Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #24993 Sitting 335 2011-04-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Tourism Association

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24667 dwar ftehim bejn il-Ministeru tagħha u l-Gozo Tourism Association rigward impjieg ta’ Kap Eżekuttiv mal-Gozo Tourism Association, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja · tal-kuntratt preċedenti li kien diġà stabbilit fl-2002, · tar-rakkomandazzjonijiet tal-Gozo Tourism Association · tal-abbozz tal-ftehim li għandu jsir bejn il-Ministeru tagħha u l-GTA · tal-approvazzjoni tal-Ministeru tal-istess abbozz u · ir-rakkmandazzjoni tal-GTA dwar l-għazla tal-persuna?. Tista’ tgħid x’kienet l-urġenza biex tiġi ngaġġata din il-persuna?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti mitluba, liema l-istess dokumenti jikkonfermaw illi l-proċess għal din il-kariga mexa b'mod normali.
Leg 11 PQ #24996 Sitting 335 2011-04-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Qasam Industrijali Xewkija — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru fil-qasam industrijali tax-Xewkija? X'xogħlijiet saru mill-Ministeru għal Għawdex f'dan il-qasam mill-1 ta’Marzu 2010 sal-lum? Kemm kienet in-nefqa fuq dawn x-xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li l-qasam industrijali tax-Xewkija huwa amministrat mill-Malta Industrial Parks nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #24997 Sitting 335 2011-04-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Industrijalisti Għawdxin

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti Għawdxin mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-lum biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż żejda li għandhom fuq trasport, eċċ? Kemm hu n-numru ta’ imprendituri li tħallsu? Għal liema snin kienu l-pagamenti? Kemm hemm talbiet pendenti u kemm jammontaw dawn it-talbiet? Għal liema snin huma?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li bħalissa qegħdin jiġu vverifikati talbiet minn tmien kumpaniji biex ikunu jistgħu jsiru l-ħlasijiet relattivi.
Leg 11 PQ #24586 Sitting 334 2011-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — servizz ta' karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-karozzi mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtha? Kemm kien in-numru ta' karozzi in kwestjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24685 Sitting 334 2011-04-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — calls for application

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24686 Sitting 334 2011-04-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

O level tal-Home Economics — studenti b'diżabilità

Question

Peress li hemm studenta b'diżabilità li trid tagħmel il-parti prattika tal-O'Level tal-home economics u l-ebda skola f'Għawdex, lanqas l-iskola l-ġdida tas-subien m'għandha l-faċilità biex persuni b'diżabilità jagħmlu dan l-eżami, tista' l-Ministru tgħid x'se jsir biex din il-problema tiġi indirizzata b'mod immedjat biex din it-tifla u oħrajn bħalha jkollhom il-possibilità li jagħmlu dan l-eżami?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li kemm fl-iskola Sekondarja tal-Bniet Agius de Soldanis kif ukoll fl-iskola tas-Subien Ninu Cremona, hemm aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità inkluż lift f'kull skola. Studenta fil-form 4 ġiet trasferita għall-iskola Sekondarja tal-Bniet minn skola privata f'Jannar 2011. Din l-istudenta għandha s-suġġett tal-Home Economics li tiegħu se tagħmel l-O Level f'Mejju tal-2012 li jinkludi eżami tal-prattika. Qed jiġi stabbilit x'arranġamenti hemm bżonn li jsiru biex jiġi ffaċilitat li din l-istudenta tkun tista' tagħmel l-eżami tal-prattika dejjem skont kif jippermettu r-regolamenti tal-eżamijiet.
Leg 11 PQ #24767 Sitting 334 2011-04-04 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdxin — emigrazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-Għawdxin li bejn l-2005 u l-2010, sena b’sena, talbu l-assistenza tal-gvern biex jemigraw lejn l-Istati Uniti, l-Kanada u l-Awstralja b’mod separat ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #24577 Sitting 333 2011-03-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — servizz ta' mobile phone

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-mobile phone mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtha? Kemm kien in-numru ta' mobile phones in kwestjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ċ-ċifra ta' flus globali li ntefqet għall-użu ta' servizzi tal-mobile phones mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu matul l-2010 kienet ta' €20,276.39. In-numru ta' dawn il-mobile phones kien ta' 18.
Leg 11 PQ #24675 Sitting 333 2011-03-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Dipartiment tar-Radjoloġija Ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex kien hemm każ ta' tifla li kellha bżonn tuża magna li hemm fid-Dipartiment tar-Radjoloġija l-ġdid u ma tħallietx għaliex skont kif qalu lill-ġenituri kien hemm il-ftuħ uffiċjali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-inawgurazzjoni uffiċċjali tad-Dipartiment tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex inżammet f'post li bl-ebda mod ma ġie mxekkel is-servizz offrut minn dan id-Dipartiment. Il-ħames magni li hemm f'dan id-dipartiment kienu disponibbli għal kull użu mediku ankè waqt l-istess inawgurazzjoni. Ma jirriżultax li ġie rrifjutat xi servizz lil tifla kif qed jiġi ddikjarat. L-unika pazjenta tifla li ddaħlet fl-Emerġenza daħlet fid-disgħa ta' bil-lejl, ħafna wara li saret l-inawgurazzjoni, u lanqas ma kien hemm pazjenti bniet fis-sala tat-tfal f'dik il-ġurnata.
Leg 11 PQ #24696 Sitting 333 2011-03-29 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — nisa fuq bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta' nisa f'bordijiet, kumitati u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha? Tista' tindika in-numru totali ta' membri li kull wieħed minn dawn il-bordijiet, kumitati u entitajiet għandu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24824 Sitting 333 2011-03-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta' Higher Education Courses to address skills mismatches in Gozo

