ukoll dwar l-identifikar ta’ loading shedding problems bejn iż-żewġ power stations eżistenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament m’għadhiex isservi fil-kumitat imsemmi.

rapport intern dwar il-VAT

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18599 u 18295 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport intern dwar il-VAT fid-dawl tal-abbużi li kien hemm dan l-aħħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Gozo Heliport Ltd — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar mill-kumpanija Gozo Heliport Ltd. matul is-sena 2009? Kemm hemm persuni impjegati ma' din il-kumpanija? Kemm kien il-ħlas tagħhom matul is-sena 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għas-sena 2009, Gozo Heliport negozjat konċessjoni ma' operatur ta’ Helicopter biex juża l-Heliport għas-servizzi ta’ tours madwar Għawdex kif ukoll transport bejn iż-żewg gżejjer. Il-Kumpanija m’għandiex impjegati.

Maternity leave

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18868 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u jgħid kemm kien hemm nisa matul l-2009 li kienu fuq maternity leave imħallsa skond il-leġislazzjoni eżistenti u minn liema setturi ekonomiċi ġejjin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tinġabarx la mid-Dipartiment tat-Taxxi u lanqas mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.

Importazzjoni ta' Ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18757 u jgħid kemm kien il-valur ta' ilma importat f'Malta (kemm dak bil-gass u kemm mingħajru) matul is-snin 2007, 2008 u 2009 kull sena separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kunflitt ta' interess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18863, 18513, 18087, 17722, 17507 u 16997 u jassigura li l-ebda direttur fuq il-bord tal-Korporazzjoni Enemalta m'għandu kunflitt ta' interess f'oqsma li fihom il-kumpanija tixtri prodotti u servizzi? F'każ li jeżistu dawn il-każijiet, liema huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellnt illi l-Enemalta xtrat prodotti u servizzi minn żewġ kumpaniji/organizzazzjonijiet li magħhom huma involuti membri tal-Bord tad-Diretturi. Il-Kumpanija BIM Ltd, li fiha huwa involut is-Sur William Spiteri Bailey, ipprovdiet xogħol ta’ galvanizzar lill-Enemalta, filwaqt li l-Mediterranean Insurance Brokers, li fiha huwa involut is-Sur Joe Cutajar, ipprovdiet brokerage għal Insurance Covers ma’ diversi kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni lill-istess Enemalta.

Cens tal-Joint Office

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18862 u 18509 u jgħid kemm saru applikazzjonijiet biex jinfeda ċ-ċens tal-Joint Office matul l-2009 u matul l-ewwel ħames xhur tal-2010 u kemm minnhom ġew aċċettati u kemm minnhom kienu rifjutati? X’kienu r-raġunijiet li minħabba fihom kien hemm applikazzjonijiet li ma ġewx aċċettati? Teżisti l-possibilità li ġaladarba applikazzjoni tiġi rifjutata, tkun tista' terġa' titressaq għall-konsiderazzjoni u x’ikun irid isir biex dan isir?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli membru li l-iskema li kienet taħseb biex persuni li qed jokkupaw proprjetà tal-Gvern taħt titlu ta’ kera jew ċens temporanju setgħu jixtru r-residenza tagħhom twaqqfet fid-29 ta’ Jannar 2009 sakemm jiġu proċessati t-talbiet pendenti. Għal din ir-raġuni, wara din id-data baqgħu jiġu aċċettati biss talbiet għal fidi ta’ ċens perpetwu. Sadanittant, bejn l-1 ta Jannar, 2009 u d-disgħa u għoxrin ta’ Jannar, 2009 id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern irċieva 33 applikazzjoni għall-fidi taċ-ċens. Wara d-disgħa u għoxrin ta’ Jannar, 2009, talbiet għall-fidi ta’ ċnus perpetwi id-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern irċieva: (i) bejn it-tletin ta’ Jannar, 2009 u l-wieħed u tletin ta’ Diċembru, 2009 - 95 applikazzjoni u (ii) bejn l-ewwel ta’ Jannar, 2010 u l-wieħed u tletin ta’ Jannar, 2010 - 51 applikazzjoni oħra. Rigward l-aħħar parti tad-domanda, jekk applikazzjoni tkun ġiet rifjutata sempliċement għax l-iskema hija magħluqa, ma għandu jkun hemm l-ebda problema li, jekk u meta tinfetaħ skema oħra, tkun tista’ ssir applikazzjoni oħra. M’hemm ebda garanzija li tinfetaħ skema oħra. F’każ li applikazzjoni ġiet rifjutata minħabba li min applika, għal xi raġuni ma kienx eliġibbli u ċ-ċirkustanzi issa inbidlu, l-applikant jista’ jerġa’ jikteb u jitlob biex il-każ tiegħu jerġa’ jiġi kkunsidrat.

