Legislature:
Category:
Reset
Active:

Engineering Resource Limited — diretturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma d-diretturi tal-kumpanija governattiva, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Xi kwalifiċi għandhom? Kemm ibbenefikaw nies mill-pubbliku mill-operat tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Id-diretturi tal-kumpanija governattiva li isimha ngħata b’mod separat, b’effett mill-20 t’April 2023, huma Ing. Kevin Chircop (Chairperson), Raymond Falzon, William Lewis, Nevise Borg Caligari, Ronnie Vella, Dr Alex Scerri Herrera, Kelly Cesare, Rachel Debono, Sharon Penza, Dr Alessandro Lia (Membri) u Dr Ryan C Pace (Segretarju). Il-ħatriet saru skont kif jpprovdu l-Memorandum and Articles of Association, liema dokumenti jipprovdu wkoll għall-funzjonijiet tal-kumpanija.

Mini fi Triq Reġjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu proġettat li jsir fis-sena 2023 dwar il-wegħda tat-tisqif tal-mini fi Triq Reġjonali?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mal-ispjegazzjonijiet li diġà tajt fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 306 u 1402, ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-2023 huwa previst li jinbeda studju tekniku relatat ma’ dan il-proġett u l-evalwazzjonijiet meħtieġa relatati mal-istess studju. Għandha tinbeda wkoll cost benefit analysis tal-proġett.

Telgħet ix-Xemxija — xogħlijiet fit-toroq

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jsiru xogħlijiet f'Telgħet ix-Xemxija, meta jridu jsiru u kemm se jieħdu fit-tul? Tista' tgħid x’immaniġġar tat-traffiku se jintuża għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 3261 u 7112. Sadattant, apparti x-xogħlijiet f’Telgħet ix-Xemxija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tagħmel investiment ta’ €6.4 miljun biex ittejjeb sostanzjalment l-infrastruttura tad-drenaġġ f’San il-Pawl il-Baħar u f’Kennedy Grove. Dan l-investiment huwa meħtieġ biex jindirizza t-tkabbir fil-popolazzjoni ta’ din iż-żona u għalhekk irridu nassiguraw li jkun hemm infrastruttura adegwata li kapaċi tilqa’ għad-domanda li dejjem tiżdied. F’dan il-proġett ser tintuża teknoloġija avvanzata magħrufa bħala micro-tunnellling li tippermetti l-kostruzzjoni ta’ gallerija tad-drenaġġ ta’ 1.9km mingħajr l-użu tat-trinek u l-bżonn ta’ ħafna tħaffir. Din il-gallerija ser tiġbor il-parti l-kbira tad-drenaġġ ta’ San Pawl il-Baħar u Kennedy Grove u b’hekk jittaffa l-piż fuq l-infrastruttura eżistenti. Huwa mmirat li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett jibdew sal-aħħar t’April u se jkun maqsum f’żewġ lottijiet, li flimkien mistennija jieħdu madwar 50 ġimgħa biex jitwettqu. Ix-xogħol fuq iż-żewġ lottijiet se jsir fl-istess ħin, biex b’hekk tiġi żgurata t-tlestija effiċjenti u f’waqtha ta’ dan l-upgrade tant meħtieġ.

ERA – avukati in-house

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm avukati in-house impjegati mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx avukati fuq bażi ta’ retainer mal-ERA u jekk hemm, kemm jitħallas kull siegħa kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ avukati ingaġġati fl-uffiċċju legali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. M’hemm ebda avukat ingaġġat fuq bażi ta’ retainer mal-istess Awtorità.

Malta Resources Authority — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati mal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi (MRA) u, f’kull każ, x’inhu l-grad u l-professjoni ta’ kull impjegat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra l-Aġent Kap Eżekuttiv li huwa Inġinier, mal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (MRA) hemm jaħdmu għaxar impjegati. Dawn jinkludu Analyst II u Analyst I, li t-tnejn huma wkoll Inġiniera, u Financial Controller li huwa Accountant. Hemm ukoll Team Leader, Senior Analyst u ħames Project Officers, li kollha huma gradwati fix-xjenza jew f’suġġett relatat.

