Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — Santwarju tal-Madonna - restawr

Question

Tista' l-Ministru tara, permezz ta' Heritage Malta jew xi organizzazzjoni oħra governattiva li flimkien mal-Knisja (l-Awtoritajiet tagħha jew il-parroċċa tal-Mellieħa) isir progamm ta' restawr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, billi dan is-santwarju storiku għandu ħtieġa ta' restawr f'diversi partijiet tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Heritage Malta tista’ toffri pariri professjonali dwar il-metodoloġija ta’ restawr permezz tal-iskema ta’ servizzi professjonali li għandha d-Diviżjoni ta’ Konservazzjoni fi ħdan l-istess aġenzija, però mhux li jsir ir-restawr, għaliex il-ħaddiema tagħha matul is-sena li ġejja diġà huma mpenjati fuq proġetti oħra.

Ħal Tarxien — tempji neolitiċi - viżitaturi/turisti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-viżitaturi/turisti li saru it-tempji neolitiċi ta' Ħal Tarxien fl-aħħar għaxar snin possibilment sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ viżitaturi/turisti li żaru t-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien fl-aħħar għaxar snin hu hekk: 1998 123,410 1999 123,104 2000 125,891 2001 116,197 2002 106,874 2003 106,218 2004 105,928 2005 101,967 2006 105,192 2007 115,512 2008 126,861

manutenzjoni tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li l-ispejjeż kollha għall-manutenzjoni tal-iskejjel, se jsiru kollha mill-fondi tal-iskola u mhux mid-dipartiment jew l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta x-xogħol ta’ manutenzjoni tal-iskejjel jsir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, il-ħlas għalih isir mill-FTS. Meta x-xogħol ikun ta’ natura minuri u jsir mis-Sezzjoni tas-Servizzi Tekniċi, l-ħlas isir mill-iskola. F’każi eċċezzjonali li l-iskola ma tkunx ser tlaħħaq mal-ispejjeż meħtieġa jsiru arranġamenti oħra, inkluż l-użu ta’ fondi tal-Kunsill Skolastiku, transfer ta’ Imprest Material and Supplies Funds għall- Imprest Repair and Upkeep Funds , u anke jista’ jidħol id-Direttorat biex jagħmel tajjeb jekk ikun il-każ.

Ħ'Attard — skola primarja - lezzjonijiet tal-PE

Question

Tista' l-Ministru tara li l-istudenti fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard ma jitnaqqsulhomx il-lezzjonijiet tal-P.E. għall-ebda raġuni kif fil-fatt diġà qiegħed jiġri minkejja li l-iskola għadha kif bdiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lezzjonijiet tal-P.E. fl-iskola ta’ Ħ’Attard qed isiru skont it-timetable u hi l-istess kif kien isir is-sena l-oħra.

Mużew tal-Gwerra — extractors bil-ħsara

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga u tara x'inhi r-raġuni li l-extractors istallati fil-Mużew tal-Gwerra ma humiex jiffunzjonaw? Tista' l-Ministru tara li l-vizitaturi u l-impjegati ta' l-istess mużew, ma jibqgħux soġġettati għas-sħanat li dan il-post hu maħkum biha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minnħabba raġunijiet ekonomiċi, s-sistema ta’ ventilazzjoni li hemm installata fil-Muzew tal-Gwerra tikkonsisti fi tlett sistemi ta’ extractors ċentralizzati . Dawn iservu (biss) biex tinbidel l-arja (air changes) ġewwa l-mużew skond il-bżonnijiet sanitarji. Sabiex titkessaħ l-arja wkoll kien ikun hemm bżonn li tiġi stallata sistema ta’ air conditioning li kienet tkun ferm ogħla, kemm bħala prezz kif ukoll fil-konsum ta’ enerġija. Ta’ min ifakkar li dan il-mużew qatt ma kellu la sistema ta’ ventilazzjoni u lanqas ta’ air conditioning . B’hekk ħsibna li kien ikun xieraq li għalissa jkollna sistema bażika ta’ ventilazzjoni. Jekk fil-futur ikun hemm opportunità, is-sistema eżistenti tista’ tikber f’waħda ta’ air conditioning mingħajr ma tinbidel il-parti l-kbira ta’ dak li diġà hemm istallat ( ductwork ). Ta’ min jgħid ukoll illi s-sitema ta’ ventilazzjoni hekk kif inhi stallata, hija waħda silenzjuża skond il-bżonnijiet tal-mużew u bdiet topera minn meta reġa’ nfetaħ il-mużew. Qatt ma kienet bil-ħsara jew mitfija.

