Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sistema ta’ ġbir ta’ fliexken minn wara l-bibien — Persuni li għandhom blue badge

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inġabru fliexken minn wara l-bibien tal-anzjani u tal-persuni li għandhom Blue Badge sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm inġabru fliexken minn kull lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn l-1 ta’ Lulju 2025, minn meta daħal fis-seħħ il-proġett pilota tal-mobile RVMs għall-anzjani u persuni vulnerabbli, u s-27 ta’ Awwissu 2025, inġabru total ta’ 275,027 flixkun. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament tal-informazzjoni miltuba.

Bormla — Ġnien il-Kottonera

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-siġar taż-żebbuġ fi Ġnien il-Kottonera, Bormla humiex jiġu kkurati u msoqqija matul is-sajf?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-siġar taż-żebbuġ fi Ġnien il-Kottoner huma stabbli, bosta minnhom kbar u maturi. Project Green tieħu ħsieb dawn is-siġar bħala parti mill-immaniġġjar u l-manutenzjoni ta’ dan l-ispazju miftuħ. Dawn is-siġar jiġu kkurati b’mod regolari fejn jinżabru skont il-bżonn, jitneħħew fergħat nixfin, fergħat dgħajfa u/jew li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-pubbliku. Barra minn hekk, jiġi mmanniġġjat il-ħaxix ħażin li jikber madwar is-siġar biex ma jikbirx iżżejjed u ma jikkawżax riskji speċjalment matul il-perjodu tas-sajf. Peress li dawn is-siġar taż-żebbuġ huma stabbiliti u għandhom sistema ta’ għeruq diġà b’saħħitha, jissaqqew skont il-ħtieġa. B’dan il-mod, Project Green tiżgura li dawn is-siġar jibqgħu f’kundizzjoni tajba, siguri u sostenibbli bħala parti mill-wirt naturali ta’ Ġnien il-Kottoner.

Xemxija sal-Veċċja — Ħasil ta' Bankina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema partijiet tal-front, mix-Xemxija sal-Qawra, qed jiġu maħsula dan is-sajf? Tista’ tgħid ukoll kemm-il darba nħaslu l-bankini matul din is-sena? B’mod partikolari, tista’ tgħid kemm-il darba nħaslet il-bankina mix-Xemxija sal-Veċċja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni għandha programm ta’ rutina biex f’perjodu ta’ ġimgħa, jinħasel ix-xatt kollu mix-Xemxija sal-Qawra. Matul dan is-sajf il-promenade kollu nħasel 15-il darba.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Sindki u Kunsilliera

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29972 dwar kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tagħha, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, tista’ l-Ministru tgħid f’liema kunsilli lokali qegħdin dawn il-persuni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-impjegati fid-dekasteru li jien responsabbli minnu u li ġew eletti f’kunsill lokali, kienu eletti fil-lokalitajiet tal-Birgu, Birżebbuġa, Ħad-Dingli, Għajnsielem, il-Gudja, l-Iklin, l-Isla, Marsaxlokk, il-Mosta, l-Imqabba, l-Imtarfa, il-Qrendi, ir-Rabat (Malta), San Pawl il-Baħar, Santa Venera, Ħal Tarxien, iż-Żebbuġ (Għawdex), Ħamrun, Mellieħa u Żurrieq.

Enemed — Fuel maħmuġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex infurmata li l-fuel tal-Enemed reċentement kien maħmuġ, b’tali mod li kellu riħa qawwija ta’ bacteria? Tista’ tgħid ukoll jekk hijiex infurmata jekk kienx hemm xi kawża/kawżi li xi pompi tal-fuel fetħu kontra l-Enemed dwar dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fjuwil tal-Enemed ma kienx maħmuġ kif qed jiġi allegat.  Hija prassi normali, speċjalment meta l-ħażna tal-fjuwil tkun taħt l-art, bħalma huwa fil-każ tal-pompi tal-petrol kollha ta’ Malta u fil-ħażna ta’ Ħas Saptan, illi d-diesel ikun suxxettibbli li tifforma bacteria fih, speċjalment fil-qiegħ tat-tankijiet fejn jissetilja l-ilma li jista’ jifforma ġot-tankijiet.  Għal dan il-għan, l-Enemed perjodikament tieħu ħsieb li tħallat bijoċida mad-diesel biex ma jħallix li jifforma bacteria u biex jekk ikun hemm bacteria xi mkien fis-sistema, din tinqatel.

L-Imġarr — Limiti ta' Mrejnu - Dawl tat-triq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex it-triq minn Ta’ Mrejnu saż-Żebbiegħ għadha mingħajr dawl adegwat? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet sabiex dan isir u jekk iva, meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta qatt ma rċiviet talbiet la mill-Kunsill Lokali u lanqas minn awtoritajiet oħrajn biex fit-triq imsemmija jiġu installati bozoz biex jiżdied id-dawl. Fiż-żoni taż-Żebbiegħ u Ta’ Mrejnu, fejn hemm ir-residenti, diġà hemm lampi installati, parti minnhom tal-Enemalta u parti minnhom tal-Kunsill Lokali. Parti kbira minn din it-triq hija barra miż-żona tal-iżvilupp, għaldaqstant  din tirrikjedi permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA qabel isir dan it-tip ta’ dawl.

