Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #25441 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema mhux Maltin

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mhux Maltin matul is-sena 2010, mad-Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tgħid ta' liema nazzjonalità huma, kif ukoll x'inhu l-grad?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma ġewx impjegati ħaddiema mhux Maltin matul is-sena 2010, mal-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Leg 11 PQ #25859 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ċimiterju ta' Santa Marija — xogħlijiet fuq l-oqbra

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 14203 u tgħid meta se jsiru l-kuntratti għall-konċessjoni tal-oqbra l-ġodda fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija? Ix-xogħol fuq dawn l-oqbra lest? Jekk le, x’jonqos isir? Jekk iva, meta tlesta? X’hemm iżomm li dawn il-kuntratti jsiru? Peress li l-Ministru anke fit-8 ta’ Lulju 2008 għall-mistoqsija parlamentari 1773 kienet wieġbet li "l-kuntratti ta' bejgħ se jsiru fi żmien qarib", tista' tgħid meta se jsiru l-kuntratti msemmija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi għadu għaddej il-proċess marbut sabiex jinbnew l-oqbra l-ġodda u anke sabiex isiru l-kuntratti ta' dawn l-istess oqbra.
Leg 11 PQ #25860 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni — farm sperimentali - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex l-farm sperimentali tal-Gvern f'Għawdex isir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa s’issa fuqu? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena għal dawn is-snin?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ġie fformulat ftehim ta' kooperazzjoni mal-Università ta' Malta biex il-Farm tal-Gvern fix-Xewkija jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni u li sa issa saru xogħlijiet strutturali u nxtara apparat u makkinarju għal dan l-iskop. Inbdiet ukoll riċerka fuq razez indiġeni u wasal biex jiġi konkluż ftehim biex tinġab kollezzjoni ta' siġar tat-tin minn madwar il-Mediterran bi ftehim ma' għaqdiet minn Franza u l-Italja u biex tibda ssir riċerka fuq il-varjetajiet tat-tin lokali. Matul din is-sena u s-sentejn li ġejjin ser jitkompla x-xogħol ta' refurbishment tal-bini u l-akkwist ta' apparat ieħor u titkompla r-riċerka li bdiet filwaqt li jinbdew proġetti oħra ta' riċerka. Jiena nfurmata li n-nefqa sa issa tammonta għal €93,990 u li l-ispiża għal dak li huwa pprogrammat bħalissa hija stmata li tammonta għal €700,000.
Leg 11 PQ #25861 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sistemi u metodi ta' irrigazzjoni ta' prodotti agrikoli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi studji saru s’issa dwar l-aħjar proċessi, sistemi u metodi ta’ irrigazzjoni ta’ prodotti agrikoli? Saru xi rakkmandazzjonijiet s’issa dwar dan il-proġett? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2011-2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li għaddejjin taħdidiet mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar l-użu ta' ilma tat-tieni klassi li joħroġ mill-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ u li fil-bini mill-ġdid ta' Triq Mġarr qed jitqiegħed main li eventwalment ser iwassal minn dan l-ilma fl-inħawi tal-Farm tal-Gvern u l-Qasam Industrijali minn fejn ikun jista' jitqassam. Ninsab infurmata wkoll li hemm il-ħsieb li tinxtara sistema ta' irrigazzjoni kompjuterizzata għall-Farm tal-Gvern bi stima ta' €25,000 biex biha tkun tista ssir riċerka meħtieġa fil-qasam ta' irrigazzjoni bħala parti mill-funzjonijiet taċ-Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni.
Leg 11 PQ #25862 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

