Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #25281 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi — telf ta' negozju

Question

Peress li sidien tal-ħwienet fix-Xlendi qed jilmentaw fuq inkonvenjent kif ukoll telf ta' negozju minħabba dewmien fix-xogħol li qed isir fix-Xlendi, appuntu quddiem dawn il-ħwienet fejn issa ukoll inqalgħu l-bankini u hemm ħofra mimlija ilma maħmuġ u qiegħed jinten, tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru x-xogħlijiet biex jitneħħa dan l-inkonvenjent?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq it-Triq tax-Xlendi mistennija li jkunu lesti sa Mejju 2011.
Leg 11 PQ #25315 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

blood samples li nġabu Malta mill-Isptar t' Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li bejn il-lejl tas-6 u s-7 ta' April inġarru blood samples bil-helicopter mill-Isptar ta' Għawdex għall-Isptar Mater Dei u tispjega ċ-ċirkostanzi li taw lok għal dan?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li fil-lejl imsemmi, helicopter intuża sabiex iwassal kampjun tad-demm ta' pazjent. Dan it-test tad-demm li kellu bżonn isir urġenti, ma jinħadimx ġewwa l-Isptar t'Għawdex u għalhekk kellu jiġi trasferit lejn Mater Dei malajr kemm jista' jkun minħabba li l-konsulent kellu bżonn b'urġenza l-istess riżultati. Minħabba li n-numru ta' pazjenti li jidħlu fl-isptar f'ċertu ħinijiet (bħal f'dan il-każ) huwa minimu u għalhekk faċli wieħed jidentifika l-pazjent, ma nħossx li hu korrett li nsemmi b'mod pubbliku t-tip ta' test li sar.
Leg 11 PQ #25370 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xlendi - xogħol fuq bankini u tarmac

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li issa li wasal l-istaġun tas-sajf, ix-xogħol konċernat għar-rigward il-bankini u t-tarmac 'l isfel mill-Knisja tax-Xlendi fejn il-ħwienet għadu ma sarx? Peress li tal-ħwienet fix-Xlendi, Għawdex diġà ekonomikament batew biżżejjed, tista' l-Ministru tara li jitlesta x-xogħol kemm jista' jkun malajr?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol imsemmi għadu ma tlestiex minħabba li l-maltemp u issues tekniċi kkawżaw dewmien fix-xogħol b'mod ġenerali. Ix-xogħol mistenni li jkun lest sa Mejju 2011.
Leg 11 PQ #25380 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Żewwieqa Waterfront — proġett ta' upgrading

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24644, tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li jiġi ffirmat il-kuntratt tax-xogħlijiet tal-proġett għall-upgrading taż-Żewwieqa Waterfront? Meta hu mistenni li jibda x-xogħol?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-kuntratti relatati ma' dan il-proġett ġew iffirmati, u hu maħsub li x-xogħlijiet jibdew din il-ġimgħa.
Leg 11 PQ #25381 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — Operating Theatre - upgrade

