Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – Design Guidelines fuq wisa’ ta’ lanes tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-wisa' ta' lane hekk kif stabbilita mid-Design Guidelines ta' Transport Malta għal toroq arterjali, distributorji u maġġuri?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Infrastructure Malta – tħawil ta’ siġar indiġeni

Question

Peress li reċentement inħarġet stqarrija minn Infrastructure Malta fejn intqal li tħawlu 8,719 siġra indiġeni f’40 post fi 18-il lokalità madwar Malta u li din l-inizjattiva hija parti minn investiment ambjentali ta’ aktar minn €1 miljun li jinkludi wkoll programm fit-tul għall-kura u t-tisqija ta’ dawn is-siġar sakemm jadattaw ruħhom fl-ambjent tagħhom, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħawlu siġar minn Infrastructure Malta matul is-sena 2019 ġewwa Għawdex? Kemm hemm ippjanati li jitħawlu siġar f'Għawdex minn Infrastructure Malta matul is-sena 2020?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat l-aġenzija msemmija ma’ ħawlitx, u m’għandhiex pjan li tħawwel siġar f’Għawdex fil-perjodi indikati.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — sponsorships

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12539 u 12382 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi – Triq Ġużè Duca — Żieda fil-ħin tat-traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li Infrastructure Malta żżid il-ħin tat-traffic lights għall-persuni li jkunu qegħdin jaqsmu bil-mixi fi Triq Ġużè Duca fejn tmiss ma' Triq Manwel Borg Gauci f'Ħal Qormi, peress li dan huwa ta' periklu għall-anzjani li jaqsmu t-triq f'din il-parti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, il-ħin tal-imsemmija Traffic lights jilħaq l -ispeċifikazzjonijiet mitluba fil-Guidelines for Pedestrian crossings.

Avviż Legali 352 tal-2019 — Penalitajiet

Question

B’referenza għall-Avviż Legali 352 tal-2019, jista’ l-Ministru jgħid jekk uħud mill-penalitajiet fit-Taqsima VI tal-istess Avviż Legali humiex fil-fatt marbuta mad-denominazzjoni ekwivalenti fil-Lira Maltija –per eżempju jekk hemm użati l-ammonti ta’ €2,329.37 (ekwivalenti għal elf Lira Maltija) u €4,658.75 (ekwivalenti għal elfejn Lira Maltija) – u jekk dan hu l-każ għalfejn qed isir hekk tnax-il sena wara li adottajna l-ewro?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, li r-reati elenkati fit-Taqsima VI tal-Avviz Legali 352 tal-2019 illi l-pieni għalihom jidhru li mhumiex round figures iżda ċifri biċ-ċentezmi ez. €2,329.37 huma reati li hemm reati identiċi għalihom taħt leġislazzjonijiet oħra. Hekk per eżempju r-reat ta’ sewqan ta’ electric kick-scooter meta dan ma jkunx kopert b’polza t’assigurazzjoni ġġorr l-istess piena kontemplata għar-reat ta’ sewqan ta’ vettura bil-mutur mingħajr liċenzja fl-artikolu 3(1B) tal-Kap. 104 tal-Liġijiet ta’ Malta (Ordinanza dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur għar-Riskji ta’ Terzi Persuni) u għalhekk huwa biss ġust u ekwu li ż-żewġ reati jġorru l-istess piena. L-istess japplika għal ċerti reati oħra kontemplati fit-Taqsima VI tal-Avviz Legali 352 tal-2019 bħal ad eżempju sewqan in eċċess tal-veloċita’ massima permissibbli bil-liġi kontemplata fir-Regolament 9 tal-Avviż Legali 352 tal-2019. Għaldaqstant il-pieni kontemplati fit-Taqsima VI tal-Avviz Legali 352 tal-2019 li jidhru li huma marbuta mad-denominazzjoni ekwivalenti fil-lira Maltija huma għalhekk, il għaliex effettivament meta ġiet addottata l-munita Ewro fis-sena 2008 il-Gvern ta’ dak iż-żmien ma kienx ħa ħsieb biex jirrazzjonaliza l-kwantum tal-pieni iżda minflok il-pieni għar-reati li kienu diġa’ jeżistu dak iż-żmien sempliċement ġew tradotti mil-lira Maltija għall-munita Ewro skont ir-rata tal-kambju li kienet ġiet applikata dak iż-żmien.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawk li qegħdin assenjati bħala konsulenti fil-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u l-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru?