użu ta' pestiċidi fl-agrikoltura f'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa din is-sena mill-Ministeru tagħha dwar l-aħjar użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura f’Għawdex u għall-immaniġġjar tajjeb tal-kontenituri tal-pestiċidi? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2011-2013?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li din is-sena saru erba' korsijiet dwar l-użu tal-pestiċidi li għalihom ipparteċipaw 105 persuni. Dawn il-korsijiet wasslu biex il-parteċipanti jkollhom mezz ta' identifikazzjoni maħruġa mill-Awtorità Maltija għall-Istandards sabiex ikunu jistgħu jixtru u japplikaw il-pestiċidi. Ninsab infurmata wkoll li qiegħda tiġi ppreparata pubblikazzjoni dwar dan is-suġġett u li huwa ppjanat li jsiru aktar korsijiet kemm fuq pestiċidi kif ukoll fuq suġġetti relatati mal-ortikultura. Barra minn dan fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija hemm faċilità fejn il-pubbliku jiddepożita kontenituri vojta ta' pestiċidi u pestiċidi skaduti.
Leg 11 PQ #25863 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ f'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jiġi inkoraġġit il-bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ f’Għawdex? X’inċentivi ngħataw biex l-art agrikola tkompli tinħadem? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 fuq dawn l-inizjattivi? X’inhi n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2011-2013?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li bħalissa qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet mill-bdiewa li jintitolawhom għal għajnuna kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea li tinċentiva l-bdiewa biex ikomplu jieħdu ħsieb u jaħdmu r-raba'. Ninsab infurmata wkoll illi fil-qafas ta' l-iskema għall-proġetti ta' Eko-Għawdex maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex, diversi Kunsilli Lokali issottomettew proposti għar-restawr u bini ta' ħitan tas-sejjieħ li ġew aċċettati.
Leg 11 PQ #25840 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Tourism Association — ftehim rigward impjiegi

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 24993 u 25457 dwar ftehim bejn il-Ministeru tagħha u l-Gozo Tourism Association rigward impjieg ta’ Kap Eżekuttiv mal-Gozo Tourism Association, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim imsemmi? Il-persuna magħżula tiġi ngaġġata mill-istess data tal-ftehim?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ngħatat f'risposti preċedenti relatati ma' dan is-suġġett. Kopja tal-ftehim tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24993.
Leg 11 PQ #25844 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — skola ġdida - athletic track

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex se ssir athletic track fl-iskola l-ġdida li qed tinbena fir-Rabat Għawdex? Jekk le, għaliex? Jekk se ssir, tista’ l-Ministru tgħid kemm se tkun twila din it-track u fuq kemm-il naħa tal-pitch se tkun din it-track? Tista’ tgħid ukoll hux se ssir sand pit għal-long jump bħala parti mill-faċilitajiet sportivi tal-istess skola?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-track ser issir kif kien ippjanat fuq distanza ta' 200 metru bħal ma sar fil-Kulleġġ tas-Subien San Benedetto f'Ħal Kirkop u fil-Kulleġġ tas-Subien Sant'Injazju f'Tal-Ħandaq. Rigward is-Sand Pit din ma kinitx fil-pjan però jekk jinstab spazju tista' tiġi implimentata.
Leg 11 PQ #25845 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Fondi Ewropej allokati għal Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 25281 dwar l-10% tal-allokazzjoni totali tal-fondi Ewropej għall-perjodu 2007 – 2013 li huwa allokat għal Għawdex, irrid l-ewwelnet niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li jiena mkien fil-mistoqsija tiegħi ma rreferejt għan-negozjati li l-Gvern kellu mal-Unjoni Ewropea dwar dawn il-fondi iżda għall-arranġament tal-Gvern Malti li jagħti lil Għawdex10% tal-fondi Ewropej. Għalhekk nitlob lill-Ministru twieġeb il-mistoqsija msemmija u tgħid jekk hijiex sodisfatta b’dawn l-arranġamenti u x’inhuma r-raġunijiet li jikkonvinċuha li 10% tal-fondi huma biżżejjed biex Għawdex jieħu dak li hu xieraq u mistenni, meta bl-10% tal-fondi Ewropej b’kollox, il-prodott domestiku gross ta’ Għawdex niżel minn 60% tal-medja Ewropea fl-2003 għal 58% fl-2008?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25281 m'għandha x'taqsam xejn mal-kontenut tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 25845.
Leg 11 PQ #25432 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul is-sena 2010, xahar b'xahar? Tista' tgħid ukoll xi grad kien kull impjieg? Kif sar l-ingaġġ, jekk hux b'sejħa pubblika jew mod ieħor?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23529.
Leg 11 PQ #25698 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Skola tax-Xewkija — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq parti mill-iskola tax-Xewkija biex tintuża bħala uffiċini relatati ma' back office tlestewx? Jekk le, għaliex? Meta mistenni li jitlestew? Meta mistenni li jiġi trasferit xogħol ta' back office ġdid minn Malta għal Għawdex? X'xogħol huwa mistenni li jiġi trasferit?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li diġà saru xi xogħlijiet fuq parti mill-iskola tax-Xewkija li se tintuża bħala uffiċini relatati ma' back office. Bħalissa qiegħda tiġi ppreparata l-offerta għax-xogħol li għad baqa' jsir fuq dan is-sit. It-tlestija ta' dawn ix-xogħlijiet tiddependi mill-eżitu ta' din l-offerta. Hemm il-ħsieb li dan is-sit jakkomoda x-xogħol ta' back office li hu relatat mas-sezzjonijiet tas-salarji tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u tad-Diviżjoni tas-Saħħa.
Leg 11 PQ #25700 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ħlasijiet ta' kuntratti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24639, tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu s'issa fuq kull kuntratt u kemm hemm flus kommessi għall-ħlas u għadhom ma tħallsux fuq kull kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #25723 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Ministeru għal Għawdex