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24642, tista’ l-Ministru tgħid meta fil-fatt huwa mistenni li jitlesta l-proġett għall-upgrading tal-Operating Theatre fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħol fit-Teatri tal-Operazzjonijiet qiegħed fil-fażi ta' 'procurement' u għandu jitlesta lejn l-aħħar ta' din is-sena.
Leg 11 PQ #25382 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Triq tax-Xlendi — proġett għar-rikostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta fil-fatt huwa mistenni li jitlesta l-proġett għar-rikostruzzjoni ta’ parti mit-Triq tax-Xlendi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 25281.
Leg 11 PQ #25181 Sitting 339 2011-04-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trattat ta' Sħubija — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 24507 u ċioe: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24177, fejn il-Ministru qalet li l-ammont allokat tal-Fondi Strutturali u Fond ta' Koeżjoni tipprevedi klawżola speċifika li tgħid li mill-inqas 10% tal-allokazzjoni totali ta’ dawn il-fondi Ewropej għall-perjodu 2007 – 2013 huwa allokat għal Għawdex: · Peress illi fl-istess tweġiba hija fakkret lill-Għawdxin li l-gżira ta’ Għawdex “tinkludi biss 7% tal-popolazzjoni ta' dawn il-gżejjer” u mhux 10% tal-popolazzjoni; · Peress illi jidher li l-Ministru ma tafx li: 1. d-daqs ġeografiku (l-area) tal-gżira ta’ Għawdex huwa 27.3% tad-daqs ta’ Malta 2. t-tul tal-kosta ta’ Għawdex huwa 31.2% tat-tul tal-kosta ta’ Malta 3. d-daqs tal-art agrikola użata f’Għawdex huwa 27.8% tal-art agrikola użata f’Malta · peress li dawn it-tliet fatturi tal-iżvilupp ekonomiku ta’ kull reġjun, jiġifieri d-daqs tal-gżira, it-tul tal-kosta u d-daqs tal-art użata għall-agrikoltura jirrekjedu investiment qawwi biex Għawdex jiżviluppa kemm hu xieraq u mistenni mill-Għawdxin · peress li minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, skont statistika maħruġa mill-Unjoni Ewropea stess, bl-10% tal-fondi Ewropej b’kollox, il-Prodott Domestiku Gross niżel minn 60% tal-medja Ewropea fl-2003 għal 58% fl-2008, tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex kuntenta u sodisfatta li Għawdex qed jingħata 10% tal-Fondi Strutturali u Fond ta' Koeżjoni? Jekk fl-affermattiv, x’inhuma r-raġunijiet li jikkonvinċuha li 10% tal-fondi huma biżżejjed biex Għawdex jieħu dak li hu xieraq u mistenni? Jekk fin-negattiv, x’qed tagħmel biex Għawdex jieħu dak li ħaqqu u li għandu bżonn?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-allokazzjonijiet tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 huma skont il-ftehim fuq il-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013, u kif inhu kkonfermat f’Artiklu 5(1) u l-Anness II (1 u 2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Numru 1083/2006. Fil-każ tal-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali lil reġjunijiet, din l-allokazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju tal-popolazzjoni tar-reġjun. Fil-każ tal-allokazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni li huwa allokat lill-Istati Membri eliġibbli, il-kriterji normalment użati għal din l-allokazzjoni huma l-popolazzjoni u d-daqs tat-territorju tal-Istat Membru. Qed nispjega dan biex l-Onorevoli Interpellant jifhem li l-kriterju tat-tul tal-kosta, jew il-kriterju tad-daqs tal-art agrikola kif suġġeriti minnu m’humiex relevanti fil-kuntest tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni. Għal dak li għandu x’jaqsam l-użu tal-kriterju tad-daqs tat-territorju (d-daqs ġeografiku) fil-formula għad-distribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni