Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Uffiċjali korrettivi impjegati full-time
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali korrettivi impjegati full-time fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Hemm impenn ċar li kontinwament ikun hemm investiment fil-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, inkluż tal-Korp tal-Pulizija. Dan jixhduh l-4 ftehimiet kollettivi li saru ma’ dawn il-ħaddiema fl-aħħar ftit snin, li permezz tagħhom ġew siġillati kundizzjonijiet bla preċedent. Ninsab infurmat illi d-diskussjonijiet fuq il-ftehim kollettiv mal-Korp huma fi stadju avvanzat mal-Unions li jirrappreżentaw lil dawn il-ħaddiema.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Uffiċjali korrettivi impjegati part-time
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali korrettivi impjegati part-time fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ma timpjegax uffiċjali korrettivi fuq bażi part-time.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu d-daqs tal-popolazzjoni Maltija fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll in-numru ta' ċittadini Maltin, in-numru ta' ċittadini tal-Unjoni Ewropea u n-numru ta' ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ċittadini mhux tal-UE — Permessi ta’ xogħol, visa residenzjali u visa ta’ xogħol għall-istudenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm permessi tax-xogħol, visas residenzjali u visas tax-xogħol għall-istudenti li nħarġu għal ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi f’dawn l-aħħar ħames snin inħarġu 26,976 viża għal raġunijiet ta’ studju.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mir-rwol ta’ Kummissarju ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (CCF)? Jista’ jgħid jekk għadux vakanti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninfurmak illi permezz ta' komunikat tad-dipartiment tal-informazzjoni datata tmienja ta' Lulju ta' din is-sena, tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, kien komunikat li s-Sur Steve Libreri ġie maħtur bħala Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri. Dan wara riforma mportanti, minn dan il-Gvern, sabiex tkompli tassisti fl-għajnuna u rijabilitazzjoni ta' persuni li qed iservu sentenza ta' priġunerija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinħareġ sejħa pubblika biex jimtela r-rwol ta’ Kummissarju ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin (CCF) b’mod ġust u trasparenti?
Jista’ l-Ministru jipprovdi spjega tal-ħidma u r-rapporti li saru f’din l-aħħar sena mill-Environmental Protection Unit (EPU)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bejn il-perjodu ta’ Lulju 2022 u Settembru 2023 l-Environmental Protection Unit (EPU) fi ħdan il-Korp tal-Pulizija segwit numru konsiderevoli ta’ rapporti ambjentali, u anke dawk relatati ma’ kaċċa u nsib illegali u saru wkoll diversi kontrolli fit-toroq għall-istess skop. L-EPU assistiet lill-entitajiet oħra governattivi, bħal ERA u WBRU, fil-ħidma tagħhom ma’ doveri Ambjentali. Kollaborazzjoni ssir ukoll mad-Dipartiment tas-Sajd, dwar sajd illegali, mal-Animal Welfare, Veterinary Regulation Directorate, il-Wild Birds Regulation Unit kif ukoll diversi għaqdiet oħra. Koordinament isir ukoll mal-Forzi Armati u Transport Malta, prinċipalment waqt spezzjonijiet ta’ attivitajiet fl-ibħra nazzjonali. Barra doveri msemmija, xogħol ieħor tal-EPU relatat mal-protezzjoni tal-ambjent, huwa l-infurzar fuq reati kontra l-Att dwar Żibel u Skart, rimi illegali ta’ skart, pussess ta’ speċi protetti, importazzjoni u esportazzjoni ta’ speċi protetti, illegalitajiet relatati ma’ moħqrija ta’ annimali, u fejn ikun hemm lok, anke ħruġ ta’ taħrikiet fuq kontravenzjonijiet tat-traffiku.