Policies u programmi ta' żvilupp

Question

Tista' l-Ministru tagħti elenku ta' policies u programmi ta' żvilupp sostenibbli u komunitajiet sostenibbli li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tindika d-dipartimenti u l-aġenzji li huma responsabbli minn dawn il-programmi? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti li jiddiskrivu dawn il-policies u programmi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-programm dwar Żvilupp Sostenibbli adottat mill-Ministeru għal Għawdex wara li ġie approvat mill-Gvern u l-Parlament huwa l-Pjan t'Azzjoni għal Eko-Għawdex għas-snin 2010-2012. Id-Dipartiment responsabbli huwa d-Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (Strateġija u Sapport). Jiena nfurmata wkoll li d-dokument relattiv tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien mad-Diskors tal-Baġit 2010 fid-9 ta' Novembru 2009.
Leg 11 PQ #25765 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi — ilmenti fuq kumulu t'ilma

Question

Peress li sidien tal-ħwienet fix-Xlendi qed jilmentaw minħabba kumulu t'ilma quddiem l-istabbilimenti tagħhom u dan qed ikun kaġun t'inkonvenjent enormi anke għall-klijenti tagħhom, tista' l-Ministru tgħid x'se jsir biex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat minnufih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li minkejja li din il-problema ilha teżisti għal bosta snin, ix-xogħlijiet fuq il-bini mill-ġdid tat-Triq tax-Xlendi qed jieħdu inkonsiderazzjoni din il-problema sabiex dan l-inkonvenjent jittaffa kemm jista' jkun.
Leg 11 PQ #25584 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — rapport ta' ħidma

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' ħidma tat-tielet sena ta' din il-leġislatura?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' ħidma tal-Ministeru għal Għawdex għat-tielet sena ta' din il-leġislatura.
Leg 11 PQ #25609 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — vakanzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'vakanzi hemm fid-Dipartimenti, uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru u x'sejħiet jew applikazzjonijiet huma maħsuba li joħorġu fix-xahrejn li ġejjin?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li bħalissa għaddej eżerċizzju ta' capacity building għad-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex. Dan l-eżerċizzju għadu mhux konkluż.
Leg 11 PQ #25050 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — proġett tal-Biċċerija ġdida