bejn l-Istati Membri, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li meta tapplika dan il-kriterju, fil-każ ta’ Malta li għandha ‘extremely high population density’ dan jirriżulta f’telf sostanzjali mill-allokazzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni lil Malta ta’ madwar 60 miljun ewro. Kieku l-Gvern fin-negozjati fuq il-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013 mexa fuq is-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant u aċċetta l-użu tal-kriterju tad-daqs tat-territorju fl-allokazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni, dan kien iwassal għal telf qawwi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, kemm għal Malta bħala Stat Membru kif ukoll għal Għawdex. Għalhekk il-Gvern kien għaqli li fin-negozjati fuq il-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013 u għamel l-argument li l-kriterju tad-daqs tat-territorju m’għandux ikun applikat għat-tqassim tal-Fond ta’ Koeżjoni. Ta’ min isemmi li kien hemm bżonn ta’ negozjati twal u diskussjonijiet estensivi sabiex dan l-argument fil-fatt ġie aċċettat mill-Presidenza Lussemburgiża mbagħad dik tar-Renju Unit flimkien mal-pajjiżi membri l-oħra. Dan il-ftehim imbagħad wassal biex tkun modifikata il-formula għad-distribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni u fil-każ ta’ Malta l-allokazzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni saret unikament abbażi tal-kriterju tal-popolazzjoni. Għalhekk Malta u Għawdex abbażi tal-istess kriterju tal-popolazzjoni ġew allokati 556 miljun ewro ta’ Fondi Strutturali u 284 miljun ewro mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont globali ta’ 840 miljun ewro. Il-Gvern meta ġie biex iqassam dawn il-fondi allokati bejn Malta u Għawdex, b’mod konsistenti uża bħala bażi l-kriterju tal-popolazzjoni, u f’dan ir-rigward, billi Għawdex dejjem kien prijorità għall-Gvern Nazzjonalista u hekk se jibqa’, il-Gvern ħass il-ħtieġa li jmur oltre s-7 fil-mija li huwa il-persentaġġ tal-popolazzjoni li jirresjedi f’Għawdex u impenja ruħu li jinvesti f’Għawdex fil-perjodu 2007-2013 mill-inqas 10 fil-mija tal-Fondi biex jissaħħaħ l-iżvilupp soċjali u ekonomiku f’Għawdex, jiġifieri 84 miljun ewro. Barra minn hekk, waqt li dawn l-84 miljun ewro se jintefqu speċifikament għall-proġetti f’Għawdex, il-bqija tal-fondi allokati huma miftuħin ghall-proġetti kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Tajjeb li wieħed jinnota li kieku l-Gvern mexa mas-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant, Għawdex kien jirċievi 38.92 miljun ewro mill-Fondi Strutturali abbażi ta’ 7% tal-popolazzjoni, waqt li kien jirċievi 39.76 miljun ewro mill-Fond ta’ Koeżjoni abbażi ta’ proporzjon ta’ 14% li huwa medja ta’ 7% tal-popolazzjoni u 21% tad-daqs tat-territorju. Dan ifisser li Għawdex kien jirċievi total ta’ 78.68 miljun ewro, jiġifieri 5.3 miljun ewro anqas minn kemm ġie fil-fatt allokat lil Għawdex minn dan il-Gvern. Ta’ min isemmi wkoll li l-Gvern Nazzjonalista mhux biss alloka lill-Għawdex 5.3 miljun ewro iktar minn dak propost mill-Onor. Interpellant imma, bis-sistema preżenti, Għawdex jista’ wkoll jibbenefika minn fondi oħrajn li ma jkunx il-każ fi tqassim ibbażat fuq formula stretta kif jidher li jrid l-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #25240 Sitting 339 2011-04-13 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — nefqa fuq safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabiltà tagħha, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Tista' tagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

