Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħsara li teżisti fi Triq San Franġisk Bormla, eżatt malli tispiċċa n-niżla int u dieħel lejn l-Isla, li minnha jgħaddi t-traffiku kollu għall-Cottonera u l-madwar, tiġi rranġata għax saret perikoluża?
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu spazji pubbliċi jew parkeġġi mibnija li huma tal-istat u li qegħdin jitmexxew mill-privat? Jista' jgħid kif huwa l-ftehim bejn l-istat u min qed imexxi dawn il-parkeġġi? Kemm fadal żmien biex dan il-ftehim jiskatta u jekk bdewx id-diskussjonijiet biex l-ftehim eżistenti jinbidel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sa fejn jirrigwarda l-Ministeru tiegħi, taħt il-kuntratt iffirmat fl-20 ta’ Novembru 2011 mal-Arriva bħala operatur tat-trasport pubbliku hemm tlett siti ta’ Park and Ride li jitħaddmu mill-kumpanija. Dawn huma fil-Furjana, fil-Marsa u f’San Ġiljan u tagħhom l-Arriva tħallas rispettivament €8,000, €3,000 u €4,000 fis-sena, liema ammonti Transport Malta tgħaddihom lid-Dipartiment tal-Artijiet. Dan il-ftehim huwa għall-perjodu ta’ għaxar snin u għalhekk fadallu iktar minn disa' snin biex jiskadi.
Barra minn dawn hemm ukoll numru ta siti ta’ parkeġġ li fihom ikun hemm car park attendants li għandhom liċenzja maħruġa minn Transport Malta. F’dan ir-rigward nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 32219 u 34422.
Barra minn dawn jista’ jkun hemm proprjeta’ oħra tal-Gvern li tinkludi spazji għall-parkeġġi pubbliċi u li tista’ tkun ingħatat jew mid-Dipartiment tal-Artijiet jew minn xi Ministeru ieħor bħala parti minn xi kumpless bħal per eżempju il-parkeġġ ta’ l-isptar Mater Dei. Dwar tali każijiet nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35328 u cioè: Peress li ħafna mill-bus shelters li għandna fil-lokalitajiet f'Għawdex u Malta mhux addatati biex joffru kenn mix-xemx peress li huma trasparenti, u peress li issa bidet is-sħana u allura x-xemx tkun taħraq ukoll dawn is-shelters mux idoneji għal din it-tip ta' klima, jista' l-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata?
Response (GATT, AUSTIN)
L-osservazzjonijiet tal-Onor. Interpellant huma materja t'opinjoni għalkemm m'hemmx dubju li s-sħana fis-sajf tinħass fis-shelters. Il-fatti huma li l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattur tas-shelters jgħidu li l-materjal użat jimblokka 99% tar-raġġi UV, joffru 42% dell mix-xemx u jnaqqsu s-sħana b'36%. M'hemmx pjani fil-preżent li jiżdiedu dawn l-ispeċifikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jitlob lill-Transport Malta biex tinsisti ma' korporazzjoni kkonċernata ħalli t-tappieri tal-ħadid li hemm hekk kif wieħed joħroġ mill-Magħtab fid-direzzjoni tan-Naxxar, fid-direzzjoni Salina/Naxxar, jitqegħdu b'mod tajjeb għaliex qed nirriskjaw li dawn it-tappieri jikkawżaw xi inċidenti tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk qed jirreferi għat-Triq T'Alla w' Ommu, Naxxar, il-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali tan-Naxxar u għalhekk għandu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
San Pawl il-Baħar — triq is-Simar - tender dwar xogħlijiet fit-triq
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jikkonċerna t-tender dwar ix-xogħol fi Triq is-Simar, f'San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Triq is-Simar f’San Pawl il-Baħar tagħmel parti mill-programm ta’ xogħlijiet ta’ din is-sena, pero' hemm problema biex jinbeda x-xogħol minħabba raġunijiet ta' ffurmar ta' triq. Huwa l-obbligu legali tas-sidien tal-proprjetajiet li jiffurmaw it-triq ta’ quddiemhom, sa nofs it-triq għal triq bi proprjetajiet fuq iż-żewġ naħat tat-triq, u il-wisgħa kollha ta’ triq għal triq bi proprjetajiet fuq naħa waħda ta’ triq. Meta t-triq tkun iffurmata sew, il-Gvern Ċentrali għandu l-obbligu li jagħti l-wiċċ fuq dawn it-toroq. F’dan il-każ, it-triq mhix iffurmata sew u lanqas hija ffurmata l-wisgħa kollha. It-triq hija wkoll magħmula minn materjal dgħajjef u hemm diżlivell qawwi fuq naħa waħda. Għaldaqstant, Transport Malta se tagħmel studju ddettaljat sabiex tinstab soluzzjoni għal din it-triq.