Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Internal audits f'awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta’ dawk l-awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li:
a) għandhom
internal auditor
?
b) li għad m'għandhomx
internal auditor
?
ċ) f'każ ta' dawk li għandhom
internal auditor
jgħid kemm ilu li nħatar u min huwa?
d) filwaqt li jagħti raġuni għaliex m'hemmx
internal auditor
f’dawk l-entitajiet li s’issa għad m'għandhomx wieħed, jindika ukoll meta dan il-vojt mistenni jimtela'?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin m'għandu l-ebda awtorità, korporazzjoni u entità li taqa taħt id-dekasteru tiegħu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm huwa n-numru ta' ċittadini Maltin li għandhom ukoll ċittadinanza Amerikana?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' ċittadini Maltin li għandhom ukoll ċittadinanza Amerikana mhux magħruf.
Ninfurmah iżda li r-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza fil-każ ta' ċittadinanza doppja huwa li kull min javiċina lid-Dipartiment biex jiġi nfurmat jekk għandhux dritt li jżomm żewġ ċittandanzi, id-Dipartiment jikkonferma dan bil-miktub wara li jeżamina kull każ u wara li persuna tippreżenta d-dokumenti meħtieġa biex issir din il-konferma.
F'dan ir-rigward ninsab infurmat li d-Dipartiment informa lill 2064 persuna li jistgħu jżommu ċ-ċittadinanza Maltija flimkien ma' dik Amerikana (ta' l-Istati Uniti).
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijet Barranin jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ambaxxati, Ministeru u dipartimenti, dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-Ministeru matul l-2009 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ambaxxati, Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin matul 2009 hija ta' € 77,774.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni Maltin li talbu għajnuna minn xi ambaxxata Maltija wara li kien hemm proċeduri kriminali kontrihom barra minn Malta matul l-2009?
Response (BORG, TONIO)
Matul l-2009 kien hemm 22 talba ta' għajnuna minn persuni Maltin wara li kien hemm proċeduri kriminali kontrihom barra minn Malta.
Parlament Ewropew — sitt membru parlamentari osservatur
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W53, jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin iwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija u ċioe: x'pożizzjoni u x'passi ħa l-Gvern Malti minn Ġunju 2009 'l hawn biex jitħaffef il-proċess li bih Malta jkollha s-sitt Membru Parlamentari Ewropew skond kif maqbul fis-Summit ta' Diċembru 2008 bejn il-pajjiżi membri u wara li t-Trattat ta' Lisbona ġie fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru, 2009?
Response (BORG, TONIO)
Infakkar li kien Gvern Nazzjonalista li insista mall-bqija tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li l-għadd ta' Membri Parlamentari Ewropej Maltin kellu jkun aktar minn ħamsa. Għalhekk, sa mill-bidu nett tan-negozjati dwar it-Trattat il-ġdid, dan il-Gvern ħadem bla heda sabiex Malta jkollha s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew. Din il-ħidma għadha għaddejja u l-Gvern qiegħed ikompli jagħti attenzjoni kbira sabiex is-sitt membru Parlamentari Malti jkun jista' jieħu postu kemm jista' jkun malajr.
L-Onorevoli Interpellant irrefera speċifikament għal Ġunju 2009. Kif żgur jaf, f'dik id-data l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kienu għadhom għaddejjin bil-proċess ta' ratifika tat-Trattat ta' Lisbona. Nafu ukoll li kien hemm il-kwistjoni tat-tieni referedum fl-Irlanda li ried jgħaddi qabel wieħed seta' jgħid fiċ-ċert li dan it-Trattat kien se jidħol fis-seħħ. Minkejja dan kien hemm ħidma mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Gvern Spanjol fi Brussell sabiex ikun stabbilit il-mekkaniżmu ta' kif is-siġġijiet il-ġodda jistgħu jimtlew. Dan kien neċessarju minħabba il-proċeduri legali differenti fl-Istati Membri l-oħra li se jkollhom MPEs ġodda.
Il-Gvern Malti, flimkien ma' l-Istati Membri oħra li se jibbenefikaw minn żieda fin-numri ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew, wettaq xogħol intensiv f'laqgħat fuq diversi livelli fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex din il-kwistjoni tibqa' fuq l-aġenda fl-ogħla livell politiku, permezz ta' referenzi speċifiċi fil-Konklużżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2009, ta' Ottubru 2009, kif ukoll ta' Diċembru 2009.
