Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet hijiex fi proċess li toħroġ skema jew xort’oħra sabiex l-esportaturi Maltin tal-patata li ilhom joperaw minn ‘sheds’ f’Ta’ Qali għal għexieren ta’ snin, jingħataw titolu validu tal-art?
Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-fondi disponibbli biex jgħinu lill-għaqdiet tal-festi bħal: għaqdiet tal-banda, għaqdiet tal-armar, għaqdiet tal-logħob tan-nar, u oħrajn li b’xi mod jagħtu kontribut lill-komunità waqt il-festa tar-raħal tagħhom? Jista’ jispjega wkoll il-proċess li wieħed irid isegwi biex japplika?
Response (BONNICI, OWEN)
L-informazzjoni kollha dwar l-iskema għall-Wirt Artistiku tinsab fuq il-paġna elettronika tal-Kunsill Malti għall-Arti.
L-iskema hija miftuħa għall-Organizzazzjonijiet Volontarji li huma iskritti mall- Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u li huma konformi skont l-att dwar l-organizzazzjonijiet volontarji.
L-applikanti huma mitluba juru b’mod ċar li huma attivi:
• Fil-mużika strumentali għall-festa
• Fis-saħħa u s-sikurezza fil-kmamar tan-nar
• Fl-armar artistiku semi-permanenti
Il-fond huwa ta €1,000,000 u joffri għajnuna skont l-għan li tiżvolġi l-organizzazzjoni b’rabta mal-festa, dan għandu jkun indikat ċar fl-istatut tal-organizzazzjoni volontarja:
• EUR 8,000 – lis-soċjetajiet tal-banda u Soċjetajiet Mużikali tal-Festa
• EUR 5,000 – għas-saħħa u sikurezza fil-kmamar tan-nar – (għaqdiet li jaħdmu ġo kamra tan-nar li m’hijiex propjetà talistess għaqda jibbenefikaw minn massimu ta’ EUR 2,500)
• EUR 5,000 – għal armar artistiku semi-permanenti
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30867, jista’ l-Ministru jara li l-parti magħrufa bħala d-De Guiral Battery taħt Sant Anġlu fil-Birgu tinżamm aħjar mis-CWG Consortium imsemmija fl-istess tweġiba?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29441, jista’ l-Ministru jara li ż-Zebra Crossing f’Triq l-Isqajjaq, f'Ħal Tarxien issir peress li għadha ma saritx?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li hemm diffikultà biex issir iż-zebra crossing, peress li l-kaxxa tad-dawl tinsab man-naħa l-oħra tat-triq u ħadd mir-residenti ma jixtieq li jkollu l-kaxxa tad-dawl jew il-wires mal-faċċata tiegħu. Għaldaqstant, il-Kunsill qed jesplora soluzzjonijiet oħra f’dan ir-rigward sabiex tissolva s-sitwazzjoni.
B’referenza għal caravans li jinsabu pparkjati matul il-kosta kollha ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi minn Mejju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm hemm permessi maħruġa preżentement?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li il-premessi għat-tqegħid ta' caravans huma bbażati fuq lokalità u mhux żona jew triq partikolari ġo fiha, għaldaqstant id-dettalji mitluba ma jistgħux jingħataw.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30504 u 30826 u jippubblika l-kuntratt ta’ konsulenza tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ġie ingaġġat bħala ‘Strategic Advisor’ mal-Malta Film Commission f’nofs din is-sena, li jinkludi s-salarju inkluż il-benefiċċji kollha, it-termini tal-ingaġġ u meta jiskadi l-kuntratt tiegħu? Jista’ jippubblika wkoll ix-xogħol li dan l-individwu wettaq fil-kariga tiegħu li jiġġustifika dan l-ingaġġ?
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, bejn ir-Rabat u l-Għasri, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u qed tkun ta’ periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Konċessjoni/permess għall-imwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30648 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti li kellhom il-konċessjoni jew il-permess għall-imwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel għal xi perjodu jew perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2024 u l-31 ta’ Awwissu 2025 u jindika għal liema perjodu jew perjodi kull stabbiliment kellu konċessjoni jew permess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari nru 31012.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-area, il-valur ta’ kumpens dovut u l-lokalità tal-artijiet li ġew meħuda mill-Gvern mill-1990 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fejn il-kumpens għadu ma tħallasx b’mod sħiħ?
