Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tagħha dwar il-proposta ta' link permanenti bejn Malta u Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Dan il-gvern dejjem jaħdem favur it-tisħiħ tal-aċċessibilità bejn iż-żewġ gżejjer. Għalhekk il-gvern se jagħmel studju dwar il-vijabilità tal-mina li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer.
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn pazjenti li dawn l-aħħar jiem daħlu l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u li irriżulta li jkollhom bżonn CT Scan urġenti, intbagħtu l-Isptar Mater Dei bl-ambulanza biex isirilhom CT Scan hemmhekk, u dan meta fit-28 ta' Jannar 2011 il-Ministru ħabbret li ġie introdott is-servizz ta’ CT Scanning għall-ewwel darba fl-Isptar Ġenearli ta’ Għawdex, u mhux biss, iżda li l-apparat li jagħmel CT Scanning huwa mill-aktar sofistikat u uniku għall-isptarijiet tal-gvern f’pajjiżna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ċ-Chairperson tal-Medical Imaging Department tal-Isptar Mater Dei kien ta struzzjonijiet sabiex sakemm tidħol is-sistema kompluta tal-PACS/RIS (Picture Archiving and Communication System/Radiology Information System), pazjenti li jkollhom bżonn ta' CT urġenti kellhom jintbagħtu Malta biex ir-riżultat ikun disponibbli immedjatament. Iżda din is-sistema tal-PACS/RIS ser tkun taħdem fi żmien qasir u b'hekk is-CT scans kollha jibdew isiru Għawdex. Każi li jkollhom bżonn ta' CT mhux urġenti qegħdin isiru ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Kulleġġ t'Għawdex — pitturi fil-foyer tal-iskola sekondarja tas-subien
Question
Tista l-Ministru tgħid min tqabbad jagħmel il-pitturi li saru fil-foyer tal-iskola sekondarja tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex u kemm kien il-ħlas li sar għal dawn il-pitturi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtha li għandhom food entitlement? Tista’ tgħid kemm hu l-budget allokat kull sena u kemm kienet in-nefqa f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-uniċi impjegati fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li għandhom food entitlement huma biss dawk li skont is-sectorial agreement huma ntitolati biex jagħmlu dan. Dawn huma kollha impjegati tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u jammontaw għal 462. Iżda minħabba raġuni ta' roster dan ifisser biss madwar 90 entitlement kuljum. In-nefqa fuq l-ikel tal-istaff toħroġ mill-istess vot tal-ikel kollu li jiġi kkunsmat fl-Isptar.
B’referenza għat-tweġiba li tat għall-mistoqsijiet parlamentari 22701 u 23024, tista' l-Ministru tgħid x’hemm li jżommha li tagħti l-informazzjoni mitluba dwar min huma l-imsieħba fil-RGV Joint Venture? Ma jidhirlhiex li l-Parlament u l-poplu Malti għandhom jkunu jafu min qed jieħu l-offerti li jitħallsu minn flus il-poplu u li ma jkun hemm ħadd li jitħalla jistaħba wara isem ta’ konvenjenza?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li m'għandi xejn xi nżid mar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet imsemmija.
Peress li miċ-Ċentru Santa Marta telqu tliet ħaddiema li ġew trasferiti band'oħra, tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Ministeru biex dawn il-postijiet vakanti jiġu mimlija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li wara t-tluq ta' xi ħaddiema miċ-ċentru, id-dmirijiet tal-ħaddiema fiċ-ċentru ġew ri-allokati b'tali mod li s-servizz ikompli jingħata fl-aħjar interess tal-persuni li jattendu.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma s-servizzi fil-komunità f'Għawdex għall-persuni b'diżabilità?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex joffri dawn is-servizzi fil-komunità għall-persuni b'diżabilità: servizzi ta' Għajnuna fid-Dar, ta' Telecare, ta' Handyman, tal-Inkontinenza u tal-Meals on Wheels.
Fiċ-Ċentru Santa Marta, persuni b'diżabilità jingħataw ukoll servizzi varji minn "One Stop Shop" li twaqqaf apposta għalihom.
Jintlaqgħu wkoll fl-Uffiċċju tal-Anzjani applikazzjonijiet għall-Karta tal-Identità Speċjali għal Persuni b'Diżabilità li jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità f'Malta għall-ipproċessar.
Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm hu l-ammont ta' self li kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tagħha kien fl-aħħar tas-sena 2010? Ma' min huwa dan is-self? Meta huwa maħsub li jitħallas dan is-self? Kemm huwa l-imgħax dovut u x'inhi r-rata ta' imgħax fuq dan is-self? Dan is-self huwa garantit mill-gvern?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Nterpellant li m'hemm l-ebda kumpanija li taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex.