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35633 fejn ntqal li l-gvern jidhirlu li hu aktar bżonnjuz li ninvestu f’mina milli jsir it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx cost-benefit analysis taż-żewġ proġetti? Jekk sar, il-gvern għamel analiżi komparattiv taż-żewġ proġetti? X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull proġett? Fuq liema kriterji l-gvern wasal għall-konklużjonijiet tiegħu? X’inhuma t-timeframes għall-proġett tal-mina? Hemm xi studji li qed isiru bħalissa? Jekk hemm, dwar xiex qed isiru? Min qed jagħmilhom? Jekk m’hemmx, hemm xi ħsieb li jsiru? Dwar xiex se jsiru u meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li wara l-pubblikazzjoni tar-rapport “Preliminary Analysis – Assessment of Road Tunnel Options between Malta and Gozo” f’April 2012, il-Kabinett kien idderiġa lil Transport Malta sabiex tikkummissjona studju ta’ fattibilita` sħiħ fir-rigward ta’ mezzi ta’ trasport bejn Malta u Għawdex. Dan l-istudju ta’ fattibilita’ se jinkludi fid-dettal assessment li huwa kumparattiv fil-qasam tekniku, ambjentali u finanzjarju ta’ kull mezz ta’ trasport (fixed u non-fixed link options) li jinkludu mina bejn Malta u Għawdex, u l-possibilita’ ta’ żvilupp tal-port tal-Imġarr f’dak li jirrigwarda ferry services.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qegħdin il-bagi u l-pontoons li jorbtu magħhom il-cruiseliners f’Għawdex? Kemm hemm bagi u pontoons f’kull post? Meta tqiegħdu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sit fejn tqiegħdu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-uniku baga li tqegħdet minn Transport Malta għall-irmiġġ tal-cruise liners f' Għawdex hija dik li hemm barra mill-bajja tax-Xlendi kif indikata fil-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-baga ġiet installata f'Marzu 2010. Ma hemm l-ebda pontoon f’Għawdex fejn jistgħu jsorġu cruise liners miegħu.
Ħolqien ta' faċilitajiet għall-irmiġġ tal-cruiseliners f'Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 6068, 21310, 26885 u 35622, jista’ l-Ministru issa jaġġorna lill-Kamra dwar il-feasibility study u environmental impact assessment (EIA) li kien ikkumissjonat mill-Awtorità Marittima fl-2005 għall-iżvilupp ta’ cruise berth ’l barra mill-port tal-Imġarr, Għawdex u dwar l-aġġornament tal-istess studju li ntalbet tagħmel mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista’ jaġġorna lill-Kamra ukoll dwar disinji iktar dettaljati u fuq ir-reviżjoni tal-proġett li kellhom isiru? Jista’ jgħid x’alternattivi oħra ġew ikkunsidrati għal dan il-proġett? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji li saru?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 35741 u 35744.
Ħaddiema fix-xogħol ta' kostruzzjoni tal-Parlament il-Ġdid, Bieb il-Belt u Teatru
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35838 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35595, jista' l-Ministru jwieġeb għat-tieni parti tal-mistoqsija oriġinali u cioè kemm mill-403 persuna li qed jaħdmu fil-proġett tal-Parlament il-ġdid, Bieb il-Belt u t-teatru huma Maltin u kemm huma ta' nazzjonalità barranija? Kemm mill-ħaddiema ta' nazzjonalità barranija huma ċittadini ta' pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-bidu ta' Lulju ta' din is-sena kien hemm 403 nies impenjati fix-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-parlament il-ġdid, bieb il-belt u tat-teatru. Minn dawn 276 huma Maltin u 127 huma ta’ nazzjonalita’ barranija, 40 minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u 87 ċittadin barra l-Unjoni Ewropea.