Project Green — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati mal-aġenzija Project Green u x’inhu l-grad u l-professjoni ta’ kull impjegat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm 107 impjegati ma’ Project Green. Billi l-aġenzija inkorporat fi ħdanha l-operat ta’ Parks Malta għaddej eżerċizzju t'assimilazzjoni.

San Ġiljan – Triq Mikiel Anton Vassalli u Triq San Ġorġ – soft areas

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7061, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid min hu responsabbli għaż-żamma tas-soft areas li hemm fid-dħul għal Paceville ħdejn il-lights, li parti minnhom huma fi Triq Mikiel Anton Vassalli u parti oħra huma fi Triq San Ġorġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-soft areas fis-sit li qed jirreferi għalih jaqgħu taħt kuntratt tal-landscaping li tiġġestixxi Ambjent Malta.

Gvernijiet Lokali – konsultazzjoni ma’ Project Green

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema lokalitajiet se jintefqu l-flejjes allokati lill-aġenzija Project Green? Tista’ tipprovdi d-dati li fihom saret konsultazzjoni mal-Gvernijiet Lokali rispettivi dwar dawn il-proġetti għal kull Gvern Lokali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif diġà kelli l-okkażjoni nispjega fi tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, il-proġetti ambjentali taħt ir-responsabbiltà ta’ Project Green jaqgħu f’numru ta’ kategoriji differenti u għaldaqstant il-kriterji li ser jintużaw sabiex tiġi stabbilita l-prijorità tal-proġett tvarja skont in-natura u l-karatteristiċi tal-proġett innifsu. Bħala linja gwida l-proġetti ser jiġu prijoritizzati skont l-impatt pożittiv li dawn mistennija jħallu fuq il-lokalitajiet u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u r-residenti fl-inħawi. Bħalissa għaddej il-proċess biex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għal spazji miftuħa ġodda relatati mal-Community Greening Grant skont il-linji gwida stabbiliti. L-aġenzija rċeviet 72 applikazzjoni għal din l-iskema li 58 minnhom ġew sottomessi minn Kunsilli Lokali, 4 minn NGOs ambjentali, u 10 saru minn entitajiet oħra fosthom għaqdiet sportivi, każini tal-baned, skejjel, fondazzjonijiet u għaqdiet volontarji. Aktar dettalji dwar dawn l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jingħataw wara li jintemm il-proċess ta’ evalwazzjoni li mistenni jiġi finalizzat sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kif hemm indikat fil-linji gwida. Il-konsultazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali għaddejjin b’mod kontinwu permezz ta’ laqgħat mal-aġenzija, liema laqgħat komplew ukoll wara sessjoni teknika li fiha ġew spjegati l-objettivi tal-Community Greening Grant kif ukoll il-proċess tal-applikazzjoni fid-dettall. Din is-sessjoni saret fit-8 ta Frar li għadda u għaliha kienu mistiedna l-Kunsilli Lokali kollha flimkien mar-Reġjuni. Minbarra l-Community Greening Grant hemm ukoll proġetti oħrajn kbar bħal dak ta’ Vjal ir-Rihan fil-lokalità ta’ San Ġwann, li dwaru saret konsultazzjoni pubblika miftuħa għal kulħadd fit-23 ta’ Frar.

Project Green — proġetti għal St. Elmo's Place

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti u r-renders relattivi għall-proġett/i taħt l-aġenzija Project Green li hemm ippjanat li jsir/u f'St Elmo's Place fil-Belt Valletta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema proġett qed jirreferi.

Żurrieq – Wied Fulija – skart tal-kostruzzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7589, tista' l-Ministru tgħid jekk qabel Mejju 2019 kienx qed jintefa' skart tal-kostruzzjoni f'Wied Fulija bl-awtorizzazzjoni tal-Wasteserv Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li ix-xogħol li kien isir ma kienx jikkonsisti f’rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni, imma fi provvista ta’ materjal gradat għall-istabbilizzazzjoni tal-għoljiet u xogħlijiet ta’ riprofilar. Qabel Mejju tal-2019, ix-xogħlijiet kienu limitati għal ġbir ta’ kampjuni għall-ittestjar tal-ħġieġ u xogħlijiet oħra ta’ tħejjija, inkluż kejl tas-sit u tindif minn veġetazzjoni selvaġġa. Il-kuntrattur seta’ jibda jittrasporta l-materjal ġewwa s-sit ladarba ħarġet l-istruzzjoni minn WasteServ Malta biex jipproċedi bix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni mill-14 ta’ Mejju 2019 ’il quddiem. Ir-riżultat kien li waħda mill-isbaħ żoni tal-kosta tan-Nofsinhar, li Gvernijiet Nazzjonalisti ħallewha miżbla abbandunata, ingħatat lura għat-tgawdija mill-poplu f’wieħed mill-akbar spazji miftuħa li għandna.