Il-Kunsill tal-Ministri, fejn il-Gvern hu rappreżentat, issa qed jistenna r-risposta tal-Parlament Ewropew għall-proposta tal-Kunsill li l-Konferenza Inter-Governattiva, li trid issir biex tagħmel it-tibdil neċessarju fit-Trattat, tkun tista' titlaqqa mingħajr il-bżonn ta' Konvenzjoni. Jekk il-Parlament Ewropew jinsisti fuq il-Konvenzjoni, il-proċeduri biex jimtlew is-siġġijiet il-ġodda se jitwalu - fl-opinjoni tal-Gvern Malta - bla bżonn.
Regolamenti dwar iċ-Cinema u t-Teatru — draft cultural policy
Question
In vista ta' dak li qal il-Ministru f'intervista lill-ġurnal Malta Today li dehret il-ħadd 24 ta' Jannar 2010, limitatament dwar il-parti fejn wieġeb xi domandi dwar iċ-ċensura, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid:
a) għalfejn il-Ministru tal-Edukazzjoni ntalbet tispjega l-pożizzjoni tagħha fil-Kabinett?
b) x'inhi allura l-pożizzjoni li ħa l-Kabinett kollu dwar iċ-ċensura?
ċ) x'għandu xi jgħid dwar is-suġġeriment li hemm fid-draft policy kulturali li kkummissjona l-Gvern stess fis-sens li r-Regolamenti dwar iċ-Cinema u t-Teatru jinbidlu b'mod li ċ-ċensura li fi kliem id-draft cultural policy tikser id-dritt ta' l-espressjoni titwarrab u minflok tidħol sistema ta' age classification self-regulated taħt il-kappa tal-Kunsill ta' l-Arti u l-Kultura?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ntalbet tispjega xejn. Dik kienet il-pożizzjoni tagħha u tal-Kabinett, kif jiena semmejt fl-intervista.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda, diġà esprimejt x'inhi l-opinjoni tal-Gvern u anke tiegħi.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — nisa tqal li jaħdmu
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u jgħid kemm kien hemm talbiet f'dawn l-aħħar ħames snin, kull xahar separatament, ta' nisa Għawdxin tqal li jaħdmu fid-dekasteru tal-Ministru biex matul it-tqala tagħhom jiġu trasferiti proviżorjament f'Għawdex? Jista' jgħid meta ntlaqgħet kull talba mill-bord konċernat u jgħid meta ġie awtorizzat it-trasferiment proviżorju?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda talba matul dawn l-aħħar ħames snin fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, sabiex nisa Għawdxin jiġu ttrasferiti proviżorjament għal Għawdex, matul it-tqala tagħhom.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministu u Ministru tal-Affarijiet Barranin ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender documents sottomessi rigward proġetti finanzjati jew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea f'din l-aħħar sena?
Response (BORG, TONIO)
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ma ħareġ l-ebda tender rigward proġetti finanzjati jew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea matul din l-aħħar sena.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Informazzjoni dwar bordijiet
Question
Jista’l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma lill-Kamra tar-Rapprezentanti kif ġej:
a.Liema Bordijiet jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu?
b.In-numru ta’ diretturi fuq dawn il-bordijiet?
ċ.Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?
d.Kemm hemm
chairpersons
nisa fuq il-Bordijiet tal-Ministeru konċernat?
e.Kemm inħatru diretturi u
chairpersons
wara li saret sejħa għall-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi:
Il-Bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin huma dawn li ġejjin:-
1) L-Awtorità Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi
Komposta minn: Direttur wieħed (raġel) u tliet membri (irġiel)
2) Il-Kumitat ta' Inkjesta dwar Deprivazzjoni ta' Ċittadinanza Maltija
Kompost minn:
Chairman
(raġel) u tliet membri (mara u żewġt irġiel)
3) Bord ta' Sorveljanza dwar is-Sanzjonijiet
Kompost minn:
Chairman
(raġel) u tmien membri (tliet nisa u ħamest irġiel)
Ma saret l-ebda sejħa għall-applikazzjonijiet
Parlament Ewropew — sitt membru parlamentari osservatur
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'pożizzjoni u x'passi ħa l-Gvern Malti minn Ġunju 2009 l'hawn biex jitħaffef il-proċess li bih Malta jkollha s-sitt Membru Parlamentari Ewropew skond kif maqbul fis-Summit ta' Diċembru 2008 bejn il-pajjizi membri u wara li t-Trattat ta' Lisbona ġie fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru, 2009? Jista' jgħid fiex wassal dan il-proċess? Meta s-sitt Membru huwa mistenni jidħol bħala Membru Parlamentari Osservatur? Meta huwa mistenni li jsir Membru sħiħ tal-Parlament Ewropew?
