Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann — Tiswija ta’ ċangatura mkissra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux il-passi neċessarji sabiex iċ-ċangatura li hemm miksura u perikoluża fi Triq San Ġwann fil-Belt Valletta fil-parti ta’ bejn Triq ir-Repubblika u Triq id-Dejqa jiġu msewwija u rimedjata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li wara konsultazzjonijiet estensivi mal-komunità tan-negozju tal-inħawi, ġie deċiż li x-xogħlijiet fi Triq San Ġwann jibdew f’Jannar, sabiex jiġi evitat telf ta’ negozju matul il-perjodu għar-retail sales. Infrastructure Malta se tkun qed tieħu ħsieb dawn ix-xogħlijiet, li se jindirizzaw il-periklu taċ-ċangatura miksura, jsir re-surfacing u jinbidlu servizzi. Sadanittant, se jsiru wkoll tiswijiet minuri biex jitnaqqas kull periklu għal dawk li jużaw it-triq.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21468.

Kiri ta’ braken — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jintefqu flus annwalment biex jinkrew braken għal diversi attivitajiet? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi ħsieb li l-Gvern jinvesti f’barkun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 ma ntefqux flus biex jinkrew braken għal diversi attivitajiet.

Iż-Żejtun — Triq il-Qadi - Zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li t-talba li saret sabiex ikun hemm zebra crossing fi Triq il-Qadi, iż-Żejtun issir, billi din it-triq hija waħda traffikuża ħafna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li preżentement qed jiġi diskuss Traffic Management sħiħ taż-żona li jinkludi Zebra Crossing fi Triq il-Qadi. Sadanittant saret Zebra Crossing proviżorja sabiex taqdi r-residenti taż-żona.

Public Broadcasting Services – sejħa għall-ħatriet

Question

B’referenza għall-istqarrija għall-istampa tat-18 ta’ Settembru 2024 (PR241462), jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħa interna u/jew sejħa pubblika għall-ħatriet fil-Public Broadcasting Services, kif imħabbra fl-istqarrija? Jekk kien hemm sejħa, kemm kien hemm applikazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li rigwardanti l-ħatriet fil-Public Broadcasting Services li tħabbru fl-istqarrija għal-istampa PR 241462 intuża l-istess metodu ta' ħatra li ilu jintuża kemm taħt Amministrazzjonijiet Laburista u kif ukoll taħt Amministrazzjonijiet Nazzjonalisti matul is-snin.

Ta’ Sannat — Kalkara tal-Ġir - Xogħlijiet ta’ restawr

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19279 li ngħatat fil-11 ta' Ġunju 2024, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ta' restawr li saru f'dawn l-aħħar erba’ xhur fil-Kalkara tal-Ġir li hemm maġenb l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol tlesta s’issa, x'fadal isir u meta hu maħsub li jkun lest ix-xogħol kollu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li peress is-saff tal-ġebel fil-barriera meħtieġ biex titħaffer il-franka ma kienx faċilment disponibbli, il-proċess ħa ftit taż-żmien. F’dan l-istadju l-franka meħtieġa nqatgħet u ġiet spezzjonata mill-perit u ġiet ivverifikata li hi tajba biex tintuża għar-restawr tal-imsemmijja Kalkara tal-Ġir. L-istadju li jmiss huwa t-tibdil tal-ġebel tal-franka mimsus u t-tikħil. Il-proġett għandu jitlesta f’madwar sitt xhur.

Is-Sannat — Pjazza Santa Margerita - Zebra crossings

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn erba’ xhur mill-inawgurazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita ġewwa s-Sannat, Għawdex u għadhom ma saru ebda zebra crossings f'din l-imsemmija triq u hemm periklu kbir għal kull min irid jaqsam f'din l-imsemmija pjazza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Sannat li t-tabelli u l-Belisha Beacon Lights twaħħlu waqt li l-pedestrian crossings ser jinżebgħu fil-ġimgħat li ġejjin.