San Ġiljan — Ground ta' l-iskola primarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rranġat il-ground ta' l-iskola primarja ta' San Ġiljan li għadu maqlugħ u mimli żrar b'periklu għat-tfal li jilgħabu fih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-iSkola Primarja ta’ San Ġiljan, hemm żewġ grounds li t-tfal jistgħu jużaw għar-rikreazzjoni, lezzjonijiet ta’ edukazzjoni fiżika, sport jew attivitajiet oħra. It-tnejn huma miksija bit-tarmak u la hemm art maqlugħa u l-anqas żrar.

San Ġiljan — Skola primarja - siġar

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jinqalgħu s-siġar madwar l-iskola primarja ta' San Ġiljan li jagħmlu ħażin għal dawk it-tfal li jbatu bl-ażma u problemi oħra respiratorji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minkejja li s-siġar li hemm madwar l-iskola ta’ San Ġiljan huma fuq art ta’ terzi persuni, il-Gardening Section qatgħuhom diversi drabi. L-aħħar darba li sar dan kien f’Mejju li għadda. L-iskola kkuntattjat lill-Kunsill Lokali kemm-il darba u l-Kunsill Lokali rrisponda li dawn is-siġar ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi għamel talba formali lill- Environment Landscapes Consortium biex dawn jieħdu ħsieb li s-siġar jinqalgħu mill-għeruq.

Pembroke — Skola Sir Luigi Preziosi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul is-sena skolastika li għaddiet u f'din is-sena skolastika s'issa jekk kienx hemm każi ta' raġel li daħal fl-iskola sekondarja tal-bniet Sir Luigi Preziosi f'Pembroke u għamel atti indiċenti? X'passi ttieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li xi persuna daħlet fl-iskola u għamlet atti indiċenti matul is-sena skolastika li għaddiet jew f’din is-sena skolastika fl-iskola sekondarja tal-bniet Sir Luigi Preziosi f’Pembroke.