Master plans tal-bajjiet ta' Marsalforn u x-Xlendi
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22765, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-perit li qed iħejji l-master plans għall-bajjiet ta’ Marsalforn u x-Xlendi għandux kwalifiki fl-inġinerija marittima? Jekk għandu x’inhuma? Tista’ l-Minstru tgħid jekk dan il-perit ngħatax timeframes għat-tlestija ta’ dawn il-master plans? Jekk fl-affermattiv, x’inhuma? Jekk fin-negattiv, għaliex ma nagħtawx timeframes?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-perit li qed taħdem fuq il-master plans għall-bajjiet ta' Marsalforn u x-Xlendi, hija perit gradwata mill-Universita ta' Malta u mpjegata fil-Ministeru għal Għawdex. Ix-xogħlijiet involuti ma' dan il-master plan ma jirrekjedix is-servizzi esklussivi ta' perit ikkwalifikat fl-inġinerija marittima. Jekk u meta jinħass il-bżonn li l-perit involuta jkollha bżonn il-parir tekniku ta' perit ikkwalifikat fl-inġinerija marittima jew ikkwalifikat f'xi qasam partikulari ieħor, il-perit involuta tara li tagħmel il-konsultazzjonijiet neċessarji.
Iva, il-perit li qed taħdem fuq il-bajja ta' Marsalforn u Xlendi ngħatat timeframes; fil-ġimgħat li ġejjin il-Ministeru se jkun qed jikkonsulta mal-partijiet interessati/ikkonċernati dwar dawn il-master plans.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22880, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-miżuri mill-programm elettorali tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ tgħid liema minnhom twettqu s’issa? Kemm kienet in-nefqa fuq kull miżura?Tista’ tgħid kemm hu stmat il-valur ta’ kull proġett, programm, eċċ.li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha u għadhom iridu jitwettqu? Liema minn dawn il-programmi, inizjattivi, eċċ. huma/se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-rapporti li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ matul din il-leġislatura dwar il-ħidma tiegħu għall-perjodu 2008-2013.
Tista' l-Ministru tgħid fejn se tinżamm il-Wirja Agrarja ta' Santa Marija f'Awwissu li ġej?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li huwa maħsub li x-xogħol kollu fuq il-Villa Rundle jkun lest sa Awwissu u li f'dak il-każ jekk ikun possibli, l-Wirja Agrarja ta' Santa Marija ssir f'dan il-post. Jekk ma jkunx possibli, jsiru arranġamenti alternattivi biex il-wirja ssir f'sit alternattiv bħalma sar fl-2010.
Għawdex — Santa Martha Day Centre - użu ta' toilet privat għall-ħaddiema
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-ħaddiema tas-Santa Martha Day Centre f'Għawdex tneħħielhom id-dritt għall-użu ta' toilet privat għalihom kif inhu xieraq li jsir f'ċirkustanzi simili?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15387.
Ministeru għal Għawdex — trasferiment ta' ħaddiema
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm intalbu trasferimenti minn ħaddiema fid-dipartiment/uffiċini li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f’dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm minnhom intlaqgħu, minn liema dipartiment intalab it-trasferiment u għal fejn sar it-trasferiment?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti rendikont xi proprjetà immobiljari għandu l-Ministeru tagħha jew entità/kumpanija li jaqgħu taħtha mikrija mill-privat u kemm hu l-ammont ta' kera li tħallset lill-privat mill-Ministeru tagħha u kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tagħha fis-sena 2010? Tista' tikkonferma jekk matul is-sena 2011 din il-kera hijiex se togħla?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru inkjesti/investigazzjonijiet/stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha f’dawn l-aħħar sentejn? Tista' tgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Tista' tgħid in-natura tal-każ? Tista' tgħid id-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti, jekk itteħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġewx sospiżi xi nies?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni dwar inkjesti, investigazzjonijiet u stħarriġ li saru mid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex fuq l-inizjattiva tal-istess dipartimenti hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — voti approvati li ma ġewx utilizzati
Question
B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, tista' l-Ministru tagħti d-dettalji item item, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-Voti taħt Contributions to Government Entities, Programmes and Initiatives u Kapitali?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li l-Ministeru tagħha se jwettaq f’Għawdex sena, b'sena minn din is-sena sal-2013? Kemm hu/kemm hu stmat il-valur ta’ kull proġett, programm, eċċ.? Liema minn dawn il-programmi, inizjattivi, eċċ. huma/se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Meta bdew jitwettqu/meta mistenni li jibdew jitwettqu u meta huwa mistenni li jitlestew/jispiċċaw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija skont il-programm elettorali tal-gvern u l-fondi li jkunu provduti lill-Ministeru għal Għawdex sas-sena 2013.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 21704 u 22208, tista’ l-Ministru f’ġieħ il-kontabilità, trasperenza u serjetà fl-infiq ta’ flus il-poplu tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull talba li saret u ta’ kull approvazzjoni li ngħatat għar-rosters ġodda li ngħataw fil-Ministeru tagħha matul l-2010? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rilaxx ta’ kull impjegat mill-post fejn kien jaħdem qabel ma ngħata r-roster?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandix x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22208.