Għal kull każ, tista’ tingħata d-data meta hu mistenni li jingħata l-kumpens dovut, flimkien mal-ammont tal-kumpens rispettiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9360.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – Obbligu tal-Patrimonju
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm inġabru flus mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minn ‘obbligi tal-patrimonju’ (heritage obligations), mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mis-sena 2014 sas-sena 2019 ma kien hemm l -ebda (nil) flus miġbura minn “obbligi tal-patrimonju”. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-flus miġbura mis-sena 2020 sat-30 ta’ Settembru, 2025 kif mgħoddija lili.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – Obbligu tal-Patrimonju
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm inħarġu fatturi mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u x’kien l-ammont kumulattiv ta’ dawn il-fatturi biex jinġabru ‘obbligi tal-patrimonju’ (heritage obligation), mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ser jitneħħew is-siġar li jinsabu fil-grawnd tat-tfal fi Triq il-Ħemel kantuniera ma’ Triq il-Qatta, is-Swieqi? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid jekk hux qed jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex dawn is-siġar, li ilhom hemm għal ħafna snin u huma wieħed mill-ftit pulmuni ħodor f’lokalità b’ħafna bini u nies, jiġu salvati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Lokali tas-Swieqi informa lil Awtorità għall-Ambjent u r-Rożorsi illi l-ħajt tal-ġnien ġarrab ħsarat strutturali kawża tal-għeruq tas-siġar tal-Ewkaliptus li jinsabu maġenbu. Sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-pubbliku, beda x-xogħol ta’ tiswija fuq il-ħajt wara li nkisbu l-permessi neċessarji. Wara spezzjoni, l-espert tas-siġar maħtur biex jevalwa is-sitwazzjoni, għall-ewwel irrakkomanda li l-għeruq tas-siġar jiġu maqtugħa sabiex ma jerġgħux jimbuttaw il-ħajt. Madankollu, waqt żjara sussegwenti fuq il-post li għaliha attendew rappreżentanti tal-ERA, l-espert tas-siġar, il-perit tal-Kunsill u s-Sindku, ġie kkonfermat li l-qtugħ tal-għeruq jikkomprometti l-istabbiltà tas-siġar, u b’ hekk joħloq riskju sinifikanti għas-sigurtà. Konsegwentement, l-espert irrakkomanda li l-qlugħ tas-siġar in kwistjoni huwa l-aħjar pjan ta’ azzjoni.
Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar - Financial Statements
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-financial statements tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għas-sena 2024 u jgħid x’wassal għar-riżultati finanzjarji miksuba matul din is-sena partikolari?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-Financial Statements li jiddeskrivu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar kif mgħoddija lili. Wieħed jinnota li matul l-2024 kien hemm nefqa straordinarja ta’ €829,849.00 b’konnessjoni ma’ ordni tal-qorti dwar ħlas ta’ danni.
Ta’ Sannat - Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30829 dwar meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri f’Ta’ Sannat, jista’ l-Ministru jagħti d-data (ġurnata, xahar u sena) ta’ meta se jitkomplew ix-xogħlijiet peress li hemm inkonvenjent kbir għar-residenti u kull min juża dawn it-toroq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li x-xogħlijiet f’Triq Ta’ Xagħman u Triq Dun Lazzru Camilleri, Ta’ Sannat, huma skedati li jitkomplew f’Jannar 2026.
Jista’ l-Ministru jgħid x’għamlet fl-aħħar sena l-Awtorità tal-Artijiet dwar it-Torri tal-Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex, liema fortifikazzjoni storika tinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li tiġġarraf? X’beħsiebha tagħmel l-Awtorità biex tassigura li dan is-sit ma jiġġarrafx u jispiċċa darba għal dejjem? Jista’ jgħid ukoll għaliex l-Awtorità qed tkaxkar saqajha fuq dan is-sit storiku u ma tgħaddix dan is-sit lil Din l-Art Ħelwa, hekk kif kien il-ħsieb li jsir?
Il-Belt Valletta - Stabbilimenti tax-xorb u ikel - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti fil-Belt Valletta li kellhom il-konċessjoni jew il-permess għal imwejjed u siġġijiet fuq barra għal xi perjodu jew perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2024 u l-31 ta’ Awwissu 2025, u jindika għal liema perjodu jew perjodi kull stabbiliment kellu tali konċessjoni jew permess?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jindika jekk hux qed jistaqsi, fil-parametri tad-domanda tiegħu, għal kull konċessjoni li tista tkun viġjenti.
Awtorità għat-Turiżmu - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet - Uffiċjali ta’ infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għat-Turiżmu li huma responsabbli għall-permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel, u kif inhuma mqassmin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorita’ għat-Turiżmu ma tifformax parti mill-portafoll Ministerjali tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet il-produzzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u jipprovdi rendikont komplut u separat tan-nefqa sħiħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellanta illi l-produzzjoni li qed tagħmel referenza għaliha separatament, ittellgħet minn Teatru Malta f’kollaborazzjoni ma’ Fondazzjonijiet Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Heritage Malta, bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, bħala kommemorazzjoni taċ-ċentinarju tal-aktar drammaturgu modern Malti influwenti, Francis Ebejer. Il-produzzjoni ttellgħet b’investiment ta’ €177,195.83. Ninformaha li din in-nefqa tkopri d-drittijiet u l-liċenzjar neċessarji, spejjeż artistiċi, fosthom il-cast u spejjeż tekniċi, kif ukoll dawk marbuta mal-loġisitika, inkluż health and safety. Inżid ngħid li din il-produzzjoni ttellgħet fuq perjodu ta’ erba’ t’ijiem. Nemmen li avveniment bħal dan jgħin sabiex jissaħħaħ il-patrimonju artistiku li għandna bħala pajjiż.