San Pawl il-Baħar — Triq Ġulju - ilma ħiereġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-ilma li ilu ħiereġ ġimgħat sħaħ fi Triq Ġulju, San Pawl il-Baħar, jissewwa kemm jista' jkun malajr?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma se tieħu ħsieb li din il-ħsara se tissewwa minnufih.

Propjetajiet tal-Joint Office

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' propjetajiet tal-Joint Office li ġew reġistrati matul l-2009 u l-2010 sal-aħħar ta' Mejju għand il-Land Registry?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata seduta oħra.

laqgħat dwar l-emendi għal-liġi tal-gaming

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11315 u jispjega x'laqgħat uffiċjali kellu dwar l-emendi għal-liġi tal-gaming, ma' min, fejn saru l-laqgħat u f'liema dati?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11315.

ilmenti fil-customer care ta' kumpaniji li jipprovdu dawl u ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti fil-customer care tal-kumpanija li tipprovdi s-servizz tad-dawl u l-ilma dwar il-kontijiet? Jista’ jgħid kemm kien hemm ilmenti fil-customer care tal-Ministeru tiegħu dwar kontijiet għoljin u barra minn lokhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tinżammx statistika speċifika fuq ilmenti dwar il-kontijiet, iżda tinżamm statistika li tirreġistra kull min jagħmel kull tip ta’ query ma' dak li għandu x’taqsam mal-kontijiet. Għall-matul l-ewwel erbgħa xhur tas-sena kien hemm medja ta’ 23,600 query ta’ dan it-tip fix-xahar. Apparti minn dan bejn il-11 ta’ Frar u id-19 ta’ Mejju 2010, id-Direttorat ta’ l-Implimentazzjoni tal-Programmi li jieħu ħsieb il- Customer Care tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment rċieva 96 ilment dwar il-Korporazzjoni ta’ l-Ilma. Madankollu ta’ min jgħid li dawn l-ilmenti kienu varji u mhux kollha dwar il-kontijiet tad-dawl u ilma.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — benefiċċji relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16710 filwaqt li navżah ukoll li l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment m’għandux aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — sewage treatment plants

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16650 u ċioe fir-rigward tal-ilma tad-drenaġġ li qed u se jkompli jiġi treated fis-sewage treatment plants, jikkonferma jew jiċħad il-Ministru dak li allegatament qal il-persuna responsabbli min-National Flood Relief Project (kif ikkwotat fil-Malta Today paġna 11 tal-25 ta' April 2010) li l-gvern se jiffoka "its efforts on re-using treated sewage from Malta's three sewage treatment plants..." għal skopijiet ta' tisqija jew irrigazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.

Rapport ta' Ewbank Preece Ltd

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16964 u 16471 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamtra kopja tar-rapport ta' Ewbank Preece Ltd ( Burton UK June 1993) ippreżentat lill-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16471.

Flus miġbura mill-eco-tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru flus mill-eco-tax matul l-ewwel erba' xhur tas-sena 2010? Fuq liema proġett ambjentali intnefqu dawn il-fondi miġbura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-ewwel erba' xhur tas-sena 2010 inġabret is-somma ta’ €3,151,622,71 mill-eko-kontribuzzjoni.