Response (BORG, IAN)

Qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – laqgħat ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u fejn, hu u s-Segretarju Parlamentari fil-kariga uffiċjali tagħhom, iltaqgħu mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minn Lulju 2017 ’il quddiem?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li bħala Ministru jiena qatt ma kelli laqgħat uffiċjali jew mhux uffiċjali mal-individwu msemmi. Lura fil-21 ta’ Lulju 2017, fis-13.00, bħala Ministru kont mistieden nattendi laqgħa dwar it-triq fil-bajja tal-Mellieħa fil-Ministeru tat-Turiżmu. Għal din il-laqgħa kont ħadt miegħi t-tmexxija tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u uffiċjali għolja minn TM. Fost madwar 20 stakeholders minn din il-bajja li attendew ghal din il-laqgha, kien hemm preżenti wkoll l-individwu msemmi li kien qed jirrapreżenta xi stabbiliment tal-kumpanija tiegħu. Filwaqt li Onor. Chris Agius – Segretarju Parlamentari qatt ma iltaqa’ mal-individwu msemmi.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — sponsorships

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12382 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Infrastructure Malta — xogħol fuq toroq fil-Mosta

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12330, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux time-frame ta’ xogħol fuq it-toroq li qal li se jsiru u li semma fl-istess tweġiba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq indikati huma koperti minn kuntratti differenti u l-aħħar xogħlijiet konnessi mistennija li jingħalqu fi żmien sena u nofs.

Tender For The Construction And Resurfacing Of Residential Roads In Various Localities In Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mit-tender IM009/2019 Tender For The Construction And Resurfacing Of Residential Roads In Various Localities In Malta li kienet maqsuma fuq sitt lottijiet u li ġew irrakomandati li jiġu awarded fit-30 ta' Awwissu 2019, jekk ix-xogħol infrastrutturali nbedix, u jekk iva fuq liema lott inbeda x-xogħol fuqu u f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol u jitlesta fuq il-lottijiet kollha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li meta twaqqfet fis-sajf tal-2018, Infrastructure Malta ġiet fdata bit-twettiq tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tat-toroq residenzjali f’Malta, b’investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin. Din il-ħidma bdiet fl-2019 permezz ta’ kuntratt li permezz tiegħu Infrastructure Malta se tkun qed tibni mill-ġdid aktar minn 120 triq residenzjali. Fl-aħħar kwart tal-istess sena, l-aġenzija kkonfermat kuntratt ieħor biex il-ħidma tibqa’ għaddejja b’xogħol f’aktar minn 170 triq oħra. Dan il-kuntratt jinkludi sitt lottijiet, li ntrebħu minn żewġ kuntratturi. Wieħed rebaħ erba’ lottijiet u ieħor it-tnejn l-oħra. Fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet iż-żewġ kuntratturi ngħataw l-ordni biex jibdew ix-xogħol fuq erba’ lottijiet, tnejn kull wieħed. Il-kuntrattur li rebaħ erba’ lottijiet ingħata l-ordni biex jibda x-xogħol fuq iż-żewġ lottijiet l-oħra fl-1 ta’ Frar 2020. Il-kuntratturi huma obbligati li jibdew ix-xogħol malli jingħataw l-ordni biex jagħmlu dan. F’każi fejn ix-xogħol ma jibdiex, jew jekk jieqaf, il-kuntratturi jeħlu l-multi applikabbli fl-istess kuntratt. Il-kuntratt indikat jitlob li l-kuntratturi jlestu x-xogħol rikjest fi żmien 70 ġimgħa.

Il-Mosta – Triq ir-Rużinjol – tneħħija ta’ ħajt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitneħħa l-ħajt fi Triq ir-Rużinjol, il-Mosta, liema ħajt qed ikun ta' skumdità għar-residenti tal-madwar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat minn Infrastructure Malta x-xogħol indikat huwa parti mill-iffurmar tat-triq li skont il-liġi għandu jsir mill-i¿viluppatur tal-proprjetajiet li hemm fl-istess triq u dan jiġi regolat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għaldaqstant, nissuggerixxu li din il-mistoqsija tiġi referuta lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Transport Malta — operatur

Question

Peress li għal darb’oħra, il-qrati waqfu ftehim mat-Transport Malta u l-operatur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk jidhirlux li Transport Malta ħadmet b’mod inġust u għalhekk ir-riżenja taċ-Chairman hija f’postha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ għadu pendenti quddiem il-qorti u għaldaqstant ma jistax u għadu kmieni biex wieħed jitkellem dwaru. Madankollu l-ebda allegazzjoni ma hi marbuta mac-Chairman u jew l-Awtorità.

