Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann — Triq Taż-Żwejt - dawl

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8204 u jgħid għalfejn qatt ma reġa’ ġie installat id-dawl tat-triq fi Triq taż-Żwejt, f’San Ġwann, wara li dan tneħħa mill-kuntrattur waqt li kienet qiegħda ssir it-triq? Peress li sal-lum din it-triq għadha mingħajr dawl, jista’ jieħu passi biex jerġa’ jkun installat id-dawl f’din it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija ma għamlet l-ebda intervent fuq id-dawl tat-triq waqt li kienu qegħdin isiru x-xogħlijiet fi Triq taż-Żwejt.

Naxxar – Triq Sir Harry Luke — asfaltar tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun konkluż ir-resurfacing ta’ parti minn Triq Sir Harry Luke, fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, fi Triq Sir Harry Luke, Naxxar, għaddejjin b’xogħlijiet ta’ trinek taħt is-superviżjoni ta’ arkeologu, kif irrakkomandat mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, kif ukoll ma’ kuntrattur speċjalizzat maħtur mill-entità tal-ilma sabiex jitneħħa materjal eżistenti ta’ asbestos. Bħalissa għaddej xogħol f’parti tat-triq bejn Ta’ Ħaġrat u Triq Fisher, fejn hu previst li jingħata l-asfalt lejn l-aħħar ta’ Lulju.

Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8289, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jagħti ħjiel dwar meta se jinħatru l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet peress li ma jirriżultax li qatt ġew appuntati xi persuni biex jikkomponu dan il-Bord minn mindu twaqqaf diversi snin ilu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet għadu fil-proċess biex jiġu maħtura l-membri tal-Bord.

Personalised Reserved Parking Bays – każ ta’ individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5676, fejn il-Ministru kkwota l-policy li tippermetti “Personalised Reserved Parking Bay għax-xhur tas-sajf biss”, jista' l-Ministru jara jekk tistax issir reviżjoni tal-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li l-applikant ibati minn kundizzjoni tas-saħħa rari u għandu bżonn parkeġġ riservat fix-xhur tas-sajf biss, u anke peress li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda għax Transport Malta infurmawh li ma teżistix tali policy?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rrevediet il-każ u pproċessat mill-ġdid l-applikazzjoni u t-talba sabiex isir parkeġġ riservat fix-xhur tas-sajf. Infurmat li din it-talba ġiet aċċettata u x-xogħol għandu jsir fil-jiem li ġejjin.

Promenade ta’ Tas-Sliema bejn ix-Chalet u Qui-Si-Sana – periklu fil-pedamenti

Question

Fid-dawl li bħalissa fil-pedamenti tal-Promenade ta’ Tas-Sliema bejn ix-Chalet u Qui-Si-Sana hemm periklu li jista’ jwassal għall-kollass tal-imsemmi promenade ta’ Tas-Sliema f’dik iż-żona, jista' l-Ministru: a. jgħid jekk sarux xi studji professjonali li jiddeterminaw l-istat tal-pedamenti msemmija u jekk le, għaliex dan ma sarx immedjatament meta wieħed jara li ġie enfasizzat il-periklu imminenti; b. jikkonferma jekk hemmx xi periklu imminenti li l-imsemmija promenade tiġġarraf; u ċ. jikkonferma l-periklu, u jagħti spjega lill-Kamra ta' x'miżuri se jittieħdu u meta se jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà tan-nies li jimxu/jiġru fuq il-promenade, u jgħid meta se jsiru t-tiswijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8745 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Għadira — postijiet ta’ parkeġġ qabel ma bdew ix-xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet ta' parkeġġ disponibbli qabel ma bdew ix-xogħlijiet fit-toroq fl-Għadira u kemm se jkunu disponibbli wara li jsiru x-xogħlijiet, eskluż il-parkeġġ il-ġdid ħdejn il-lukanda tal-Bajja tal-Mellieħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel riferenza għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 4986. Fil-preżent, fit-toroq fl-Għadira, hemm madwar 130 postijiet ta' parkeġġi u hu previst li l-ammont ta’ parkeġġ ser jibqa' l-istess wara li jitlesta l-proġett. Fil-proġett il-ġdid ser ikun hemm 5 parkeġġi għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.

Bormla – landing place tal-ferry

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5594 u 6943 dwar il-landing place għall-ferry f’Bormla, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm milli jibda jintuża?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit hu lest imma waqt it-trial run intalbu xi modifiċi mill-operatur. Bħalissa qed tinħadem tender addizzjonali skont it-talba tal-operatur biex b’hekk meta jibda jintuża s-sit ma jkun hemm l-ebda riskju għall-passiġġieri.

