Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — xiri ta' mobile phones/iPhones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16519 u jgħid inxtrawx mobile phones/iPhones fid-dikasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16519.

investiment barrani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18814 u 18318 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16671, jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx miġbura l-informazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti l-informazzjoni dwar l-investiment barrani fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li jaqtgħu t-tickets tal-Gozo Channel

Question

Peress li fis-7 ta' Lulju 2010 għall-vapur tas-7.30a.m minn Għawdex ma kienx hemm biżżejjed min jaqta' t-tickets tal-Gozo Channel b'dan li madwar 80 passiġġier li kienu sejrin għax-xogħol tħallew l-art bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu, jista' l-Ministru jara li dan ma jerġax jirrepeti ruħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jirrizulta mill-filmati fil-pussess tal-Gozo Channel illi kienu biss dawk in-nies li daħlu fl-aħħar minuti li ma rikbux fuq il-vapur. Sabiex jiġi assigurat illi l-vapuri jitilqu fil-hin kif ukoll sabiex jiġi assigurat illi jingħata l-aħjar servizz, il-passiggieri kollha huma avzati illi l-gates jingħalqu tlett (3) minuti qabel il-ħin tat-tluq tal-vapur. In oltre, l-passiggieri kollha li jaqsmu ta’ kuljum diġa ġew avzati illi jistgħu ukoll jaqtgħu l-biljetti sa minn ġurnata qabel u dana sabiex jiġi assigurat li ħadd ma jitħalla l-art. In oltre, l-istess Gozo Channel qegħda ukoll tirrosterja bniedem extra kull nhar ta’ Tnejn kif ukoll l-għada ta’ Festa Pubblika biex nlaħħqu ma’ domanda tal-ħaddiema Għawdxin.

Maternity leave

Question

B’referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 19036 u oħrajn simili, li fiha l-Ministru qal li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni u l-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika ma jzommux informazzjoni dwar kemm nisa jieħdu maternity leave imħallsa skond il-legislazzjoni ezistenti u mil-liema setturi ekonomici ġejjin, jista’ l-Ministru jgħid liema entita’ governattiva zzomm xi tip ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-employers u nisa fuq maternity leave m’ghandhomx obbligu li jinfurmaw lill-Gvern meta jieħdu dan il-leave; l-istess bħal per eżempju mhumiex obbligati li jinfurmaw lill-Gvern meta jieħdu vacation leave. Għalhekk il-Gvern m’għandux l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant. Nixtieq nirrimarka dwar il-parti tal-mistoqsija dwar il-ħlas lin-nisa li jkunu fuq maternity leave: ebda employer ma jista’ jħallas anqas minn dak stipolat fil-liġi.

Esplorazzjoni taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 19136 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk pajjiżna tkellimx uffiċjalment mal-Libja dwar din l-esplorazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Mellieħa — art pubblika

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15280 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li hemm persuni li ngħataw art pubblika f'Tal-Ibraġġ, fil-Mellieħa (bejn il-Mellieħa u Selmun) biex jibnu f'inħawi li sas-sena 2006 kien Outside Development Zone? Min huma l-persuni li se jibbenefikaw minn din id-deċiżjoni u kemm se jingħataw art?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15280.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — xiri ta' mobile phones/iPhones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16519 u jgħid inxtrawx mobile phones/iPhones fid-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16519, liema tweġiba tapplika wkoll għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 17349 u 17161.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — tender jew direct order ta' kumnpanija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16938 u jgħid jekk matul l-aħħar 12-il xahar il-kumpanija M.A&A. Services Ltd. ingħatax xi tender jew xi direct order mill-ministeru, minn xi entità, awtorità, aġenzija jew korporazzjoni pubblika li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16938.

Gozo Ferries Co. Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma ċ-chairman, CEO u d-diretturi (jekk jeżistu) tal-Gozo Ferries Co. Ltd? Kemm ilhom fil-kariga? X'inhi r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-prezent, il-Bord tal-Gozo Ferries huwa magħmul minn: John Busuttil Direttur appuntat 13 Ottubru 2008 Vince Mifsud Direttur appuntat 19 Ġunju 2010 Is-Sur Vince Mifsud ġie appuntat flok is-Sur Mario Mizzi li rriżenja fl-24 ta’ Mejju 2010. Fuq il-Bord kien hemm ukoll is-Sur Salvu Gauci li rriżenja fit-31 ta’ Jannar 2010. Fuq dan il-Bord, id-Diretturi jirċievu s-somma ta’ €4660 fis-sena bħala remunerazzjoni.