Comino Ferries — żviluppi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi fil-kwistjoni tal-Comino Ferries?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Transport, is-sejħa kienet miftuħa għal kulħadd. Kien hemm offerta waħda biss u din kienet tissodisfa l-kriterji mitluba mis-sejħa skond il-proċeduri stabbiliti. Wara li l-Awtorità ppublikat avviż tal-port fejn tħabbar is-servizz il-ġdid, numru ta’ operaturi ilmentaw u għamlu għadd t’azzjonijiet biex iwaqqfu lis-servizz milli jopera. Filwaqt li l-kwistjoni hija pendenti quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja u għaldaqstant ikun prematur li wieħed jikkummenta f’dan l-istadju, ta’ min jinnota li m’hemm l-ebda allegazzjoni ta’ għaġir mhux xieraq miċ-Ċermen tal-Awtorità. Ta’ min jinnota wkoll li wara li numru t’operaturi oġġezzjonaw għas-servizz, l-Awtorità laqqgħet numru ta’ laqgħat biex jiġu ċċarati xi diffikultajiet li seta’ kien hemm. Transport Malta ipposponiet il-bidu tas-servizz biex tipprova tindirizza d-diffikultajiet li għandhom l-operaturi l-oħra. Il-Qorti, fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, ħeġġet sabiex ikomplu dawn id-diskussjonijet u tat żmien sa nhar l-Erbgħa biex imbagħad tieħu deċiżjoni.

Provision of Scheduled Passenger Ferry Service between Malta and Comino – selection processed

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk hux se tittieħed azzjoni xierqa biex jiġi assigurat li s-selection process għall-Provision of Scheduled passenger ferry service between Malta and Comino jkun fil-fatt trasparenti u dan ir-Request for proposals TM RFP001/2019 jiġi rivedut qabel ma jiġi ffirmat l-agreement mal-preferred bidder propju ftit ġranet oħra u ċjoè fil-25 ta’ Jannar 2020? In vista li dan it-tender joħloq monopolju assolut ta’ 15-il sena u se jiġu affetwati negattivament madwar 40 Operatur, jista’ jara li tittieħed azzjoni issa qabel dan l-agreement ma jiġi ffirmat mal-preferred bidder u in vista tal-fatt li appell kontra dan is-selection board jista’ jsir biss bi prohibitive premium ta’ €75,000?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12477 tal-istess Seduta.

Building Regulations Office – korsijiet għall-assessuri tal-EPC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Building Regulations Office beħsiebha torganizza kors għall-assessuri tal-Energy Performance Certificate (EPC) kemm għall-binjiet domestiċi kif ukoll għal dawk kummerċjali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat ix-xahar li għadda għadu kif spiċċa kors għall-Assessuri Domestiċi.

Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – xogħol ta’ culverts — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10817 u jgħid x’kienet in-nefqa ta’ xogħol fil-culverts li saru bil-katusi f’parti minn Triq il-Kungress Ewkaristiku l-Mosta f’Mejju 2019? Jista’ jgħid ukoll min kien il-perit ta’ dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fl-2019, Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet ta’ tiswijiet temporanji ta’ parti qasira tas-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita fi Triq il-Kungress Ewkaristiku, sabiex il-propjetajiet fl-istess triq ma jibqgħux isofru l-konsegwenzi tal-għargħar. Għal snin twal, il-kantini ta’ dawn il-propjetajiet kienu jegħrqu minħabba ħsarat li kien hemm fil-kanali taħt it-triq għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Ix-xogħol indikat kien jinkludi t-tħaffir ta’ madwar 30 metru tal-kanal eżistenti u t-tqegħid ta’ pajpijiet ġodda minfloku. Dan l-intervent intemm bil-kisi mill-ġdid tal-parti tat-triq li kellha bżonn titħaffer. It-tiswijiet swew madwar €3,700 u permezz tagħhom ittaffew id-diffikultajiet fil-propjetajiet tal-inħawi sakemm jasal iż-żmien li t-triq kollha tiġi mibnija mill-ġdid b’sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita ġdida, bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jgħolli l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.