Università ta' Malta — evalwazzjoni tal-korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk issirx evalwazzjoni tal-korsijiet li qed toffri l-Università ta' Malta? Hemm studji riċenti li jgħidu u jindikaw x'inhuma l-korsijiet li l-iktar li għandu bżonn dan il-pajjiż għall-ġid tal-ekonomija tiegħu? Jistgħu dawn l-istudji jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università għandha sistema fejn minn żmien għal żmien tevalwa l-kwalità tal-korsijiet mgħallma kemm għall-kwalità akkademika tagħhom kif ukoll għal xi aġġornamenti li jkunu meħtieġa. Apparti dan, kull sena, 1-Università timpjega eżaminaturi barranin, li uħud minnhom jiġu anke mistiedna jżuru l-Università, sabiex jipparteċipaw fl-eżaminijiet u jiltaqgħu mal-istudenti. Is-Senat tal-Università huwa finalment responsabbli sabiex japprova 1-korsijiet kollha li toffri 1-Università wara li jkun sodisfatt li huma ta’ kwalità u anke li jirrispondu għall-bżonnijiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż. F’dan l-inkarigu, is-Senat huwa mgħejjun minn entità akkademika bl-isem ta’ Programme Validation Committee (PVC). F’dan ix-xogħol, il-Programme Validation Committee, li huwa kumitat li jiltaqa’ kull ħmistax, huwa assistit mill-Academic Programme Quality and Resources Unit (APQRU), grupp ta’ sitta minn nies li jaħdmu kontinwament fuq dan il-proċess. Fl-evalwazzjoni perjodika tal-programmi ta’ studju, 1-istudenti nfushom għandhom parti importanti permezz ta’ kwestjonarji li huma jintalbu jimlew anonimament meta jispiċċa kull semestru. Għalkemm 1-Università dejjem lesta tikkonsidra li żżid korsijiet fejn l- istakeholders soċjali, nkluż il-Gvern, jindikaw l-ħtieġa tagħhom, hija trid bilfors taħdem fil-parametri finanzjarji li l-iStat jipprovdilha. Bħala eżempju, 1-Università ghadha kemm bdiet korsijiet ġodda fI-istudju tal-Assigurazzjoni, kors fuq il-Loġistika tat-Trasport (Nies u Merkanzija) u kors ta’ Master’s dwar Studji Maltin. Waqt li l-Università ta’ Malta ma għamiltx studji biex tara liema korsijiet għandu bżonn il-pajjiż, il-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Għolja (NCHE) tikkordina u tagħmel studji f’dan il-qasam. Nistgħu nsemmu wieħed mill-aħħar rapporti bit-titlu Skills for the Future (Frar 2009) li jippreżenta r-riżultat tad-djalogu wiesgħa fost dawk kollha involuti fis-settur edukattiv fuq il-ħiliet futuri tal-pajjiż. Kopja qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korsijiet fl-Università — evalwazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk issirx evalwazzjoni dwar il-korsijiet li jingħataw mill-Università, il-mod kif dawn jiġu mfassla u liema suġġetti għandhom jiġu mgħallma? Min jorganizza dawn l-evalwazzjonijiet u min jirċievi r-riżultati tal-evalwazzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università għandha sistema fejn minn żmien għal żmien tevalwa l-kwalità tal-korsijiet mgħallma kemm għall-kwalità akkademika tagħhom kif ukoll għal xi aġġornamenti li jkunu meħtieġa. Apparti dan, kull sena, 1-Università timpjega eżaminaturi barranin, li uħud minnhom jiġu anke mistiedna jżuru l-Università, sabiex jipparteċipaw fl-eżamijiet u jiltaqgħu mal-istudenti. Is-Senat tal-Università huwa finalment responsabbli sabiex japprova 1-korsijiet kollha li toffri 1-Università wara li jkun sodisfatt li huma ta’ kwalità u anke li jirrispondu għall-bżonnijiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż. F’dan 1-inkarigu, s-Senat huwa mgħejjun minn entità akkademika bl-isem ta’ Programme Validation Committee (PVC). F’dan ix-xogħol, il- Programme Validation Committee , li huwa kumitat li jiltaqa’ kull ħmistax, huwa assistit mill- Academic Programme Quality and Resources Unit (APQRU), grupp ta’ sitta minn nies li jaħdmu kontinwament fuq dan il-proċess. Fl-evalwazzjoni perjodika tal-programmi ta’ studju, 1-istudenti nfushom għandhom parti importanti permezz ta’ kwestjonarji li huma jintalbu jimlew anonimament meta jispiċċa kull semestru.