kwestjoni dwar kumpaniji li jibnu l-power stations

Question

Peress li l-BWSC hija 100% tal-Mitsui Engineering and Shipbuilding Co Ltd (MES) u peress li l-MAN hija licenzjata mill-MES biex tibni magni għall-power stations u MAN u MES jipproduċu magni għall-power stations flimkien u peress li l-BWSC u l-MAN kienu tnejn mill-offerenti għall-kuntratt tal-estensjoni tal-power station f’Delimara u waħda ntagħżlet u l-oħra ġiet runner up, jista' l-Ministru jara li ssir investigazzjoni jekk l-offerti tal-BWSC u l-MAN jammontawx għall-collusive bidding peress li l-benefiċjarja finali kienet se tkun il-MES, jirbaħ min jirbaħ il-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi filwaqt li huwa veru li BWSC hija kumpanija sussidjaru tal-Mitsui, m’huwiex il-każ għall-bidder l-ieħor. MAN hija indipendenti minn Mitsui u l-impjant li offriet huwa bbażat fuq il-medium speed diesel engines. Mitsui permezz tal-MES għandha licence agreement ma’ MAN biex jinbnew slow speed diesel engines, li ma kinux offruti la minn BWSC u lanqas minn MAN. Il-magni li ġew offruti minn MAN kienu se jiġu mibnija il-fabbrika tagħhom u ma kellhomx konnessjoni ma’ Mitsui. L-allegazzjoni li Mitsui kienet l-benefiċjarja finali ta’ żewġ bids mhijiex korretta.

talba pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18233 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: B'referenza għad-dettalji li qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jispjega għal liema raġuni amministrattiva jew oħra, t-talba msemmija baqgħet pendenti u jieħu passi biex l-informazzjoni meħtieġa tintbagħat kif dovut lill-applikant?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament, kienet diġa ntbagħtet f’Marzu li għaddha, pero’ jidher li għal xi raġuni, din ma wasslitx fl-indirizz indikat barra minn Malta fejn tgħix din il-persuna. Fil-fatt wara li din il-persuna reġgħet ġibdet l-attenzjoni li kienet għadha tistenna l-informazzjoni mitluba, d-Dipartiment reġa’ bgħat din l-informazzjoni bil-posta reġistrata.

kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Arms Ltd qed toħroġ il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għal sitt xhur? Jista' jgħid jekk dawn il-kontijiet humiex jintbagħtu lill- households u n-negozji kollha f'Malta jew inkella lil xi wħud? Jista' Ministru jgħid jekk hux konxju li għal ħafna familji huwa aħjar li l-kontijiet ikunu ta' xahrejn u mhux ta' sitt xhur u dan għaliex it-tbatija finanzjarja hija akbar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħala regola ġenerali, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma joħorgu kull xahrejn, pero’ minħabba fit-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida, hemm ammont ta’ kontijiet b’lura. Bħalissa qiegħed isir ix-xogħol meħtieġ biex is-sitwazzjoni tiġi regolarizzata, u kif dan jiġi finalizzat l-kontijiet jerġgħu jibdew jinħarġu kull xahrejn.

Corporate Village — art tal-gvern

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18229, jista' l-Ministru jikkonferma li l-art kollha li fuqha se jsir il-proġett Corporate Village hi propjetà tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18726.

Reġistrazzjoni ta' Art

Question

B'referenza għal-LRAG 402/10, x'inhi r-raġuni li l-Gvern ta' Malta permezz tal-Kummissarju tal-Artijiet jeskludi mir-reġistrazzjoni porzjoni art pubblika formanti parti minn Triq il-Port f'Marsalforn, limiti Żebbuġ Għawdex bil-kejl ta' ċirka 13.7m2 u li qabel kienet tifforma parti miċ-ċertifikat tal-art numru 00000015 li permezz tiegħu l-Gvern ta' Malta kien irreġistra din it-triq? Fuq liema kriterji ġiet inkluża din il-porzjoni triq batala li tifforma parti mid-dominju pubblku in vista taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni tal-art numru 00000015 u in vista tal-fatt li l-istess art ġiet deskritta bħala pubbliku fl-att tan-Nutar Guseppe Camilleri fit-12 ta' Frar 1914 bejn il-vendituri Cremona u l-kompratur Paulo Cremona? Il-gvern huwa konxju bil-fatt li meta nħareġ il-permess PA 1523/95 għat-tqegħid ta' imwejjed u siġġijiet quddiem snack bar f'dak il-lokal, l-istess Kummissarju tal-Art iddikjara din iż-żona bħala waħda pubblika u assigura l-aċċess tal-pubbliku għaliha? Il-gvern huwa konxju li b'dan l-aġir tiegħu, l-aċċess għall-pubbliku minn Triq il-Port għal Triq Għar Qawqla u għall-istess djar li jiġu fuq in-naħa tal-Lvant, l-aċċess se jiġi preġudikat meta dan l-aċċess ilu hemm għal żmien twil? Il-gvern huwa konxju tal-fatt li anke mis-survey sheets jirriżulta b'mod l-aktar lampanti u manifest illi din iż-żona dejjem ġiet indikata bħala aċċess pubbliku u dejjem hekk intużat mill-abitanti tad-djar f'dik iż-żona? Jista' s-segretarju parlamentari jispjega xi provi nġibu biex issa l-Kummissarju tal-Art jidher li biddel fehmtu u lest jaċċetta li din l-art hija propjetà privata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara korrispondenza li kien hemm mis-sidien ta’ din il-parti, fejn intbagħtu pjanta u kopja tal-kuntratt li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Membru, saru l-verifiki neċessarji u rriżulta illi din l-art kienet tifforma parti minn art privati kif kien qiegħed jgħid is-sid. Minħabba f’hekk, din il-parti tal-art ġiet imneħħija mir-reġistrazzjoni f’isem il-Gvern. Rigward l-aċċess pubbliku, id-Dipartiment ser jieħu passi sabiex jinstab l-aħjar mod kif dawn il-proprjetajiet ikunu aċċessibli.