Mosta – xogħol bħala community gain minn stabbiliment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10820 u jgħid x’sar s’issa mill-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn l-Awtorità tal-Ippjanar kienet obbligat biex l-istess supermarket iwettaq xogħol bħala “community gain” favur il-komunità tal-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li l-permess oriġinali kien jitlob garanzija bankarja ta’ €15,000 sabiex l-iżviluppatur ikopri parti mill-ispejjeż għat-titjib tar-road junction bejn Triq Pantar, Triq il-Belt Valletta u r-roundabout fl-istess toroq.

Proġett ta' Central Link — fdalijiet storiċi

Question

B'referenza għall-proġett tas-Central Link minn Ħ'Attard għar-Rabat, jista' l-Ministru jgħid jekk waqt li jsir il-proġett, tinstab art bi fdalijiet storiċi, x'se jsir minn dawn il-fdalijiet storiċi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li Central Link Project huwa investiment ta’ Infrastructure Malta biex jonqos il-ħin fl-ivvjaġġar, titjieb il-kwalità tal-ajra u jinħolqu spazji aktar siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett li ilu tant mistenni bdew aktar kmieni dan ix-xahar wara li l-pjanijiet tiegħu kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u studjati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019. F’Novembru li għadda, dawn il-pjanijiet ġew approvati wkoll mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, li ċaħad talba minn xi għaqdiet u seba’ individwi biex jiġu revokati l-permessi tal-proġett. Ftit ġimgħat ilu, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili wkoll irrifjutat talba biex jinħareġ mandat t’inibizzjoni li saret mill-istess appellanti u kkonfermat li Infrastructure Malta tista’ tibda tiplimenta dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali b’mod immedjat. Is-Central Link Project huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006, li diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Infrastructure Malta tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fost oħrajn, fil-pjanijiet oriġinali tal-2006 kien maħsub li tittieħed art mhux żviluppata għal triq ħafna aktar wiesa’, mill-inqas erba’ korsiji mhux tnejn biss kif qed isir permezz ta’ Central Link Project. Fl-istess waqt, il-pjan ta’ Infrastructure Malta jżid ukoll infrastruttura ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona. It-Transport Master Plan 2025 tal-pajjiż ukoll jelenka l-importanza ta’ dan l-investiment, waqt li jidentifika r-rotta bejn Triq l-Imdina u Triq in-Nutar Zarb bħala t-12 minn 29 intervent kruċjali li jeħtieġ isiru b’mod urġenti għal aktar sigurtà u effiċjenza fit-toroq ewlenin ta’ pajjiżna li jagħmlu parti min-network TEN-T tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż u li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta se tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti. Ix-xogħlijiet bdew wara li tim t’esperti għamlu proċess ta’ ppjanar metikoluż, li kien jinkludi konsultazzjoni pubblika u studju komprensiv dwar l-impatt ambjentali. Dan l-istudju indipendenti janalizza l-benefiċċji u l-impatti li se jkollu l-proġett mhux biss fl-immedjat, imma wkoll f’terminu medju ta’ żmien u fit-tul. Wara li jikkunsidrati proposti differenti dwar kif jista’ jiġi mtejjeb in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż, l-istudju jidentifika l-pjan tas-Central Link Project bħala l-aħjar soluzzjoni biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ajra, sostenibbiltà ambjentali kif ukoll biex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar. L-istudji xjentifiċi jikkonfermaw li jekk ma tiġix imtejba l-infrastruttura preżenti, il-problemi li ta’ kull jum qed jolqtu lil eluf ta’ persuni se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, skont dawn l-istudji, jekk ma tiġix imtejba s-sistema ta’ toroq eżistenti fl-inħawi, biex tivvjaġġa mill-Imrieħel sa Ta’ Qali ddum sagħtejn u kwart litteralment iġġamjat fit-traffiku, b’veloċità ta’ 1.83km