Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet ta’ sanctioning

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5435 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ bini illegali li ġie sanctioned mis-sena 2013 sal-lum? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sanzjonar hu varjat ħafna u l-perjodu indikat jinvolvi mal-kważi 2,000 każ li lkoll huma pubblikament u faċilment aċċessibbli għal kulħadd. Għaldaqstant, ladarba t-talba tiegħu tittratta l-aħħar għaxar snin sħaħ, nitolbu jkun aktar speċifiku.

Awtorità tal-Ippjanar –enforcement notices f’San Ġiljan

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5547, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ enforcement notices li ħarġu f’San Ġiljan fuq bini/żvilupp mhux skont dak li kien approvat u jgħid s’issa x’passi ttieħdu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu tat-tagħrif mitlub.

Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm laqgħat li kelli nattendi fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħala Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar mill-bidu tas-sena sal-lum.

Ġbir tal-ilma tax-xita fil-bjar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5434, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li verament inbnew il-bjar kif ikunu approvati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu tat-tagħrif mitlub.

Imtarfa – permess għal antenni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx permessi għall-antenni li twaħħlu u/jew se jitwaħħlu fl-Imtarfa biex jittrasmettu TV u 5G?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onorevoli interpellant jispeċifika it-tip t’antenni li qed jistaqsi dwarhom. Filwaqt li ninforma li Klassi 7 (Żvilupp li għandu x’jaqsam mat-telekomunikazzjoni) ta’ l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp (L.S. 552.08) tipprovdi li: “(i) It-tqegħid, manutenzjoni jew alterazzjoni ta’ kwalunkwe tagħmir tat-telekomunikazzjoni sakemm l-iżvilupp ma jinsabx f’ODZ jew fi proprjetà skedata. Sakemm l-iżvilupp ma jinkludix – (a) it-tlugħ ta’ bini jew bidliet f’xi bini; jew (b) l-introduzzjoni ta’ arbli biex iġorru wiring ’l fuq mill-art u, jew strutturi ogħla minn għaxar metri biex isostnu dan it-tagħmir permess; jew (ċ) ħsara diretta jew indiretta lil xi bini eżistenti li huwa skedat jew monumenti, fdalijiet arkeoloġiċi li jinkludu xeltrijiet sotterani, ġwiebi, mini tal-ilma, ħitan tas-sejjiegħ u paviment tal-ġebel.” ma jirrikjedix permess formali ta’ żvilupp.

Diviżjoni tax-Xogħlijiet – xogħol għall-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7084 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6862 dwar xogħol għall-kunsilli lokali mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li qed jitwettqu bħalissa bil-mod kif indikat fir-risposta, kemm fejn ix-xogħol qed isir kollu mid-dipartiment, kif ukoll fejn il-kunsill qed jipprovdi l-materjal?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Diviżjoni tax-xogħlijiet – xogħol għall-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7085 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6862 dwar xogħol għall-kunsilli lokali mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu x-xogħlijiet li saru bil-modi indikati fit-tweġiba għas-sena 2022?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Għawdex — Stallel ta' Żwiemel - applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni ta' stallel taż-żwiemel jew inkella bdil ta' użu jew sanzjonar ta' stallel taż-żwiemel ġewwa Għawdex fl-aħħar għaxar snin u f'liema lokalità? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm minnhom għadhom pendenti jew sospiżi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp, għal bini jew estensjoni ta' stalel taż-żwiemel jew inkella bdil ta' użu għal stalel jew sanzjonar ta' stalel taż-żwiemel ġewwa Għawdex li ġew ikkonfermati bħala applikazzjonijiet kompluti bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u 31 ta’ Diċembru 2022 għal kull lokalità, sas-16 ta’ Marzu 2023.

Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — karozza uffiċjali u allowance minflok is-second car tiegħu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6207, ladarba l-Ministru ddikjara li mhux qed juża s-second car, jista’ jgħid kemm hu l-allowance li qed jieħu minflok l-użu ta’ din il-karozza?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba numru 36589 li ngħatat nhar il-25 ta’ Settembru tal-2012 tal-Leġiżlatura XI.

Applikazzjonijiet ta’ sanctioning

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392 dwar bini illegali li ġie sanctioned, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet mill-2013 sal-lum?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari se titwieġeb f’seduta oħra.

Servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar/Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar u/jew lill-Ministru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn id-dokumenti: 1. termini ta’ riferiment għal reviżjoni ta’ servizzi reżi; 2. ftehim/jew kuntratti; 3. invoices u riċevuti in konnessjoni tas-servizzi reżi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu, kif diġà ġie mitlub fil-mistoqsija parlamentari 4813.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

BCA – persuni responsabbli mill-assessjar ta’ method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni li huma responsabbli mill-assessjar ta’ method statements sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) humiex periti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-persuni li huma responsabbli mill-assessjar ta’ method statements sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) huma periti.

BCA – dewmien fl-għoti ta’ clearances

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dewmien fil-ħruġ ta’ clearances mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) huwiex minħabba nuqqas fin-numru ta’ individwi li jagħmlu assessjar tal-method statements?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-BCA tipproċessa l-Method Statements skont regoli stabbiliti. Meta Method Statement ikun sottomess kif meħtieġ, il-clearance jinħareġ mingħajr ma jkun hemm talba għal reviżjoni.

BCA – tender method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) toħroġ tenders biex il-proċess ta’ assessjar tal-method statements sottomessi lill-istess BCA jkun outsourced?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minħabba li l-method statement huwa dokument tekniku magħmul minn perit, dan jirrikjedi persuni tekniċi u kwalifikati (Periti) biex jivverifikaw jekk l-istess dokument jissodisfax ir-rekwiżiti li joħorġu mis-SL 623.06. Għaldaqstant minħabba li l-Awtorità għandha perit wieħed ingaġġat magħha, l-uniku mod kif l-istess Awtorità tista’ taqdi l-funzjoni kif deskritta f’regolament 12(a) u 12(b) ta’ Leġiżlazzjoni Sussidjarja 623.06, b’mod effettiv huwa billi dan il-proċess ikun ‘outsourced’.

Azzjoni ta’ infurzar minħabba ksur ta’ permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjonijiet effettivi qed jittieħdu fir-rigward ta' azzjoni ta' infurzar EC/00169/22 minħabba ksur tal-kontroll tal-ippjanar dwar permess PA/07319/18, partikolarment dwar iċ-ċilindri tal-gass li qed jitħallew barra, il-madum li twaħħal kontra l-permess, u umbrelel ’il barra miż-żona allokata għall-imwejjed u s-siġġijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-avviż ta’ infurzar bin-numru EC/0169/22 maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar huwa soġġett għal multa għal kull ġurnata li tibqa’ tiddekorri sakemm l-iżvilupp illegali jitneħħa jew jiġi sanzjonat jew regolarizzat b’permess ta’ żvilupp. Peress li sar appell mid-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni ta’ żvilupp PA1337/22, l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tipproċedi b’azzjoni ulterjuri fuq l-avviż ta’ infurzar EC/0169/22 minħabba l-provvedimenti tal-artikolu 97(8) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552). Madankollu, jekk hemm periklu fuq is-sit minħabba ċilindri tal-gass, dan mhux fil-kompetenza tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tieħu azzjoni. Tali konsiderazzjoni għandha tiġi riferuta lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Pulizija, jew lill-awtoritajiet tas-saħħa. Azzjoni tista’ wkoll tittieħed minn awtoritajiet oħra bħalma huma Transport Malta u l-Awtorità tal-Artijiet, li mhumiex miżmumin milli jieħdu azzjoni bl-artikolu 97(8) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552).

Il-Furjana – ġonna Sir Luigi Preziosi u Vilhena – assistenza għaż-żamma tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Furjana jiġi assistit u l-Ġonna Sir Luigi Preziosi u Vilhena jiġu miżmuma aħjar billi għandhom bżonn kura?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Mosta – uffiċċju tas-servizzi soċjali – rinnovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa prevvist li jitlesta x-xogħol ta’ rinnovar li għaddej bħalissa fl-uffiċċji tas-Servizzi Soċjali fil-Mosta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellanta tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

BCA – persuni responsabbli mill-assessjar ta’ method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li huma responsabbli mill-assessjar ta’ method statements sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u x’inhuma l-kwalifiċi tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.