Interconnector bejn Sqallija u Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji li wrew interess u tefgħu offerta biex jagħmlu l-interconnector bejn Sqallija u Malta għall-Korporazzjoni Enemalta ddikjarawx li kienu nvoluti f’każijiet ta’ korruzzjoni, tixħim, ħasil ta’ flus jew grave professional misconduct? X’verifiki saru mill-ministeru tiegħu, mill-Korporazzjoni Enemalta u mill-Kumitat tal-Kuntratti biex jaraw jekk id-dikjarazzjonijiet li għamlu humiex veri jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa l-ebda kumpanija m’għadha tefgħet offerta għall-implimentazzjoni tal-Interconnector. Dan minħabba l-fatt li t-tender għadu ma għalaqx.

Interconnector tender ma' Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18304 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il darba l-interconnector tender ma' Sqallija se jiġi maqsum f’żewġ tenders, x’wassal għal dan l-isplitting? Jista' jindika jekk il-problemi ta’ likwidità ta’ flus kienux fost il-fatturi in kwestjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tender għall-ewwel cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija ma ġietx maqsuma f’żewġ tenders.

Ilma importat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta' ilma importat f'Malta (kemm dak bil-gass u kemm mingħajru) matul is-snin 2007, 2008 u 2009 kull sena separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19062.

Kera tal-Appartamenti tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara jekk fil-każ ta' inkwilini li joħorġu bil-pensjoni, tistax il-kera tal-appartamenti tal-gvern tiġi riveduta qabel iż-żmien stipulat? Jista' dan isir ukoll f'ċirkostanzi oħra bħal meta kerrej jitlef l-impjieg tiegħu u jibda jirreġistra għax-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kirjiet tal-postijiet residenzjali jsiru mill-Awtorità tad-Djar, għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Policy for energy — Sicilian interconnector

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18450 u 18109 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjon u lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġew riferuti lilu u ċioe: Filwaqt li fil-policy for energy meta tkellem dwar is-Sicilian interconnector il-gvern kien stqarr permezz tal-Awtorità tar-Riżorsi ta’ Malta li kien qed jaħseb dwar 2x 100mw cable u f’rapporti riċenti ssemmew 2x200mws, jista’ l-Ministru jgħid liema hi l-verżjoni korretta, meta nbidlet u għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-feasibility study li sar bejn Enemalta u Terna kien determinat li s-size tal-interconnector huwa 2x200MW. Ġiet ippubblikata tender għall-ewwel cable ta’ 200MW u se tgħalaq fis-6 ta’ Lulju 2010.

konsum ta' ilma li jsir f'Malta għal skopijiet differenti

Question

B'refenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18478 u b'mod partikolari b'referenza għall-mudell li nbena biex kienet miġbura l-informazzjoni, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-mudell kif applikat, kif ukoll liema kienu s-799 ażjenda agrikola li fuqhom sar l-istħarriġ indikat fir-risposta? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-ażjendi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onororevoli Interpellant illi l-mudell kien applikat permezz tal-użu tal-programm tal-SPSS (Statistical Package for the Social Sciences). L-ażjendi agrikoli ngħażlu b’mod xjentifiku, b’mod u manjiera li l-kampjun magħżul huwa rappreżentattiv tal-ammont totali tar-raba f’Malta u f’Għawdex. Is-799 ażjenda agrikola kienu minn 58 lokalità differenti. Ta’ min jinnota li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika huwa marbut bl-Att tal-Awtorità Maltija tal-Istatistika XXIV ta’ l-2000 li ma jagħtix l-ismijiet ta’ entitajiet individwali, minħabba l-bżonn li wieħed iħares il-kunfidenzjalità ta’ dawn l-entitajiet. Għaldaqstant, id-dettalji tas-799 ażjenda ma jistgħux jinħarġu. Nixtiequ nżidu li wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar il-metodologija ta’ kif ingħażlu l-ażjendi, kif ukoll kif kien applikat il-mudell, mir-rapport tekniku li sar u li kien approvat mill-Eurostat. Dan ir-rapport jinsab ukoll fuq is-sit elettroniku tal-NSO www.nso.gov.mt liema rapport qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-i staff tekniku huwa wkoll disponibbli sabiex jiċċara xi dettalji.