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta l-proġett ta’ Higher Education Courses to address skills mismatches in Gozo (ESF 1.23) skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-poġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhija l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-grant agreement dan il-proġett għandu jitlesta sa Novembru 2013. Din id-data qatt ma ġiet riveduta. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-korsijiet se jkunu lesti fi żmien stipulat. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa responsabilità tal-project leader.
Leg 11 PQ #24825 Sitting 333 2011-03-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Proġett ta' Training Courses to enhance Employability of the Workforces

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta l-proġett ta’ Training Courses to enhance Employability of the Workforces (ESF 2.7) skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-poġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhija l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-grant agreement dan il-proġett kellu jitlesta sa Ġunju 2010. Din id-data ġiet estiża s'April 2011. Id-data ġiet riveduta darbtejn minħabba li l-proċess tat-tendering ħa aktar żmien milli kien mistenni kif ukoll wara talba mill-parteċipanti biex il-lezzjonijiet ta' żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena jiġu posposti għal Frar 2011. L-estensjonijiet għat-tlestija ta' dan il-proġett ġew approvati mill-Managing Authority. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex ser jintilfu flus Ewropej. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa responsabilità tal-project leader. Il-korsijiet taħt dan il-proġett tlestew kollha.
Leg 11 PQ #210 Sitting 332 2011-03-28 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Skola Wistin Camilleri — ground tal-iskola primarja - no entry sign

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fl-iskola Wistin Camilleri n-naħa tal-grawnd tal-iskola primarja hemm no entry sign? Tista' tgħid jekk hux minnu li hemm xi periklu u x'inhu l-kaġun?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-'no entry sign' li hemm fl-iskola Wistin Camilleri saret sabiex il-post fejn se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ma jkunx aċċessibbli.
Leg 11 PQ #24638 Sitting 332 2011-03-28 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li minkejja li laħqu l-età tal-irtirar baqgħu jaħdmu fl-uffiċini u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista' tgħid meta ġie mġedded l-impjieg u sa meta, kif ukoll tagħti l-grad tal-persuni konċernati?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24667 Sitting 332 2011-03-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Tourism Association

Question

B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 24180 u 24388 dwar ftehim bejn il-Ministeru tagħha u l-Gozo Tourism Association rigward impjieg ta’ Kap Eżekuttiv mal-Gozo Tourism Association, tista’ l-Ministru tgħid kif, ladarba “dan il-ftehim għadu fi stadju ta' abbozz” (PQ 24388), l-Ministru setgħet fit-tweġiba li tat għall-mistoqsija parlamentari 24180 tgħid illi: a) l-allokazzjoni finanzjarja hija ta' €32,000 fis-sena; b) l-kariga ta' Kap Eżekuttiv mal-Gozo Tourism Association (GTA) għandha terminu ta' ħames snin. ċ) l-Ministeru ried li l-għażla tal-persuna għall-kariga ta' Kap Eżekuttiv mal-GTA kellha tirrifletti d-deċiżjoni u l-fiduċja tal-istess Assoċjazzjoni, d) l-għażla tal-Kap Eżekuttiv ġiet determinata a bażi tan-nomina kif espressa mill-Kunsill tal-GTA? Kif ġiet determinata l-għażla tal-Kap Eżekuttiv meta lanqas għadu tlesta l-abbozz tal-ftehim bejn il-Ministeru tagħha u l-GTA? Tista’ l-Ministru tgħid x'sar sabiex jiġi assigurat li ma kienx hemm favoritiżmu jew xi abbuż ieħor fl-għażla tal-persuna li se titħallas €160,000 minn flus il-poplu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-kuntratt ġie mfassal mill-Ministeru għal Għawdex, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u rrifletta l-kuntratt preċedenti dak li kien diġà stabbilit fl-2002, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Gozo Tourism Association. Dan allura jfisser li l-punti saljenti tal-kuntratt riedu jkunu determinati proprju fl-istadju ta' abbozz. In-nomina saret abbażi ta' klawżola fl-istess abbozz li proprju tispeċifika li l-għażla għandha tirrifletti d-deċiżjoni u l-fiduċja tal-Membri tal-Kunsill.
Leg 11 PQ #24671 Sitting 332 2011-03-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

