Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex persuna tingħata l-injection magħrufa bħala 'Ozempic' b'xejn mill-formularju?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel pass ta’ din l-istrateġija relatata mal- użu tal- GLP-1 agonists, huwa ffukat fuq pazjenti bid dijabete tat Tip II (T2DM) li qed jiffaċċjaw l-isfidi serji tal obeżità severa b’ Body Mass Index (BMI) ta’ 40 jew iktar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li bbenefikaw mill-injection Ozempic b'xejn, minn meta ddaħħlet fil-formularju?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta tħabbar f’April li għadda li l-Gvern jinsab fi stadju avvanzat sabiex jintroduċi terapiji bbażati fuq GLP-1 agonists, kompliet issir il-ħidma meħtieġa biex din l-inizjattiva titwettaq b’suċċess. Il-proċess ta’ implimentazzjoni sabiex dawn l-injezzjonijiet ikunu introdotti fil-formularju tal-Gvern għaddej b’mod strutturat u bl-isforzi kollha sabiex dan il-pass importanti, li mistenni jolqot madwar elfejn pazjent fil-fażijiet inizjali tiegħu, jitwettaq fl-iqsar żmien possibbli.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il koppja jew persuna single gawdiet mill-mediċini b’xejn tal-IVF?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn din il-miżura tar-Rifużjoni tal-mediċini preskritti għall-proċeduri ta’ Riproduzzjoni Medikament Assistita, ibbenefikaw 2322 ġenituri prospettivi.
IVF – Mediċini b’xejn – Introduzzjoni u investiment allokat
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ġew introdotti l-mediċini b’xejn tal-IVF u x’investiment alloka dan il-Gvern fuq dawn il-mediċini, sena b’sena minn meta bdew jiġu offruti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rifużjoni tal-Medicina tal-IVF daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2022 għal ġenituri prospettivi li kienu jagħmlu l-proċeduri tal-IVF ġewwa MDH ART Clinic. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2023 żdiedu ukoll il-proċeduri medikament assistiti li kienu qed isiru fi kliniċi Maltin liċenzjati u reġistrati.
Ir-rifużjoni tal-mediċini tammonta għal total ta’ €4,600.564.50, maqsuma kif ġej:
2022 - €384,262.18
2023 - €646,745.28
2024 - €916,902.81
2025 - €1,849.636.19
2026 - €803,018.04 (Jannar sa Ġunju)
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm żdied il-persentaġġ ta’ twelid permezz tal-IVF mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam dawn iċ-ċifri maħruġa sena b’sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żieda fil-persentaġġ ta’ twelid minn proċeduri tal-IVF mill-2013 sas-sena 2025 hija ta’ 25.01%. Dan għaliex fl-2013 meta saru l-ewwel proċeduri tal-IVF regolati, it-Take Home Baby Rate kienet 18%, u fl-2025 it-Take Home Baby Rate issa hija 45.01%.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi t-take home baby rate mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam dawn iċ-ċifri sena b’sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-National Take Home Baby Rate mill-2013 sas-sena 2025 hija kif indikat hawn taħt:
2013 – 18.00%
2014 – 18.90%
2015 – 18.79%
2016 – 20.15%
2017 – 16.78%
2018 – 18.70%
2019 – 17.74%
2020 – 15.44%
2021 – 20.62%
2022 – 26.64%
2023 – 26.59%
2024 – 35.72%
2025 – 45.01%
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twieldu trabi permezz ta’ donazzjoni ta’ gameti, u jaqsam dawn iċ-ċifri skont l-istejjer ta’ suċċess minn donazzjonijiet ta’ oocytes u spermatozoa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil-Onor. Interpellanta li d-donazzjoni tal-gameti ġiet fis-seħħ fl-2018, u minn dakinhar twieldu total ta’ 88 tarbija permezz ta’ gameti donati, skond kif jidher hawn taħt:
51 tarbija bl-użu ta’ donor sperm
30 tarbija bl-użu ta’ donor oocytes u
7 trabi li twieldu bl-użu kemm ta’ donor sperm u ta’ donor oocytes.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twieldu trabi permezz tal-IVF minn koppji tal-istess sess?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil-Onor. Interpellanta li d-donazzjoni tal-gameti ġiet fis-seħħ fl-2018, u minn dakinhar twieldu 44 tarbija lill-koppji femminili tal-istess sess.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru spezzjonijiet fi djar tal-anzjani biex jaraw li għadhom up to standard?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani bejn Jannar u Ġunju tal-2026 għamlet total ta’ 807 spezzjonijiet fid-djar tal-anzjani.
Ministeru għas-Saħħa – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liema sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kif ser tissaħħaħ il-kura fil-komunità fir-rigward tas-saħħa mentali biex tkun eqreb aktar lejn iċ-ċittadin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru għas-Saħħa qed ikompli jsaħħaħ il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità bħala parti mill-viżjoni li joffri servizzi aktar aċċessibbli, integrati u ffukati fuq il-ħtiġijiet tal-individwu, qrib il-post fejn jgħix.
