Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liċenzja tal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32139 u jgħid jekk jirriżultax li l-gvern se jerġa' jgħolli l-liċenzja tal-kaċċa għal din is-sena? Jekk fl-affermattiv, kemm se tkun tiswa din il-liċenzja?

Response (DEMARCO, MARIO)

Infurmat illi l-pulizija hi responsabbli mill-ħlas tal-liċenzja tal-kaċċa għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Tiġdid tal-liċenzja tal-kaċċa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32138 u għall-intervent tiegħu fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari tas-Seduta 451, dwar it-theddid lejn il-biodiversità, jista' l-Ministru jinformani jekk kawża tar-raġuni ta' dan it-theddid humiex temporanjament sospiżi l-liċenzji tal-kaċċa u nsib fil-mument?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — tnaqqis mill-budget

Question

B’referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 32236, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat, skont kif elenkat u provdut fil-line items tal-estimi li jitqassam mad-diskors tal-budget, taċ-ċifri globali ppreżentati fl-imsemmija tweġiba?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

cruise liners li żaru lil Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm cruise liners żaru Għawdex kull xahar matul l-2011? X’inhuma l-ismijiet tagħhom? Kemm kien hemm passiġġieri fuqhom? Kemm minnhom niżlu l-art? Kemm cruise liners mistenni jżuru Għawdex xahar xahar matul l-2012? X’inhuma l-ismijiet tagħhom? Kemm jista’ jġorr passiġġieri kull wieħed minnhom?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — impjegati self employed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

MEPA — formula tal-NSO għal applikazzjoni ta' żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala għal ċerta applikazzjonijiet għall-iżvilupp, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed titlob li tiġi sottomessa ukoll il-formula tal-NSO?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32252 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

irranġar ta' sandy beaches

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan li kien sar fuq it-turiżmu meta l-Onor. Francis Zammit Dimech kien Ministru u fost il-proposti li kienu saru kien intqal li kull sena għandhom jiġu rranġati tliet sandy beaches? Jista' jgħid x’sar minn dan il-pjan?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta ħadmet fuq numru ta’ proposti għall-bajjiet ġodda jew beach replenishments fis-snin li għaddew. L-Awtorita’ tat-Turiżmu rnexxielha tlesti żewġ bajjiet dawk ta’ San Ġorġ u perched beach ġewwa Buġibba. Illum dawn huma Blue Flag Beaches, jiġifieri internazzjonalment konoxxuti li jirrispettaw l-aspett ekoloġiku filwaqt li joffru esperjenza lil min jużahom. Numru ta’ proġetti oħrajn ma setgħux jitkomplew minħabba li l-istudji wrew li l-impatt ekoloġiku ma kienx favorevoli. Bħalissa għaddejjin studji fuq il-Bajja tax-Xemxija. Il-politika tat-Turiżmu l-ġdida titkellem ukoll fuq il-ħtieġa li nużaw il-kosta kollha nkluż il-kosta fejn m’hemmx ramel. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Pjan mitlub mill-Onor Interpellant.

direttivi u liġijiet konnessi mal-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31869 u jgħid eżatt f’liema direttivi u liġijiet Ewropej konnessi mal-ambjent, pajjiżna ma laħħaqx mal-implimentazzjoni rikjesta u mitluba minnha? Fir-rigward ta’ dawn id-direttivi u liġijiet, jista' jelenka l-isem u n-numru ta’ liġi Maltija fejn kull waħda minnhom tapplika?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

pre infringements, infringements, u final notices relatati mal-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31868 u jgħid kemm-il ittra ta' pre infringements, infringements, u final notices irċieva l-Gvern Malti relatati mal-ambjent? Xi pjanijiet għandu l-Gvern Malti biex Malta ma tittellax quddiem il-European Court of Justice?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Informazzjoni dwar niċeċ u statwi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandhiex l- informazzjoni kollha dwar niċeċ u statwi li għandna f'kull belt u raħal f'Malta?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA għandha biss lista ta' dawk in-niċeċ u statwi li ġew skedati s'issa.