Livell ta' tagħlim primarju u sekondarju

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex jiġi monitored il-livell ta' tagħlim li qed jieħdu l-istudenti tagħna fil-livell primarju u sekondarju? Huwa kuntent id-Dipartiment tal-Edukazzjoni b'dan il-livell? Ġew proposti xi affarijiet li għandhom isiru biex il-livell ta' l-edukazzjoni jitjieb? X'kienu r-riżultati miksuba wara li ġew implimentati dawk is-suġġerimenti li ppropona d-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-monitoraġġ tal-livell ta’ tagħlim li qed jieħdu l-istudenti tagħna fil-livell primarju u sekondarju isir bi tliet modi prinċipali: a) permezz tal-viżti regolari li jagħmlu l-Uffiċjali Edukattivi fil-klassijiet u fl-iskejjel; b) permezz tal-appoġġ kontinwu lill-għalliema u l-viżti fil-klassijiet li jagħmlu l-kapijiet tal-iskola; c) permezz tal-awditjar tal-iskejjel mid-dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalita’ fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalita’ u l-Istandards fl-Edukazzjoni. L-elementi f’a) u b) minn dejjem kienu jsiru, u kienu jwasslu għal titjib lokalizzat skont il-bżonn. Madankollu il-Gvern ħass il-bżonn ta’ livell ieħor ta’ monitoraġġ li jikkomplimenta l-awtonomija l-ġdida li l-iskejjel beda jkollhom premezz tat-twaqqif tal-Kulleġġi. Fil-fatt, skont il-liġi tal-edukazzjoni kif emendat fl-2006 l-għodda uffiċjali għall-assigurazzjoni tal-kwalita’ hija l-awditjar tal-iskejjel. Fis-sewwa, dan diġa’ kien qed isir fl-iskejjel fi program pilota li mess 10 skejjel statali primarji u sekondarji matul l-2006 u l-2007. Dan il-proċess kien jinvolvi monitoraġġ estensiv f’temp qasir li kien iwassal għal rapport li jiġi diskuss fil-partijiet differenti tiegħu mal-kap tal-iskola u l-istaff. Kien proċess li kien jixpruna bidliet importanti fl-iskejjel fejn sar, skont il-proposti li saru. Xi eżempji ta’ rakkomandazzjonijiet kienu: · żvilupp fil-komunikazzjoni mal-ġenituri u/jew bejn l-istaff; · żvilupp f’ċerti aspetti ta’ spazju fiżiku u riżorsi edukattivi; · żvilupp f’ċerti proċessi amministrattivi bħal fit-tiswir tal-Pjan ta’ żvilupp tal-Iskola (SDP); · żvilupp f’ċerti aspetti ta’ preparazzjoni u kif jingħataw il-lezzjonijiet. Din l-esperjenza kienet essenzjali biex issa titwaqqaf b’mod permanenti sistema ta’ awditjar fuq skala nazzjonali li eventwalment hi maħsuba li tkopri l-iskejjel kollha fis-settur tal-edukazzjoni obbligatorja. Din is-sistema li se tibda titħaddem f’din is-sena skolastika, tibda mill-awditjar intern tal-iskejjel innifishom bħala parti mill-Pjan ta’ Żvilupp tal-Iskola (SDP). L-awditjar estern fil-fatt huwa maħsub li jikkumplimenta l-awditjar intern tal-iskola, biex il-proċess kollu ta’ monitoraġġ jibqa’ fidil mal-prinċipju li l-bidla vera sseħħ minn ġo l-iskola, mhix imbuttata minn barra.

MCAST — full-time u part-time lecturers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm full-time u part-time lecturers fl-MCAST f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena skolastika mill-1998/1999 sal-2008/2009 u kemm hemm illum? Tista' tagħti dan it-tagħrif separatament għal dawk il-lecturers li huma full-time u dawk li huma part-time u skond is-suġġetti li jgħallmu? Tista' tgħid kif ġew ingaġġati dawn il-lecturers f'kull każ skond is-sena tal-ingaġġ tagħhom, kif ukoll skond is-suġġetti li jgħallmu? Jekk ħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' dawn il-postijiet, tista' tpoġġi kopja ta' kull applikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk hemm każijiet fejn ma ħarġitx sejħa għall-applikazzjonijiet, tista' tgħid kif ġew ingaġġati l-lecturers f'kull każ u skond is-suġġetti li jgħallmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Università ta' Malta — Diploma in Nursing - studenti li għaddew minn resit