B'riferenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija rigward safar fl-2008 nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 11221/09. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tweġiba għall-kumplament tal-mistoqsija.
Leg 11 PQ #25129 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Kumitat tal-Għażla għall-Opri tal-Arti f'Postijiet Pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Kumitat tal-Għażla għall-Opri tal-Arti f'Postijiet Pubbliċi u tgħid xi kwalifiki għandhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi l-Kumitat tal-għażla għall-opri tal-arti f'postijiet pubbliċi f'Għawdex huwa kompost minn: Is-Sur Joseph G. Scerri Segretarju Permanenti Is-Sur Joe Camilleri Kritiku tal-Arti Is-Sur Charles Cassar Artist u Għalliem tal-Arti Is-Sur Daniel Cilia Fotografu Professjonali Is-Sur Fabrizio Mifsud Soler Appuntat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Arti Is-Sinjorina Bernadine Scicluna Kuratriċi - Heritage Malta Is-Sur Anthony Zammit Direttur Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali.
Leg 11 PQ #25143 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Main tad-drenaġġ fil-bajja tax-Xlendi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu kontra l-kuntrattur li kisser il-main tad-drenaġġ fil-bajja tax-Xlendi s-sajf li għadda? Tista’ tgħid x’weħel tal-ħsara li għamel? Jonqos passi x’jittieħdu kontra l-istess kuntrattur? Min huwa l-kuntrattur?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Ministeru talab lill-kuntrattur biex iħallas l-ispejjeż kollha dovuti lill-Ministeru, liema spiża telgħet għal €1162.68. Il-kuntrattur JPF Joint Venture ħallas dan il-kont.
Leg 11 PQ #25177 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trattat ta' Sħubija — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24506, fejn il-Ministru qalet li “ġaladarba Malta u Għawdex flimkien baqgħu eliġibbli taħt il-għan tal-konverġenza, il-Gvern aġixxa bl-aktar mod għaqli u mexa fuq il-prinċipju ta' 'collective responsibility', b'hekk Malta u Għawdex flimkien baqgħu jgawdu mill-ogħla livell ta' finanzjament”, taf il-Ministru li bid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija l-Gvern intrabat li “qabel l-aħħar ta’ kull perijodu baġitarju tal-komunità li jinvolvi definizzjoni mill-ġdid tal-politika reġjonali komunitarja, Malta se titlob li l-Kummissjoni tirrapporta lill-kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali t’Għawdex, u b’mod partikolari, dwar l-inugwaljanza fil-livelli ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta. Il-Kummissjoni tintalab li tipproponi miżuri xierqa, kif meħtieġ, fil-qafas tal-politika reġjonali Komunitarja jew ta’ politiki Komunitarji rilevanti oħra, sabiex tiżgura li tkompli titnaqqas l-inugwaljanza bejn Għawdex u Malta kif ukoll li jkun hemm iktar integrazzjoni ta’ Għawdex fis-suq intern b’kondizzjonijiet ekwi.”? Taf il-Ministru li l-miżuri xierqa li l-gvern intrabat li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea għal Għawdex ma jfissrux biss li Għawdex jirċievi aktar fondi Ewropej iżda tfisser ukoll li Għawdex ikun jista’ jingħata derogi biex jibbenefika minn Għajnuniet tal-Istat bħalma huma sussidji għan-negozji Għawdxin, sussidji li l-Għawdxin illum huma mċaħħda minnhom bis-sħubija ta’ Malta fl-Ewropa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Infakkar l-Onorevoli Interpellant li l-għan primarju tad-dikjarazzjoni huwa li jiġi żgurat li l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' Għawdex u l-kundizzjonijiet li joħorġu mil-insularità doppja tiegħu tibqa' prijorità fi ħdan id-dimensjoni ta' numru ta' policies Komunitarji, primarjament (għalkemm mhux esklussivament) il-politika reġjonali u policies tal-Komunità assoċjati magħha, bħall-politika tal-kompetizzjoni. Ladarba l-proposti dwar il-perspettivi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea post-2013 ikunu ppubblikati, wieħed ikun jista' jikkonferma jekk l-Istat Membru ta’ Malta, li jinkludi l-gżejjer ta’ Malta u Għawdex, hux ħa jibqa fi ħdan il-għan tal-konverġenza għall-perjodu post-2013. Jekk dan ma jkunx il-każ il-gvern se jagħmel talba biex isir studju dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta' Għawdex, qabel il-bidu tan-negozjati rigward il-perspettivi finanzjarji tal-Unjoni.
Leg 11 PQ #25178 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Biċċerija - informazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta x-xogħol fuq il-biċċerija? Meta kellha terġa’ tiftaħ biex taqdi l-ħteġijiet tar-produtturi Għawdxin? Tista’ tgħid meta bdiet topera mill-ġdid, jekk bdiet? Jekk għadha ma bdietx taħdem interament, meta se tibda?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21121. Jiena nfurmata wkoll li l-biċċerija se tibda taħdem wara li jiġi kkumissjonat l-apparat kollu u jingħata t-taħriġ meħtieġ.
Leg 11 PQ #25180 Sitting 338 2011-04-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Hospital and community care, elderly and special needs