proġett għar-rikostruzzjoni tat-Triq ta’ Pinu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta il-proġett għar-rikostruzzjoni tat-Triq ta’ Pinu skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali, u (iii) il-kuntratt rivedut bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-proġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li skont il-grant agreement, id-data tat-tlestija ta' dan il-proġett li jinkludi kemm it-Triq ta' Pinu kif ukoll it-Triq tax-Xlendi, kienet Diċembru 2010. Id-data tat-tlestija tal-proġett sħiħ fil-grant agreement ġiet estiża sa Mejju 2011. Din id-data ġiet riveduta darbtejn minħabba li l-proċess tat-tendering ħa aktar żmien milli kien mistenni kif ukoll minħabba maltemp u issues tekniċi li kkawżaw dewmien fix-xogħlijiet tat-Triq tax-Xlendi. L-estensjonijiet għat-tlestija ta' dan il-proġett ġew approvati mill-Managing Authority. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa mmexxi minn project leader u li d-Direttorat (Strateġija u Sapport) joffri sapport lill-project leader. L-iskeda tal-pagamenti hija skont il-kuntratt, fejn il-pagamenti għax-xogħlijiet saru abbażi tal-kejl filwaqt li ħlasijiet tas-servizzi saru perjodikament.
Leg 11 PQ #24810 Sitting 332 2011-03-28 Oral · Final From: JOSEPH MUSCAT To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — inkjesta

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ordnatx inkjesta fir-rigward tar-rapport fl-ewwel paġna tal-ġurnal "Illum" tal-20 ta' Marzu, 2011 dwar l-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li ma ġietx ordnata inkjesta fir-rigward tar-rapport fl-ewwel paġna tal-ġurnal 'Illum' tal-20 ta' Marzu, 2011 dwar l-Isptar Ġenerali t'Għawdex għaliex mill-istatements fornuti mill-professjonisti kkonċernati ma rriżultax li kien hemm lok li ssir inkjesta.
Leg 11 PQ #24623 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għajn Qatet - problema tal-livell ta' triq

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Ħamrija, Xewkija qed jilmentaw li fl-estremità tal-istess triq tmiss mal-estremità ta' Triq Għajn Qatet, hemm problema bil-livell tat-triq u qed iżomm l-ilma u kif ukoll qed ikun hemm żbroff ta' drenaġġ b'dannu u detriment għar-residenzi ta' dik il-parti ta' Triq Ħamrija u b'ínkonvenjent għal dawk kollha li jgħaddu minn hemm bil-mixi, tista' l-Ministru tara li dan l-inkonvenjent jiġi ndirizzat minnufih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ser jittieħdu l-livelli tal-area msemmija biex naraw kif tista' tissolva l-problema tal-ilma. Dwar il-parti tal-mistoqsija li tikkonċerna żbroff tad-drenaġġ, nitlob l-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #24624 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għajnsielem - Triq Gudja - ħmieġ u imbarazz

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Gudja, Għajnsielem, Għawdex qed jilmentaw minħabba kumulu ta' imbarazz u ħmieġ u li meta lmentaw mal-kunsill lokali, ġew infurmati li din hija responsabbiltà tal-gvern lokali, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi indirizzata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mit-tmexxija tal-kunsilli lokali.
Leg 11 PQ #24640 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Villa Rundle — upgrading

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jitlesta l-proġett ta' upgrading ta' Villa Rundle skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur, u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-proġett? Għal liema raġunijiet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-Proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? X’sar s’issa fuq dan il proġett? X’jonqos isir? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-grant agreement il-proġett kellu jibda f'Lulju 2008 u kellu jitlesta sa Marzu 2011. Peress li l-proċess ta' tendering ħa aktar fit-tul milli kien mistenni, id-data tat-tlestija tal-proġett fil-grant agreement ġiet riveduta għal Settembru 2011 biex tkun konformi mad-data tal-kuntratt tax-xogħlijiet. L-estensjoni għat-tlestija ta' dan il-proġett ġiet approvata mill-Managing Authority. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex ser jintilfu flus Ewropej. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa mmexxi minn project leader u d-Direttorat (Strateġija u Sapport) joffri sapport lill-project leader. Ix-xogħol li sar s'issa jinkludi fost l-oħrajn twaqqiegħ ta' strutturi u taħmil, kostruzzjoni ta' strutturi mill-ġdid, pavimentar u wiring tal-elettriku. Bħalissa għaddej xogħol ta' pavimentar. Xogħol li baqa' jsir jinkludi finishing works, xiri tal-play equipment u taħwil ta' siġar u pjanti. L-iskeda tal-pagamenti hija skont il-kuntratt, fejn il-pagamenti għal xogħlijiet isiru abbażi tal-kejl filwaqt li ħlas tas-servizzi jsiru perjodikament.