Enforcement Notice

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32175 u cioè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31417, issa li l-perjodu ta' ħmistax-il ġurnata kif imsemmi fir-risposta għadda, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħdu l-Enforcement Directorate dwar dan il-każ?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Marfa Action Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq il-kmamar tal-Armier li nbnew qabel l-1992? Jista' jgħid x'inhi l-pożizzjoni fuq il-Marfa Action Plan li kien inħareġ fl-2002 mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — inizjattivi ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema inizjattivi ta' restawr ittieħdu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-aħħar snin? F'dawk li huma skemi, bħal dik tar-restawr tal-gallariji, jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li s'issa bbenefikaw minn din l-iskema? Minn liema bliet/irħula kienu ġejjin dawk li bbenefikaw, u kemm kienet in-nefqa f'sussidji li saret s'issa?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA matul dawn l-aħħar snin nidhiet l-iskema għar-restawr tal-gallariji tradizzjonali tal-injam 8 darbiet. B'kollox ibbenefikaw 1028 applikant u l-ispiża totali tammonta għal €957,838. L-aħħar skema li tnidhiet (2007) kienet tapplika għaż-Żoni ta' Konservazzjoni Urbana tal-lokalitajiet kollha u dawk il-binjiet skedati. It-tabella anessa tindika l-ammont ta’ benfiċjarji, l-ammont totali ta' fondi u l-lokalitajiet fejn kienet tapplika kull skema. Barra minn hekk, matul din is-sena, il-MEPA, flimkien mal-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment u mal-Ministru tat-Turizmu, Ambjent u Kultura, nidhiet ukoll l-iskema 'Investi f' Darek' għal dawk il-binjiet li huma skedati bħala Grad 1 jew Grad 2 jew li qiegħdin fiz-Zona ta' Konservazzjoni Urbana. Din l-iskema għada kif tħabbret fis-sbatax ta' Frar 2012 u s'issa kienu sottomessi ammont żgħir ta' applikazzjonijiet li għadhom fil-proċess ta' validazzjoni. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jagħlqu fl-aħħar ta' Ġunju 2012. Apparti dawn l-iskemi, il-MEPA tipprovdi fondi għar-restawr mill-programm EIPP. Proġetti ta' restawr li bbenefikaw minn dan il-programm huma dawn: 1. Restawr tal-Fortizza ta Sant'Antnin il-Qala Għawdex li jammonta għal €55,900 2. Waterproofing f'Lascaris War Rooms il-Belt Valletta li jammonta għal €97,000 3. Xogħol ta' nterpretazzjoni Ambjentali fl-inħawi ta Ġebel Ciantar (limiti tas-Siggiewi) li jammonta għal €11,650 4. Xogħol ta' rijabilitazzjoni u restawr fl-inhawi ta’ Għar il-Kbir (limiti tas-Siġġiewi) li jammonta għal €11,650

binjiet storiċi qed jiġu restawrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema binjiet storiċi qed jiġu restawrati bħalissa, permezz ta' għajnuna mill-Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu? F'liema lokalità jinsabu dawn il-binjiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — fortizzi storiċi reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-fortizzi storiċi li huma reġistrati mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'Malta u f'Għawdex?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA ma żżomx reġistru ta' fortizzi, imma tiġbor inventarju għal fini ta' skedar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi il-fortizzi li s'issa ġew skedati mill-MEPA

MEPA — applikazzjoni mhix proċessata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjonijiet bħal din, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilhom minn Mejju 2011 ma jiġu proċessati għalkemm kienet ittieħdet id-deċiżjoni li dawn l-applikazzjonijiet jiġu proċessati Malta minflok Għawdex?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet kollha li jaqgħu fiż-Żoni ta' Konservazzjoni Urbana f'Għawdex, qed jinħadmu Malta. Fil-fatt diversi minn dawn l-appikazzjonijiet diġà tlesta l-proċess u ngħataw deċiżjoni. Rigward l-applikazzjoni in kwistjoni din qiegħda tiġi pproċessata u se titla’ għal deċiżjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Id-Direttorat għandu tħassib dwar in-nuqqas ta’ aċċessibilità għal kullħadd kif tirrikjedi l-liġi u fuq xogħlijiet li diġà saru mingħajr permess.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — kuntratti għall-ingaġġ ta' skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ ta’ Malta tat-Turiżmu ħarġet żewġ kuntratti ta’ skrivani bir-rata ta’ €7 fis-siegħa. L-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma taw l-ebda kuntratt għal servizz ta’ skrivani.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li tnaqqas mid-dekasteru tiegħu bħala parti miż-0.59% mnaqqsa mill-budget għas-sena 2012? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-ammonti u liema huma l-line items?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Lukandi f'San Pawl il-Baħar u Mellieħa — skemi mill-MTA

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm lukandi li jinsabu fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba u Qawra) li talbu biex jingħataw għajnuna mill-iskemi mħabbra mill-Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu għal dan it-tip ta' għajnuna?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Iskema tat-Turiżmu Sostenibbli għall-Intrapriżi hija skema taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għat-Turiżmu, Kultura u Ambjent. Inħargu tliet sejħiet taħt din l-iskema li fihom kien hemm 31 lukanda li jinsabu fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar li tefgħu applikazzjoni għall-fondi.