Transport Malta — talbiet għal berth fil-marinas

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5141 u jgħid kemm hu l-ammont ta’ talbiet li hemm fuq il-waiting list għal berth fil-marinas tagħna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha u ma topera l-ebda Marina imma timmaniġġja numru ta’ mollijiet u puntuni fejn id-dgħajjes jorbtu poppa l-art, kif ukoll allokati mazzri mifruxin f’żoni allokati u assenjati mifruxin f’lokalitajiet differenti. Bħalissa għal Malta hemm total ta’ 3819 applikazzjoni għal mazzri u total ta’ 282 applikazzjoni għall-irbit ma’ puntuni u mollijiet poppa l-art. Għal Għawdex hemm 14-il applikazzjoni għall-mazzri u 454 applikazzjoni għall-irbit ma’ puntuni u mollijiet poppa l-art.

Birgu – triq fejn il-Fortini – manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq ta’ ħdejn il-Fortini, fil-Birgu, hux se tiġi rranġata peress li parti minnha sfrondat u qed tkun ta’ periklu għas-sewwieqa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni minn uffiċjali ta’ Infrastructure Malta u din it-triq se tkun inkluża fil-programm ta’ manutenzjoni.

Mellieħa – Triq Tabib Joseph Grech — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu finalizzati x-xogħlijiet fi Triq it-Tabib Joseph Grech, fil-Mellieħa? Jista' jgħid ukoll jekk il-fondi li ġew ivvutati għal dan ix-xogħol għadhomx disponibbli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq it-Tabib Joseph Grech ser tinbena wara li jitlestew ix-xogħlijiet meħtieġa ta’ servizzi taħt l-art mill-entitajiet rispettivi.

Ħaż-Żabbar – Triq Ġanni Bonavia – xogħlijiet fuq triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titkompla l-kumplament ta’ Triq Ġanni Bonavia ġewwa Ħaż-Żabbar, fejn huwa meħtieġ li jitlestew ukoll is-servizzi tad-drenaġġ u l-ilma?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq Ġanni Bonavia, Żabbar hemm xogħol għaddej. Infrastructure Malta ser tkun qed tintervjeni wara li dawn ix-xogħlijiet ikunu kompluti.

Ħaż-Żabbar – Triq Bormla – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Bormla, f’Ħaż-Żabbar, u kemm huwa previst li se jdum għaddej dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq Bormla, Żabbar jikkonsisti f’bini mill-ġdid tat-triq. Qed isir bdil ta’ servizzi inkluż potable, drenaġġ, u telekominikazzjoni. Qiegħed isir ukoll xogħol fuq Storm Water Culvert ġdid li ser ikun l-ewwel fażi minn xogħol estensiv li għad jrid jitkompla aktar 'l isfel . Dan l-iStorm Water Culvert ser ikun imqabbad mal-kumplament tal-Culverts li hemm ġo Triq il-Kunvent, liema sistema taqbad ma’ NFRP. Ix-xogħol għaddej b’ritmu tajjeb u hu previst li jkun lest sal-aħħar ta’ Ġunju.

Ix-Xgħajra – Triq ix-Xatt (Żona tal-Milord) — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entità fil-Ministeru tiegħi m’għandha xogħol previst f’din it-triq.

Ħad-Dingli — Trejqet is-Sagħtar – nuqqas ta’ dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi installat dawl fi Trejqet is-Sagħtar, f’Ħad-Dingli, liema problema ġiet diskussa waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli tal-14 ta’ April 2023, fejn intqal li din hija responsabbiltà ta' Infrastructure Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed issir il-koordinazzjoni neċessarja biex ix-xogħol imsemmi jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Naxxar – Triq Jules Verne — asfaltar tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun konkluż ir-resurfacing ta’ parti minn Triq Jules Verne, fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8598 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Naxxar – Triq Bradford — asfaltar tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun konkluż ir-resurfacing ta’ parti minn Triq Bradford, fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ġiet fdata biex twettaq ir-rikostruzzjoni tat-triq kollha fi Triq Bradford, Naxxar. Waqt il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet, ġie nnutat li kien diġà qed isir xi intervent fuq parti mit-triq minn kuntrattur tal-korporazzjoni tas-servizzi tal-ilma. Għal dan il-għan, Infrastructure Malta kkoordinat xogħlijiet ma’ din l-entità sabiex ma jerġgħux isiru trinek fl-asfalt li kien se jsir mill-korporazzjoni tas-servizzi tal-ilma għax-xogħlijiet previsti tagħhom. Bħalissa qed nagħlqu l-fażi ta’ koordinazzjoni u dalwaqt ikollna lill-kuntrattur tagħna lest biex jimmobilizza u jibni mill-ġdid it-triq b’servizzi ġodda taħt l-art, bankini ġodda, u asfalt ġdid. Ta’ min wieħed jinnota li sal-lum, ix-xogħlijiet kollha li saru fi ħdan it-triq imsemmija, saru esklussivament mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma u s-sit għadu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Sliema Ferries Landing Terminal – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta s-Sliema Ferries Landing Terminal peress li ilu li beda mill-2019 u kellu jitlesta fl-2020?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-Ferry Landing site ta’ Tas-Sliema hu mistenni li jkun komplut iktar tard din is-sena. Bħalissa qed isiru xogħlijiet fit-triq biex jitwasslu s-servizzi sas-sit, kif ukoll għaddej ix-xogħol fuq ix-xelter għall-passiġġieri.