Xagħra, Għawdex — Triq Karkar - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13618 li ngħatat fil-15 ta' Jannar 2024, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar is-sejħa li ħareġ il-Kunsill Lokali tax-Xagħra iktar minn sena u nofs ilu - Tender TXLC/04/2023 Works - Resurfacing of Triq Mannar/Għejjun Junction with Hot rolled Asphalt and resurfacing of small stretch of Triq Karkar, Xagħra (up to base course only) in a resource efficient manner? Jista’ jgħid ukoll meta (f’liema xahar u sena) huma ppjanati li jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17270.

Il-Fgura – Sqaq fi Triq A.M. Valperga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi jistgħu jittieħdu sabiex id-drenaġġ li jidher li qiegħed jiskula fi sqaq intern fi Triq A. M. Valperga, il-Fgura jiġi mwaqqaf u rimedjat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li ma rċieva l-ebda rapport ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fi Triq A.M. Valperga.

Ħal Qormi — Triq il-Bard

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin ta’ Triq il-Bard, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali in kwistjoni li din it-triq mhiex fi stat “ħażin” kif qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi ma għandux pjanijiet għal xogħol f’din it-triq u kieku stess tali talba tintbagħat lil Infrastruttura Malta.

Ġebla storika (Stone marker)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ġebla storika (stone marker) li ġiet ġentilment ritornata mill-individwu li d-dettalji dwar qed jingħataw separatament hijiex esposta għall-pubbliku, u jekk iva, fejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ġebla li dwarha qed issir id-domanda qiegħda miżmuma fir-repositorju tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Ħal Luqa — Triq l-Apparell - Tindif iktar regolari

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq l-Apparell, f’Ħal Luqa, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa li l-Kunsill ser iżid ġurnata oħra ta’ tindif fi Triq l-Apparell.

Ħal Luqa — Triq Ġanni Vassallo - Tindif iktar regolari

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq Ġanni Vassallo, f’Ħal Luqa, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Luqa li l-Kunsill ser iżid ġurnata oħra ta’ tindif fi Triq Ġanni Vassallo.

Ħal Luqa — Triq Sant’Andrija - Tindif iktar regolari

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq Sant’Andrija, f’Ħal Luqa, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa li l-Kunsill ser iżid ġurnata oħra ta’ tindif fi Triq Sant’Andrija.

Heritage Malta — Wirja tal-arti ‘Topia’ - Ftehim

Question

B’referenza għall-wirja tal-arti bl-isem ta’ Topia, li ser tittella fil-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Belt Valletta, mit-22 ta’ Ottubru 2024 sad-19 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-arranġament jew ftehim iffirmat bejn iż-żewġ naħat, jiġifieri Heritage Malta u l-kap eżekuttiv li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tad-David Gill Art Gallery?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda ftehim iffirmat bejn Heritage Malta u l-Kap Eżekuttiv li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament.

Reklamar fuq TVM

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienet l-aġenzija tar-reklamar għal dawn ir-reklami li xxandru fuq TVM u min ħallas għalihom: i. Riklam - Kirkop Music Festival li ttella’ fit-22 ta’ Ġunju 2024; ii. Riklam - Għaxaq Music Festival li ttella’ fl-24 ta’ Lulju 2024?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Informazzjoni għadha qiegħda tinġabar.

PBS — Music Exchange Camp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kantanti, awturi u kompożituri li ma ħadux sehem fil-Music Exchange Camp li ntemm fit-23 ta’ Ġunju 2024 u li kien organizzat mill-PBS, hux se jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-Malta Eurovision Song Contest u fil-Malta Junior European Song Contest li jmiss?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infirmat li l-eliġibilità għal parteċipazzjoni fil-Malta Eurovision Song Contest u fil-Malta Junior Eurovision Song Contest hija determinata mir-regoli rispettivi ppublikati mas-sejħa għall-parteċipazzjoni tal-istess song contests. Il-parteċipazzjoni fil-Music Exchange Camp mhix fattur determinanti għall-eliġibilità.

PBS — Music Exchange Camp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallsu l-parteċipanti (individwalment) li ħadu sehem fil-Music Exchange Camp 2024 organizzat mill-PBS?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-PBS ma talbet l-ebda ħlas lill-ebda parteċipant fil-Music Exchange Camp imtella’ minnha, kif stabbilit anki fir-regoli tal-istess Music Exchange Camp ippublikati mas-sejħa għall-parteċipazzjoni.