Żurrieq – Wied Fulija – rati mħallsa għar-rimi ta’ skart tal-kosturzzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7590, tista' l-Ministru tgħid b'liema rata/i għal kull tunellata tħallas/tħallsu l-kuntrattur/i biex jitfgħu l-10,000 metri kubi ta’ skart tal-kostruzzjoni f'Wied Fulija minn meta dan beda jintieżen f'Mejju tal-2019?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li għadni kif tajtu għall-mistoqsija parlamentari 8032, fejn iċċarajt li x-xogħol li sar ma kienx irdim ta’ skart tal-kostruzzjoni imma kien wieħed ta’ stabilizzazzjoni u profil, jien infurmata li l-kuntrattur tħallas bir-rati stabbiliti skont l-offerta kompetittiva li kienet l-orħos offerta konformi u li wasslet sabiex il-kuntratt tax-xogħol ingħata lilu. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji relatati ma’ dan il-kuntratt kif disponibbli fuq l-Epps.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tagħha minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — persuni reġistrati bħala self-employed

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala self-employed mal-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).

Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — laqgħat fl-UE

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7206, filwaqt li l-Ministru tapprezza li għandha tattendi laqgħat varji, tista’ tindika bil-preċiż liema laqgħat attendiet u liema mistennija tattendi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt il-laqgħat formali tal-Kunsill tas-setturi li nkopri, li saru fis-16 u fit-18 ta’ Marzu, u l-pjan hu li nattendi l-laqgħat formali tal-Kunsill li jkunu se jsiru, kif diġà indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7206.

San Pawl il-Baħar – Qawra – tindif tal-kanal madwar is-salt pans

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7417, tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jitnaddfu l-inħawi tal-kanal madwar is-salt pans fil-Qawra, San Pawl il-Baħar, hekk kif akkumula ilma maħmuġ flimkien ma' alka,li qed jirriżulta fi rwejjaħ jintnu madwar din iż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Ministeru tiegħi, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali sabiex isir il-koordinament meħtieġ biex isiru l-interventi meħtieġa.

Għawdex – Xlendi – proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta bdew u fiex waslu l-konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi? Tista’ tgħid jekk intlaħaqx ftehim reċiproku u jekk iva, fiex jikkonsisti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3679, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Ministeru għal Għawdex għadhom għaddejjin. L-għan aħħari u ewlieni tal-Korporazzjoni huwa li l-lokalità tkun provduta b’servizz aħjar tas-sistema tad-drenaġġ b’mod li tkun tlaħħaq mad-domanda.

Panelli Voltajiċi – ġenerazzjoni ta’ elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien stmat li kellhom jiġġeneraw elettriku (kWh) il-panelli voltajiċi li kienu qed joperaw fl-2022 f'Malta u Għawdex u kemm fil-fatt dawn iġġeneraw? Tista' tgħid kemm kienet l-ineffiċjenza medja tal-panelli fuq livell nazzjonali, jekk din l-ineffiċjenza tinkludix il-losses mis-sistema ta' distribuzzjoni u f'każ li iva, kemm kien il-kontribut ta' dawn il-losses għal din l-ineffiċjenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li skont in-nominal capacity tal-pannelli fotovoltajiċi li kienu qed joperaw fl-2022, kien hemm potenzjal ta’ ġenerazzjoni ta’ 355,200MWHh. Matul l-istess sena, skont ċifri tal-Enemalta, l-ammont iġġenerat kien ta’ 284,600MWh. Id-differenza bejn il-potenzjal u dak li attwalment kien iġġenerat kienet ta’ madwar 70,600MWh. Din id-differenza tista’ tkun attribwita għal diversi fatturi, fosthom id-degradazzjoni fil-kapaċità tal-pannelli matul is-snin, nuqqas ta’ manutenzjoni u tindif tal-pannelli, kif ukoll varjazzjoni naturali fis-sigħat tax-xemx minn sena għal oħra. Ninsab infurmata wkoll li din il-figura ma tinkludix losses oħrajn, bħalma huma losses ta’ distribuzzjoni. Tajjeb li wieħed jifhem li peress li dawn il-pannelli huma fil-parti l-kbira tagħhom distribwiti fuq diversi bjut, id-distanzi bejn il-lok ta’ produzzjoni u l-lok tal-konsum huma qosra u għaldaqstant, wieħed jistenna li l-losses ikunu baxxi.