LESA — Bord Dixxiplinari - Rapporti mressqa quddiem il-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mir-rapporti li hemm pendenti quddiem il-Bord Dixxiplinari tal-LESA, sar xi rapport mal-Pulizija dwarhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Bord ta' Dixxiplina tal-LESA jitħaddem abbażi tal-ftehim kollettiv. Infurmat li fix-xhur li għaddew kien hemm każ quddiem il-Bord tad-Dixxiplina, li wara li kien konkluż, l-Aġenzija bagħtet kopja ta’ dan ir-rapport, lill-Korp tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi n-natura tar-rapporti li hemm pendenti quddiem il-Bord Dixxiplinari tal-LESA?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li n-natura tal-każijiet ivarjaw u jinkludu assenza jew abbuż mill-post tax-xogħol, Atteġġament mhux xieraq, Użu ta’ apparat tal-aġenzija mhux kif suppost, Trattament preferenzjali jew Insubordinazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vettura nstabet li taqbeż il-limitu tad-dħaħen fit-toroq tagħna f’din l-aħħar sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bejn Ottubru 2022 u l-aħħar ta’ Settembru 2023 waqt spezzjonijiet imwettqa mill-Pulizija u l-Uffiċjali tal-Komunità, inħarġu sitta u sittin (66) avviż/kontravenzjoni marbuta ma’ vetturi li kienu jarmu duħħan, naqal, xrar, irmied, ġmamar jew sustanzi żejtnin, bi ksur tal-artiklu 107 tal-Liġi Sussidjarja 65.11. Din il-figura ma tinkludix kontravenzjonijiet li nħarġu fuq vetturi li kienu spezzjonati minn uffiċjali ta’ Transport Malta, biex jiġi stabbilit jekk kienux qed jarmu emmissjonijiet ta’ duħħan eċċessiv.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li kien hemm inċident vjolenti bl-idejn bejn Spettur Korrettiv Anzjan u Surġent Maġġur Korrettiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi? Jekk iva, x'passi ħadet l-Aġenzija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li fl-aħħar ġimgħat kien hemm inċident bejn żewġ uffiċjali korrettivi, li ma kienx fiżiku, u li konsegwenza tiegħu skattat proċess ta’ dixxiplina mill-Aġenzija.
Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi — Allegazzjonijiet ta' frodi u misappropjazzjoni ta' flus
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li hemm allegazzjonijiet ta' frodi u misappropjazzjoni ta' flus fuq wieħed mill-impjegati tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fil-procurement? Jekk iva, x'passi ħadet l-Aġenzija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li l-unit ta' procurement twaqqfet fl-aħħar żmien. Infurmat li ma kienx hemm dawn l-allegazjonijiet. Infurmat ukoll li f'kull istanza, jekk jinstab xi irregolarità f'kull taqsima, tittieħed azzjoni.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li kien hemm rapport ta' fastidju sesswali u/jew indiċenti ta' fizzjal anzjan tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fuq priġuniera femminili fil-Faċilità Korrettiva? Jista' jgħid x'passi ħadet l-Aġenzija dwar dan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li ma ġiex riċevut rapport skont kif indikat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ċella f'Diviżjoni 5 kellhiex forma ta' gaġġa armata maċ-ċella biex tiżola u tumilja priġunier, u li din tneħħiet qabel saret l-aħħar spezzjoni mill-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Fl-aħħar xhur u snin saru riformi u progress kontinwi mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, fejn minn post bla ebda forma ta’ ordni jew rijabilitazzjoni, illum hemm aġenzija b’diversi ħaddiema u professjonisti, li jaħdmu kuljum għal ordni u rijabilitazzjoni. Dawn ir-riformi u bidliet ilu jsir xogħol fuqhom għal żmien twil, u kontinwament saru u qed isiru, għax hemm amministrazzjoni li temmen fihom, u mhux għal xi entità partikolari.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — defibrillators
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fejn hemm defibrillator?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru fejn hemm defibrillators huma:
Agency for the Welfare of Asylum Seekers, Correctional Service Agency, Detention Services Agency, Local Enforcement System Agency, Residency Malta Agency, Korp tal-Pulizija, Forzi Armati ta’ Malta, Protezzjoni Civili.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza - defibrillators
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu/tagħha fejn hemm defibrillator?