Question

Tista' l-Ministru tara li studenti li għaddew mir-resit u r-riżultat ħareġ fil-25 ta' Settembru ta' din is-sena, jitħallewx japplikaw u jkunu eleġibbli biex jattendu kors ta' Diploma in Nursing fl-Università ta' Malta li huwa mifrux fuq perijodu ta' tliet snin? Taf il-Ministru li nonostante x-shortage ta' nursing staff li hawn, studenti ma tħallewx japplikaw minħabba n-numerus clausus u dan nonostante li ma setgħux japplikaw qabel għaliex ir-riżultat tal-eżami ħareġ fil-25 ta' Settembru 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif ġie avżat fis-7 ta’ Settembru 2009, wara diskussjonijiet u ftehim bejn l-Università, l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u s-Segretarju Parlamentari tas-Saħħa ġie deċiż li n-numru ta’ studenti li jistgħu jiġu aċċettati fil-korsijiet għan-Nursing (kemm B.Sc. Hons u Diploma) jiżdied minn 140 għall-165. Dan sar kemm minħabba li kien hemm għadd kbir ta’ applikazzjonijiet kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ infermiera li hawn. Dan in-numru huwa l-akbar numru ta’ studenti li għalihom jistgħu jinstabu placements fl-isptarijiet lokali. Ġie deċiż ukoll li kull applikant għaż-żewġ korsijiet li kellu l-kwalifiki meħtieġa sal-31 ta’ Awwissu 2009 jkun aċċettat. Għalhekk b’dispjaċir l-applikanti li kisbu l-kwalifiki wara s-sessjoni supplimentari tal-eżamijijiet ma jistgħux jidħlu f’dawn iż-żewġ korsijiet. Madankollu, l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa diġà ltaqa’ ma’ dawn l-applikanti u l-istaff għenuhom jagħżlu korsijiet oħra offruti mill-Istitut f’oqsma oħra bħal Mental Health Nursing , Occupational Therapy , Applied Biomedical Sciences u Environmental Health .

Kummisjoni Ewropea — European Law dwar il-kreattività

Question

Tista' l-Ministru tispjega x'kien l-involviment tal-Gvern Malti fid-diskussjonijeit, laqgħat eċċ. li qed isiru fil-livell ta' Kummissjoni Ewropea għal-proposta ta' european law partikolari dwar il-kreattività? Min attenda għal dawn il-laqgħat? Kemm saru laqgħat b'kollox? X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika liema liġi qed jirreferi għaliha.

Numru t'applikanti għall-kors t'għalliema tal-B.Ed

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar hemm hu n-numru t'applikanti għall-kors t'għalliema (B.Ed) li daħlu din is-sena fl-Università? F'liema suġġett hu mistenni li ser jitħarrġu dawk l-applikaw? Kemm talbu li jidħlu fil-kors għal taħriġ fil-livell primarju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Matsec u Sec — eżamijiet - resits

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' studenti li qagħdu għar-resits fil-livell tas-Sec u tal-Matsec f'Settembru 2009? F'liema suġġetti għamlu dawn ir-resits? Kemm studenti għaddew minn dawn l-eżamijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumpanija AP — kunflitt ta' interess

Question

Tikkonferma l-Ministru li l-persuna, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, huwa partner ta' kumpanija AP fl-istess ħin illi huwa ċ-Chairman tal-kumitat interministerjali. Nikwota mill-website: "He is currently Chairman of an Inter Ministerial Committee set up by the Maltese government for the European Capital of Culture Project in Malta in 2018." Ma jidhirhiex il-Ministru li dan jikkostitwixxi kunflitt ta' interess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-membri tal-kumitat kollha ddikjaraw l-interess tagħhom mill-bidu nett qabel ma beda jiffunzjona l-kumitat. Mhux previst li se jkun hemm kunflitt ta’ interess fil-ħidma taċ-Chairman ta’ dan il-Kumitat Inter-Ministerjali.

Direttorati tal-Edukazzjoni — promozzjoni tad-Drama

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi program qed jiġi segwit fir-rigward tad-drama fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat? Kemm hemm għalliema tad-drama mad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Kemm proġetti saru fid-drama f'kull skola tal-Istat sew primarji u sekondarji, skola bi skola matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kien jismu kull proġett? Kemm kienu l-fondi allokati għall-promozzjoni tad-drama fl-iskejjel tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Fiex kienu minfuqa dawn il-fondi sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.