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta l-proġett tal-Biċċerija ġdida f’Għawdex skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur, u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-proġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-proġett tal-Biċċerija f'Għawdex ma jinvolvix grant agreement ta' fondi mill-Unjoni Ewropea. Il-proġett huwa amministrat mid-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp. Dwar partijiet oħra tal-mistoqsija, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 25178/11.
Leg 11 PQ #25384 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trattat ta' Sħubija — Dikjarazzjoni dwar Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24508, fejn il-Ministru qalet “li huwa biss ladarba l-proposti jkunu ppublikati, wieħed ikun jista' jikkonferma jekk l-Istat Membru ta' Malta, li jinkludi l-gżejjer ta' Malta u Għawdex, hux ħa jibqa fi ħdan il-għan tal-konverġenza għall-perjodu post-2013? Jekk dan ma jkunx il-każ il-Gvern ser jagħmel talba biex isir studju dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta' Għawdex, qabel il-bidu tan-negozjati rigward il-perspettivi finanzjarji tal-Unjoni” tista’ l-Ministru tgħid kif tista’, bħala rappreżentanta tal-poplu Għawdxi, tirrikonċilja dak li qed tgħid fit-tweġiba tagħha ma’ dak li hemm imwiegħed fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew tal-2009 u ċioe’ li “ninsistu biex, kif hemm imniżżel fid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta' Sħubija, minn qabel il-programm il-ġdid ta' fondi mill-2014 'il quddiem, isir studju dwar il-ħtiġiet speċjali ta’ Għawdex sabiex Għawdex jegħleb l-insularità doppja u jibqa' jgawdi minn sehem xieraq ta' fondi mill-Ewropa”? Peress li f’din il-wegħda qed jiġi ddikjarat mingħajr riservi li “minn qabel il-programm il-ġdid ta' fondi mill-2014 'il quddiem, isir studju dwar il-ħtiġiet speċjali ta’ Għawdex sabiex Għawdex jegħleb l-insularità doppja u jibqa' jgawdi minn sehem xieraq ta' fondi mill-Ewropa”, tista’ l-Ministru tgħid għaliex mhijiex qiegħda żżomm ma’ din il-wegħda?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari numri 24177 u 24506.
Leg 11 PQ #25385 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Industrijalisti Għawdxin — fondi bħala sussidji mħallsa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24997, tista' l-Ministru tagħti l-informazzjoni mitluba fl-istess mistoqsija u tgħid kemm tħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti Għawdxin mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-lum biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż żejda li għandhom fuq trasport, eċċ? Kemm hu n-numru ta’ imprendituri li tħallsu? Għal liema snin kienu l-pagamenti? Għal kemm jammontaw it-talbiet pendenti li hemm biex jitħallsu? Għal liema snin huma?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li sa issa tħallsu €216,175 lil ħames kumpaniji għas-sena 2008 u li hemm talbiet pendenti minn tliet kumpaniji għall-perjodu 2008-2010, u ħames kumpaniji għall-perjodu 2009-2010. Dawn it-talbiet bħalissa qegħdin jiġu vverifikati biex ikunu jistgħu jsiru l-ħlasijiet.
Leg 11 PQ #25457 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Tourism Association

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24993 dwar ftehim bejn il-Ministeru tagħha u l-Gozo Tourism Association rigward impjieg ta’ Kap Eżekuttiv mal-Gozo Tourism Association, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi tal-ftehim imsemmi li issa mill-istess tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24993 jirriżulta li n-nefqa fuq dan il-ftehim tlaħħaq €320,000? Tista’ tispjega x’kienet l-urġenza biex il-persuna magħżula tiġi ngaġġata mill-istess data tal-ftehim?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi rigward il-ftehim imsemmi. Informazzjoni oħra relevanti mal-kuntratt ta' Kap Eżekuttiv mal-Gozo Tourism Association tista' tkun estratta minn tweġibiet preċedenti fuq l-istess każ.