Response (BORG, TONIO)
It-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009. Skond l-Artiklu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropeja, l-Gvern ta' kull Stat Membru, l-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jistgħu jissottomettu lill-Kunsill proposti biex jiġu emendati it-Trattati. Permezz ta' dan l-artiklu, u f'segwitu tal-konklużżjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008 u ta' Ġunju 2009, il-Gvern Spanjol ippreżenta abbozz ta' protokoll li jemenda il-Protokoll numru 36 dwar il-provvedimenti tranżitorji.
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, l-istess Kunsill iddeċieda li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni biex minnufih ikun eżaminat dan l-abbozz. Il-pass li jmiss jista' jiġi mniedi meta l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jkunu taw ir-risposta tagħhom. F'dan l-istadju l-Kunsill Ewropew ikollu jieħu deċiżjoni (b'maġġoranza sempliċi) favur l-eżami tal-emendi proposti. Jekk il-Parlament jilqa' l-għażla tal-Kunsill Ewropew li ma tissejjaħx laqgħa, il-Kunsill Ewropew għandu jabbozza t-termini ta' referenza għall-Konferenza Intergovernattiva, li tiġi msejħa mill-President tal-Kunsill bil-għan li jintlaħaq ftehim komuni fuq l-emendi li għandhom isiru fit-Trattati.
Mistenni li l-Konferenza Intergovernattiva tibda tiltaqa' għal Marzu 2010 bil-kundizzjoni li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jkunu taw ir-risposti tagħhom.
Każijiet tal-Inġustizzji tal-Kumitat magħżul tal-Kamra
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fejn wasal ix-xogħol fuq il-każijiet tal-Inġustizzji tal-Kumitat magħżul tal-Kamra li twaqqaf is-sena l-oħra b’termini li tissaħaħ id-demokrazija f’Malta? Kemm ilu ma jiltaqa’ dan il-Kumitat u għaliex? Billi ir-rapport fuq l-inġustizzji kellu jkun lest sa l-aħħar ta’ Ottubru tas-sena 2008, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif fejn wasal il-Kumitat fuq dan ix-xogħol sal-lum, iktar minn sena wara?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'hemmx Kumitat tat-tip imsemmi fil-mistoqsija parlamentari. Saru xi taħdidiet, barra mill-kuntest tal-Kumitat Magħżul, dwar dan is-suġġett.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta hu mistenni li jiġi diskuss is-Solid Waste Management Strategy Document tal-Gvern fil-Parlament kif imwiegħed mill-Ministru Pullicino, issa li ġie formalment approvat mill-Kabinett?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lil-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Persuni li siefru fuq xogħol uffiċjali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-persuni li siefru fuq xogħol uffiċjali matul is-sena 2009 mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Fejn kienet u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lil l-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu xi ambaxxati oħra barra minn Malta matul iż-żmien li ġej? Jekk iva, fejn?
Response (BORG, TONIO)
B'mod immedjat m' hemmx dan il-ħsieb; mhux eskluż iżda li bl-għajnuna tal-Malta Enterprise jinfetħu Konsolati f'xi bliet fl-Amerika Latina li jservu wkoll ta' Uffiċċju Kumerċjali tal-Malta Enterprise.
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti spjegazzjoni għaliex il-Gvern Malti għadu ma daħħalx fis-seħħ il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li anke l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità ħasset li għandha tittraduċi din il-konvenzjoni bil-Malti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità — implimentazzjoni
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jiddikjara l-pjanjiet tal-Gvern Malti għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità — implimentazzjoni
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hemmx xi ħaġa li qed iżżom lill-Gvern Malti mill-implimentazzjoni tal- Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabiltà?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru tal-Affarijiet barranin — skemu u inizjattivi għall-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-politika tal-ministeru tiegħu fejn jidħlu kunsilli lokali? X'kuntatt hemm bejn il-ministeru tiegħu u l-kunsilli lokali? X'inizjattivi/skemi għandu l-ministeru tiegħu vis-a-vis il-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Il-Ministeru ma għandu ebda inizjattiva/skema immirata speċifikament lejn il-Kunsilli Lokali. Ma dan kollu, il-Ministeru jagħti kull appoġġ lill-kunsilli lokali f'kuntatti li huma jkollhom, jew li jixtiequ jiżviluppaw, internazzjonalment.
Ġeneralment din il-ħidma issir tramita d-dipartiment responsabbli għall-kunsilli lokali.
Dan kollu isir fl'isfond tal-politika barranija ta' Malta, mmirata li tassigura relazzjonijiet b'saħħithom u mill-aktar wisa' ma pajjiżi oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti breakdown tal-ispejjeż fil-budget taħt l-item International Institute of Ageing?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispejjeż tal-International Institute of Ageing bejn Jannar u Ottubru 2009 kienu kif ġej:
Salarji € 98,603
Spejjeż rikorrenti € 30,348
Spejjeż fuq IT € 1,730