fis-siegħa. Fuq kollox dawn l-istudji juru li permezz ta’ Central Link Project, il-ħin tal-ivjaġġar se jonqos bin-nofs, anke meta tqis żidiet fid-domanda għat-trasport li jista’ jkun hemm fil-futur. L-istudju dwar il-kwalità tal-arja li sar bħala parti mill-EIA, li huwa bbażat fuq monitoraġġ tal-arja li sar fl-2018 f’diversi nħawi matul ir-rotta, juri l-effetti ħżiena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, it-trab iswed fl-inħawi, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, jiżdied b’278% sal-2030. It-trab iswed u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-akbar żewġ sorsi ta’ tniġġis ikkaġunat mill-emissjonijiet tal-karozzi. Bis-Central Link Project tkun eliminata l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis fit-trab iswed sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%. Bħal ma tagħmel fi proġetti oħra li jinvolvu tħaffir taħt l-art, Infrastructure Malta qed twettaq dan il-proġett f’kordinazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Ix-xogħol kollu tal-iskavar qed isir taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi approvati u awtorizzati mill-istess Sovrintendenza. L-arkeologi jkunu preżenti waqt li jsiru xogħlijiet ta’ skavar u jirrapurtaw kull ma jkun qed iseħħ lis-Sovrintendenza biex jiġi żgurat il-ħarsien ta’ kull wirt storiku ta’ valur li jista’ jkun hemm fl-inħawi. Fl-aħħar ġimgħat, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew il-proġett bit-tħaffir tal-ħamrija u materjali oħra li hemm fl-inħawi tal-proġett fejn se jsiru l-korsiji ġodda, bankini, waqfiet għall-karozzi tal-linja, korsiji għar-roti u infrastruttura oħra. Dan ix-xogħol qed isir taħt il-ħarsien tal-arkeologi. Fejn l-arkeologi jħossu li hemm fdalijiet li jeħtieġ jiġu mistħarrġa aktar mill-qrib, ix-xogħol ta’ tħaffir jieqaf. F’dawn is-sitwazzjonijiet, Infrastructure Malta tagħti l-appoġġ kollu lill-arkeologi billi tipprovdi l-ħaddiema biex jgħinu fl-iskavar arkeoloġiku meħtieġ, skont metodi stabbiliti mis-Sovrintendenza. Permezz ta’ dan il-proċess, l-arekologi jagħmlu l-istudji neċesssarji biex jaraw jekk hemmx xi fdalijiet arkeoloġiċi li għandhom jiġu dokumentati jew saħansitra ppriservati. L-aġenzija u s-Sovrintendenza diġà wettqu kollaborazzjonijiet simili fil-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Aldo Moro, bħala parti mill-Marsa Junction Project, fil-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija, kif ukoll f’dawk ta’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq u ta’ Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, fost oħrajn. Wara li jsir l-istħarriġ, is-Sovrintendenza tiggwida lil Infrastructure Malta dwar kif ix-xogħlijiet tal-proġett ikunu jistgħu jkomplu. Jekk is-Sovrintendenza titlob li l-fdalijiet jiġu priservati, il-periti ta’ Infrastructure Malta jistabbilixxu tibdil fil-pjanti tal-proġett biex dan ikun jista’ jitwettaq mingħajr ma jitneħħew il-fdalijiet. Fi proġetti oħra, kien hemm sitwazzjonijiet fejn Infrastructure Malta saħansitra inkludiet fil-proġett infrastruttura ġdida biex fdalijiet importanti mhux biss jiġu priservati, iżda biex minflok jintradmu mill-ġdid, ikollhom aċċess permanenti li jkunu jistgħu jużaw l-arkeologi għal aktar studji fil-futur. Dan hekk kif seħħ pereżempju f’Santa Luċija, fi Vjal ix-Xarolla u fi Triq il-Kuċċard. Infrastructure Malta se tkompli tikkollabora mal-awtoritajiet biex tgħolli l-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura ta’ Malta, waqt li tħares u ttejjeb l-ambjent mibni u rurali, u l-wirt kulturali madwarha.

Central Link Project — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li jibda x-xogħol fis-Central Link Project kemm-il darba kien hemm appell fil-Qorti għall-permessi maħruġa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant għad-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili mogħtija fir-rigward tar-rikors tal-Mandat Nru. 1681/19 GM tat-30 ta’ Diċembru 2019. Qed inpoġġi kopja ta’ din id-deċiżjoni fuq il-mejda tal-Kamra.