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24608, tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni mitluba u tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru tagħha kull sena mill-2006 sal-2010 fuq (i) hospitalisation and community care u (ii) elderly and special needs u tinkludi ukoll il-personal emoluments u l-operations and maintenance expenses?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #25004 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

teatri tal-operazzjonijiet — tlestija ta' xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jitlesta x-xogħol fit-teatri tal-operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u tgħid x'xogħol sar s'issa u x'għad fadal isir?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħol fit-Teatru tal-Operazzjonijiet qiegħed fil-fażi ta' 'procurement'. Għandu jitlesta sal-aħħar ta' din is-sena.
Leg 11 PQ #25005 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

ambulanza mikrija

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji tal-ambulanza li nkriet f'dawn l-aħħar xhur u tgħid xi specifications għandha, kemm hi l-kirja, għal kemm u mingħand min inkriet? Tista' tgħid inoltre kemm-il darba ġarret pazjenti lejn Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ambulanza (HSG400) hija vettura diesel tat-tip Mercedes Sprinter 416CDI, b'magna 2869cc. Iġġorr 5 passiġġieri inkluż 3 pazjenti (2 stretchers u 1 wheelchair). Ġiet manifatturata fl-2001. Inkriet fis-7 ta' Frar mingħand F.A.S. Ltd. għall-prezz ta' 110 Ewro kull ġurnata li tintuża biss. Jekk ma tintużax ma nħallsu xejn. S'issa ntużat f'6 ġranet separati (7.2.11/8.2.11/9.2.11/10.2.11/14.2.11/5.4.11) u ġarret 10 pazjenti lejn Malta (M.D.H. u Boffa Hospital).
Leg 11 PQ #24595 Sitting 336 2011-04-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — konsum tal-fuel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtha? Kemm kien jammonta f'litri?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24776 Sitting 336 2011-04-06 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tagħha? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24938 Sitting 336 2011-04-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta' home help

Question

Peress li f'dawn l-aħħar ġranet qed ikun hemm ilmenti kontinwi minn utenti tal-home help għaliex l-għajnuna fid-djar mhix tingħata għaliex il-helpers qed imorru jnaddfu l-isptar, tista' l-Ministru tispjega din is-sitwazzjoni anomala x'inhi u minn liema prattika amministrattiva toħroġ? Tista' tgħid x'qed jagħmel il-gvern biex tiġi indirizzata din il-problema li nħolqot a detriment ta' dawn l-anzjani li tant għandhom bżonn? Tista' tgħid jekk hemmx xi pjanijiet li jekk hemm nuqqas ta' cleaners fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex dan jiġi indirizzat mod ieħor?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li bħalissa l-Uffiċċju tal-Anzjani f'Għawdex qiegħed fil-proċess li jaqleb il-PTSAs għal full time ta' 40 siegħa fil-ġimgħa. B'din iż-żieda ta' sigħat, l-anzjani qegħdin jiġu moqdija u l-isptar għadu jingħata servizz xorta waħda. Dawk is-Social Assistants li jixtiequ jmorru jaħdmu l-isptar, iridu jagħtu tal-inqas 32 siegħa f'servizz ta' homehelp u mhux aktar minn 8 sigħat fil-ġimgħa l-isptar. Bħalissa dan l-uffiċċju jinsab fil-proċess ta' tfassil ta' rosters u l-ewwel prijorità tas-social assistants huwa s-servizz lill-anzjani. Dawk is-social assistants li applikaw biex jaħdmu fuq reduced hours minħabba raġunijiet familjari, iridu jagħtu s-sigħat kollha allokati lilhom f'servizz lill-anzjani.
Leg 11 PQ #24839 Sitting 335 2011-04-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22789, peress li l-aħħar parti tagħha ma ġietx imwieġba u ċioe jekk ittieħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġewx sospiżi xi nies, tista' l-Ministru twieġeb għal din il-parti tad-domanda ukoll?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija nkluża fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22789.
Leg 11 PQ #24937 Sitting 335 2011-04-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Skola Wistin Camilleri — ground tal-iskola primarja - no entry sign

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W210, tista' l-Ministru tgħid għal liema xogħlijiet qed tirreferi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi x-xogħlijiet imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari W210 qed jirreferu għall-burdura tal-konkos.