F’dan il-kuntest, beda l-proċess biex jinfetħu tliet Ċentri Reġjonali ġodda għas-Saħħa Mentali, li se jkunu ċentri integrati ta’ kura multidixxiplinarja qrib il-komunità. Dawn se joffru valutazzjoni, trattament, intervent bikri, segwitu kliniku u appoġġ terapewtiku, sabiex il-persuni jirċievu l-kura meħtieġa f’waqtha u kemm jista’ jkun qrib ta’ darhom. Fl-istess waqt, il-Ministeru qed ikompli jsaħħaħ il-koordinazzjoni bejn is-servizzi tas-saħħa mentali, il-kura primarja, is-servizzi soċjali u entitajiet oħra relevanti, biex il-kura tkun aktar integrata, kontinwa u ċċentrata fuq il-persuna.
Dawn il-miżuri jiffurmaw parti minn strateġija nazzjonali li tnaqqas id-dipendenza fuq il-kura istituzzjonali, tippromwovi intervent bikri u rkupru fil-komunità, u tagħmel is-servizzi tas-saħħa mentali aktar aċċessibbli, effettivi u qrib iċ-ċittadin.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjanijiet għandu l-Ministeru tas-Saħħa biex isaħħaħ l-għarfien u l-‘life skills’ fir-rigward tas-saħħa mentali fil-ħajja ta’ kuljum, speċjalment minn żmien bikri tal-ħajja tal-individwi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru għas-Saħħa qed ikompli jimplimenta miżuri konkreti, allinjati mal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali, biex jissaħħu l-promozzjoni tas-saħħa mentali, l-iżvilupp tal-life skills u r-reżiljenza, b’enfasi fuq prevenzjoni u intervent bikri.
Fost oħrajn, is-servizz għas-saħħa mentali joffru screening mentali perinatali għall-ommijiet u s-sieħba tagħhom, li jkompli fl-ewwel snin tat-tarbija permezz ta’ profess-jonisti tas-Saħħa Mentali. Dan jippermetti identifikazzjoni bikrija u appoġġ kliniku fejn meħtieġ.
Fuq livell edukattiv, il-programm Mental Health First Aid qed jiġi implimentat b’mod sistematiku fid-disa’ sena u fost l-edukaturi f’kull tip ta’ skola. Il-korsijiet qed jiġu estiżi wkoll permezz tal-Kunsilli Lokali sabiex jiżdied l-aċċess tal-komunità għal għarfien u ħiliet essenzjali.
Fil-futur qarib ser jiġi ffirmat Memorandum of Understanding ‘Maximize Mental Health and Well-being and Build Resilience in Children’ bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, li jsaħħaħ il-promozzjoni tas-saħħa mentali fit-tfal permezz ta’ programmi ta’ għarfien, intervent bikri u attivitajiet ta’ reżiljenza, kif ukoll permezz ta’ kollaborazzjoni aktar strutturata bejn is-servizzi tas-saħħa mentali u l-iskejjel.
Barra minn hekk, beda l-proċess biex jinfetħu tliet Ċentri Reġjonali ġodda għas-Saħħa Mentali, li se jkunu ċentri integrati ta’ kura multidixxiplinarja qrib il-komunità, sabiex jissaħħu l-aċċessibbiltà, il-kontinwità u l-koordinazzjoni tas-servizzi tul il-ħajja.
Dawn il-miżuri jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-prevenzjoni, l-għarfien u r-reżiljenza mentali b’mod konsistenti u sostenibbli.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jipprovdi r-rapport annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għas-snin 2024 u 2025 u jqiegħed kopja tal-istess rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li l-Kumissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżordni Mentali se jgħaddili r-rapport annwali ta’ ħidma ta’ l-uffiċju tiegħu għas-sena 2024 fi żmien ħmistax oħra. Ix-xogħol fuq ir-rapport ta’ ħidma għas-sena 2025 għadu għaddej minħabba analiżi tad-data tal-pazjenti kollha li rċievew il-kura b’mod involuntarju.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-waiting list ta' anzjani li qed jistennew biex jidħlu ġo dar tal-anzjani?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 1,666 anzjan li applika u qed jistenna biex jidħol f’dar tal-anzjani f’Malta, filwaqt li hemm 89 individwu li qed jistenna biex jidħol San Vinċenz de Paul.
Saħħa pubblika – Infermiera – Transfers – Waiting list
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-waiting list għal transfers ta' infermiera minn post tax-xogħol għall-ieħor fis-settur tas-saħħa pubblika?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex isir refurbishment taċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana u meta se jsir dan?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm pjan sabiex is-servizzi li bħalissa jingħataw miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana jiġu rilokati fiċ-Ċentru ta’ Boffa, wara li dan jiġi rranġat u refurbished sabiex ikun jista’ jilqa’ dawn is-servizzi. Infurmat li dan il-proċess diġà beda.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-Epipens li kellhom ikunu 'available' għat-tfal u l-kbar minn ftit xhur ilu, humiex out of stock? Jista’ jgħid ukoll f'liema ġranet f'Mejju u Ġunju kienu out of stock?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm stokk disponibbli ta’ adrenaline auto-injector pre-filled pens kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal. Minn mindu ġew introdotti l-adrenaline auto-injectors, l-ebda wieħed minn dawn l-auto-injectors qatt ma kien nieqes mill-istokk tas-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU), u d-dipartimenti involuti ġew fornuti bl-istokk kif meħtieġ fix-xahrejn imsemmija.