Kontravvenzjonijiet għal e-scooters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontravvenzjonijiet fuq e-scooters bejn Jannar 2022 u Diċembru 2022, kif ukoll bejn Jannar 2023 u Marzu 2023, maqsuma skont il-lokalitajiet u skont it-tip ta' kontravvenzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fi tabella t’hawn taħt. Type of Offence 2022 2023 Grand Total Obstructing free passage. 246 246 Contravening any traffic sign or carriageway marking, limited to traffic contraventions devolved. 3 69 72 You parked the e-kick scooters in such a manner where you obstructed the free flow of pedestrian traffic or in such a manner where you restricted or hindered the use thereof by persons with mobility impairment or impeded the access to such pavements, promenades or footpaths 31 31 Drove or caused to stand a motor vehicle without the vehicle licence being affixed to the vehicle 24 24 As the owner of the motor vehicle, you failed to ensure that the vehicle was at all times covered by the necessary licence issued by the Authority 6 6 Contravening Carriageway Marking ( No Stopping - double yellow line ) 5 5 Parking on the pavement. 2 2 Contravening Traffic Sign ( No Entry from this side ) 1 1 Grand Total 3 384 387 Offence Locality 2022 2023 Grand Total SAN GILJAN 1 151 152 SLIEMA 118 118 SAN PAWL IL-BAHAR 32 32 VALLETTA 17 17 MOSTA 8 8 GZIRA 7 7 SWIEQI 7 7 BIRKIRKARA 2 3 5 QORMI 5 5 MSIDA 5 5 FLORIANA 4 4 SAN GWANN 4 4 TA` XBIEX 3 3 MELLIEHA 3 3 FGURA 2 2 SANTA VENERA 2 2 MARSA 2 2 ZEBBUG 2 2 PEMBROKE 1 1 GUDJA 1 1 LIJA 1 1 PIETA 1 1 TARXIEN 1 1 ATTARD 1 1 HAMRUN 1 1 MARSASCALA 1 1 BORMLA 1 1 Grand Total 3 384 387

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kunsill tal-Ewropa — xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8485, jista’ l-Ministru jibgħat uffiċjali sabiex jaraw b’għajnejhom it-traffiku u l-komplikazzjonijiet li qed jinqalgħu ta’ kuljum? Huwa possibbli li x-xogħol fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa Fgura/Żabbar jitlesta qabel,?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt il-messaġġ tiegħu lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jieħdu azzjoni skont il-bżonn. Infurmat li x-xogħol skedat miexi b’ritmu tajjeb u għalkemm b’mod ristrett it-triq baqgħet tiffunzjona fiż-żewġ direzzjonijiet minkejja l-interventi massivi li għaddejjin.

Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq fadal biex jitranġaw jew isiru u kemm fadal flus mis-€700 miljun li ġew imwiegħda biex jintefqu fuq it-toroq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Kif imwiegħed u diġà twettaq ħafna, dan il-Gvern se jkompli jinvesti fl-infrastruttura ta’ pajjiżna biex naraw li nkomplu nkunu preparati għal sfidi futuri u tkabbir ekonomiku bla preċedent. Dan l-investiment fl-infrastruttura kien neċessarju wara diċenji ta’ telqa u nuqqas ta’ deċiżjonijiet f’waqthom. Għas-sena 2023 hemm ukoll vot rekord finanzjarju għal din l-aġenzija, għaldaqstant fadlilna l-enerġija u d-determinazzjoni li nkomplu nieħdu deċiżjonijiet li jwasslu għat-twettiq tal-proġetti ferm ambizzjuzi li għandna, proġetti li ħaddieħor ippjana, tkellem fuqhom u ħallihom fuq l-ixkaffa għal numru ta’ snin.