Ħlas ta' kumpens għall-biċċa art li ttieħdet biex tinfetaħ triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-ħlas tal-kumpens għat-talba li kienet saret wara li biċċa art kienet ittieħdet sabiex tinfetaħ triq, u li d-dettalji tal-file qed jingħataw separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta, flimkien mal-avukati, qiegħed jinvestiga ir-rikjesta għall-allegat esproprju peress illi dan il-każ huwa kemxejn kumpless.
Transport Malta — importazzjoni ta' karozzi kummerċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mnejn il-konsumatur li mhuwiex midħla tal-liġi, li jkun interessat jimporta karozza kummerċjali, jista' jsib il-klawsola li tinsab f’Tax Act 368, fejn persuna tista' timmodifika l-magna tal-vettura għal Euro 4, qabel ma sseħħ ir-reġistrazzjoni tal-vettura, mill-website tal-Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-link mal-websajt ta' Transport Malta fejn f'paragrafu 12.5 tad-dokument, wieħed jista jsib il-klawsola li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant.
Marina tal-Kottonera — xogħol ta' manutenzjoni fuq jottijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux permess li fil-marina tal-Cottonera, jsir xogħol ta' manutenzjoni fuq jottijiet? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk isirux spezzjonijiet sabiex dan ma' isirx jista' jgħid ukoll kemm-il spezzjoni kontra dan it-tip ta' xogħol u abbuż ieħor fl-istess marina, saru matul dan l-ahhar tnax-il xahar ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-marina tal-Kottonera u kull marina oħra f'Malta u Għawdex huma rregolati mir-Regolamenti tal-2011 dwar iċ-Ċentri ta' Yachting. Ir-Regolament 9 tal-istess Regolamenti jippermetti il-possibilita' ta' xogħlijiet żgħar ta' manutenzjoni ta' rutina jew ta' tiswija sakemm ma jirriżultawx f'tniġġiż tal-ilma jew tal-arja jew li ma jikkawżawx fastidju lin-nies l-oħra li jużaw ċentru ta' yachting.
L-ispetturi ta’ Transport Malta iżuru ċ-ċentri ta'
yachting
fuq bażi regolari sabiex isegwu l-immaniġġjar rikjest mill-istess Regolamenti, mill-operaturi rispettivi, iżda ma tinżammx statistika separata dwar spezzjonijiet speċifiċi.
Fost affarijiet oħra, I-ispetturi ta’ Transport Malta jassiguraw li l-operaturi taċ-ċentri ta'
yachting
jipprovdu b'mod adegwat faċilitajiet ta’saħħa u sigurta` u faċilitajiet għall-ilqugħ, ġbir u rimi ta' skart.
Transport Malta — konsulent li m'għandux kwalifika
Question
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġie magħżul l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, bħala konsulent fi ħdan Transport Malta meta dan ma jipposjedi l-ebda kwalifika f'dan is-settur? Jista' jgħid jekk dan l-individwu ġiex ngaġġat bħala konsulent b'liema awtorità huwa qed jiddetta fuq il-ħaddiema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija fil-mistoqsija parlamentari kienet ġiet imqabbda minn Transport Malta bħala konsulent fil-kariga ta’ ‘Internal Controller’, liema kariga tirrapporta lill-Kap Uffiċċjal responsabbli għad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art, fejn fost ħafna responsabbiltajiet, hija responsabbli għad-dħul ta’ madwar €100m fis-sena, u għall-ipproċessar ta’ bosta liċenzi u permessi.