Ħad-Dingli – qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ma kienx hemm provvista tal-elettriku f’Ħad-Dingli minn Jannar 2023 sal-lum? Tista’ tgħid x’tip ta’ maintenance tifhem biha eżatt l-Enemalta meta kull darba tibgħat lid-Dinglin reġistrati magħha “Electricity supply may be interrupted due to maintenance at part of Ħad-Dingli. Please call us on 80002224 in case of difficulty. Enemalta plc Customer Care.”?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Enemalta qed twettaq pjan ta’ azzjoni li ser jammonta għal investiment ta’ €90 miljun fuq medda ta’ sitt snin, investiment medju ta' €15-il miljun kull sena, biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż. Fost proġetti oħrajn, dan il-pjan jinkludi 250 substation ġdida u modernizzar ta’ oħrajn eżistenti, bini ta’ ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni fin-Naxxar u tkabbir ta’ tlieta oħra, tibdil ta’ linji u l-istallazzjoni ta’ regolaturi tal-vultaġġi f’diversi lokalitajiet. Dan jinkludi xogħlijiet li saru f’Ħad-Dingli fost diversi lokalitajiet oħrajn. Ninsab infurmata li fil-perjodu inkwistjoni l-Enemalta ħtiġilha tagħmel għaxar interventi ta’ manutenzjoni li kienu ppjanati fuq is-sistema tad-distribuzzjoni fil-lokalità indikata. Interventi simili jirrikjedu li l-provvista tal-elettriku tkun interrotta fil-partijiet milquta biex ma jkunx hemm periklu u jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet. Fl-istess perjodu kien hemm tliet ħsarat fuq is-sistema tal-vultaġġ għoli, inkluż il-qtugħ ikkaġunat mill-interruzzjoni li kien hemm fi Frar fil-provvista tal-interconnector. Kull meta tkun ser issir manutenzjoni ppjanata, l-Enemalta mhux biss tinforma lill-pubbliku billi tavża minn qabel dwar tali interventi fuq is-sit elettroniku tagħha, imma anke tibgħat SMS lill-klijenti reġistrati li jkunu ser jintlaqtu direttament mill-interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni huwa varju u jinkludi xogħlijiet fuq it-tagħmir bħal bdil ta’ żjut fit-transformers, xogħlijiet fuq switchgear fis-substations u xogħlijiet oħra fuq il-linji tal-elettriku.

Operat tal-arbli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli biex jiżgura li s-saħħa u s-sigurtà tal-operat tal-arbli u l-bini tal-madwar u s-sidien tagħhom jinżammu fi standard għoli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-każ tal-arbli tad-distribuzzjoni tal-elettriku u wħud mill-arbli tad-dwal tat-toroq li huma responsabbiltà tal-Enemalta, hija l-Enemalta li tintervjeni minnufih jekk xi arblu jkun qed joħloq periklu. Fir-rigward ta’ arbli oħrajn, għandha tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Project Green – spiża f’pubbliċità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża f’pubbliċità għall-proġett ‘Project Green’ mill-1 ta Jannar 2022 sal-31 ta Marzu 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green hija aġenzija li twaqqfet f’Jannar li għadda biex twettaq investiment ambjentali bla preċdent ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin, biex noħolqu aktar spazji ħodor miftuħa kif ukoll intejbu oħrajn eżistenti madwar il-pajjiż. L-ispiża f’pubbliċità minn din l-aġenzija sa Marzu ammontat għal €14,325.26, li tinkludi stampar ta’ banners u reklamar fuq mezzi tal-midja.