Ir-rwol ta’ din il-persuna huwa primarjament sabiex tiżgura li l-ħtiġijiet varji mitlubin fir-regolamenti, kif ukoll proċeduri u
policies
jiġu mseggwija kontinwament, kemm minn aspett ta’ kontroll finanzjarju kif ukoll mill-aspett ta’ kontroll operattiv, u dan bil-għan li jissaħħu aktar il-kontrolli interni u jitnaqqsu r-riskji. Għaldaqstant, ir-rwol ta’ din il-persuna m’huwiex speċifikament relatat mat-trasport, iżda sabiex timplimenta kontrolli interni effettivi, bħalma jsiru f'banek. Din il-persuna għandha esperjenza vasta f'dan ir-rwol u għandha kwalifika mal-"Association of Chartered International Bankers (ACIB)", li hija essenzjali għal dan ir-rwol.
Din il-persuna hija awtorizzata mill-Kap Uffiċċjal responsabbli għad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art sabiex titlob kull informazzjoni meħtieġa mill-impjegati f'kull grad fi ħdan dan id-Direttorat, kif ukoll tinforma lil dak l-impjegat li jkun instab li ma ħarisx il-proċeduri jew
policies
, sabiex isiru l-korrezzjonijiet meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kumpens intalab mill-2010 sal-lum lil Transport Malta dwar ħsarat li ġarrbu s-sidien tal-karozzi permezz tal-istat ħażin tat-toroq? Jista' jagħti l-lokalitajiet ta' minn fejn ġew esperjenzati dawn il-ħsarat? Jista' jindika u jagħti rendikont ta' kemm minn dawn it-talbiet ġew magħluqa, pendenti jew irrifjutati?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm kienet in-nefqa minn Transport Malta fuq tabelli li saru fit-toroq sena b'sena mill-2008 sal-lum? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi li ħadu jew esegwixxu dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Merchant Shipping — board room - sett ta' siġġijiet mibdula
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex kien ġie mibdul sett ta' siġġijiet li kienu jintużaw fil-board room tal-Merchant Shipping meta dawn kienu għadhom f'kundizzjoni eċċellenti? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa sabiex ġie mixtri sett ġdid? Jista' jgħid fejn qed jintużaw dawk is-siġġijiet li ġew mibdula jew fejn ġew meħuda?
Response (GATT, AUSTIN)
Bir-rispett kollu lejn l-Onor Deputat ma jidhirlix illi domandi simili jiġġustifikaw il-flus pubbliċi li jintefqu u l-ħin li jiġi moħli, biex isiru r-risposti. Kont nippretendi li l-Onor Interpellant jkun kemm kemm aktar għaqli fl-għażla tad-domandi li jagħmel minn dawk suġġeriti lilu minn xi seksiek fl-Awtorita.
B'danakollu xorta se nirrispondi d-domanda tiegħek u għalhekk ninsab infurmat lis-siġġijiet inkwistjoni kienu ilhom jintużaw għall-tmintax il-sena u wieħed jista jimmaġina li ma kinux f'kundizzjoni eċċellenti. Dawn is-siġġijiet ittieħdu biex issirilhom manutenzjoni. In-nefqa għas-siġġijiet kienet ta' €880.
Trasport Malta — ġebel żgħir b'għamla ta' żrar fil-ħamrija
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kie ġie mibdul ġebel żgħir b'għamla ta' żrar biex ikun jista' jitpoġġa taħt il-ħamrija fil-bini tat-Trasport Malta? Jista' jagħti id-daqs taż-żrar li nqala kif ukoll ta' dak li saru floku? jista' jgħid għaliex u x'kienet ir-raġuni li dan ġie mibdul? Jista' jgħid kemm ġie jiswa dan iż-żrar flimkien max-xogħol konness miegħu? Jista' jgħid x'għamel min kien inkarigat b'dak iż-żrar li ġie mibdul?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dan ix-xogħol sar bħala parti minn tender maħruġ minn Transport Malta għal “Landscaping Works and Upkeeping Services of Green Areas at Malta Transport Centre”. Transport Malta m’għandix informazzjoni rigward id-daqs ta’ żrar li nqala minn żewġ planters, filwaqt li ż-żrar li tqiegħed floku għandu daqs aggregate ta’ 20mm. L-ispiża għal dan iż-żrar flimkien max-xogħol konness miegħu kien ta’ €480 fejn mtlew erba’ planters b’volum ta’ 15m3. Iż-żrar li kien hemm qabel ġie mormi mill-kuntrattur.