Laqgħat — Dati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29763, tista’ l-Ministru tindika bil-preċiż id-dati tal-laqgħat li attendiet u li ser tattendi għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 29763, ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-17 ta’ Marzu 2025 attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija fi Brussell, waqt li bejn l-10 u l-11 ta’ Lulju 2025 attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill Informali tal-Ministri tal-Ambjent fid-Danimarka.

Il-Buskett — Tindif ta' wied u ġibjun

Question

Fid-dawl tal-istat ta’ telqa u abbandun fil-wied li jinsab fiż-żona tal-Buskett (fejn jinżamm l-ilma kollu li jinżel mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli) u fiż-żona tal-madwar ta’ ġibjun antik (li jintlaħaq permezz ta’ arkata fil-ġenb, faċċata ta’ dak li kien il-Bosk tal-Buskett), tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx intenzjoni u rieda reali li l-wied u l-ġibjun jitnaddfu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin, Ambjent Malta ilha twettaq diversi interventi li jikkumplimentaw l-istorja taż-żona u li jissalvagwardjaw l-ogħla protezzjoni ambjentali tal-Buskett. Speċifikament dwar Wied il-Buskett u Wied il-Luq kif ukoll il-ġibjuni li hemm fl-akwata,  Ambjent Malta bdiet investigazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma storika ta’ żmien il-Kavallieri u dak Brittanniku, fejn inġabret informazzjoni dwar l-istat u l-pożizzjoni tal-infrastruttura tal-irrigazzjoni. Sar ukoll studju idroloġiku tal-ilma tax-xita u tal-għejun li jinsabu f’Wied il-Buskett. Ambjent Malta qed tagħmel ukoll studju dwar l-impatt tal-qasba f’Wied il-Luq biex tali interventi jsiru wara li jkunu investigati u mħarsa l-possibiltajiet kollha. F’dan ir-rigward, tlestew il-pjanijiet u d-dokumentazzjoni neċessarja għas-sottomissjoni tal-permessi għar-restawr tal-ġibjun ta’ Wignacourt, il-ġibjun magħruf bħala tal-Magħluqa u restawr infrastrutturali ta’ Wied il-Buskett u Wied il-Luq fuq medda ta’ żewġ kilometri. Ambjent Malta għamlet restawr tal-ġibjun iż-żgħir ta’ Wignacourt, kif ukoll ta’ dak biswit ir-Razzett tal-Ispirtu.  Matul din is-sena, Ambjent Malta issottomettiet ukoll applikazzjoni biex tkun tista’ tibbenifika minn fondi tal-Unjoni Ewropea li se jara restawr ta’ din l-infrastruttura u l-istat ambjentali ta’ Wied il-Buskett u dak ta’ Wied il-Luq.

Triq it-Turisti kantuniera ma’ Triq Ras il-Qawra — Tiswijiet

Question

Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex fil-kantuniera ta’ Triq it-Turisti ma’ Triq Ras il-Qawra, fejn reċentement infaqa’ main tal-ilma, isiru t-tiswijiet meħtieġa fuq l-istess triq u dan fid-dawl tal-fatt li l-wiċċ tat-triq tħalla bil-konkos u qed ikun perikoluż għall-vetturi li jgħaddu mill-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li waqt xogħlijiet ta’ tiswijiet mill-Enemalta fuq cable fit-triq indikata, intlaqat main tal-ilma. Wara li saru t-tiswijiet neċessarji, kif isir f’każijiet bħal dawn, ix-xogħol jingħalaq bil-konkos qabel isir l-asfalt. Dan il-konkos jieħu madwar 28 ġurnata biex ikun jista’ jilħaq is-saħħa totali tiegħu. Wara dan il-perjodu jsiru t-testijiet neċessarji u wara li jkun hemm ċertifikazzjoni mil-laboratorju jingħata l-asfalt skont il-kundizzjonijiet fil-permessi ta’ Transport Malta.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales – Main tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-main tal-ilma fi Triq il-Pwales, f'San Pawl il-Baħar jinbidel, peress li qed ikun hemm ħsarat ta’ spiss?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali proġett diġà jinsab fil-pjanijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales – Sistema tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li s-sistema tad-drenaġġ titwassal sal-parti ta’ ġewwa ta’ Triq il-Pwales, f'San Pawl il-Baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-infrastruttura tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġà tasal sal-bini eżistenti.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li nbdew għall-proġett fiż-żona tas-Simar, Triq il-Pwales, San Pawl il-Baħar u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal stqarrija (PR251455) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-18 ta’ Awwissu 2025, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-pjanti mitluba huma aċċessibbli minn fuq l-eApps u n-numru tal-applikazzjoni huwa PA/07759/23.

Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma — Bord tat-tmexxija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fil-konfront tal-Bord tat-tmexxija tar-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS), skont il-paragrafu (a) tal-artikolu 3(9) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545 m’hemmx ukoll imsemmija membri tal-Parlament Ewropew bħala persuni li allura huma esklużi milli jkunu fuq il-Bord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tip ta’ projbizzjoni msemmija minnu bdiet tiġi inkluża fl-Atti maħruġin b’liġi mill-Parlament ta’ Malta fi żminijiet riċenti, bħal fil-każ tal-Att tal-2024 fuq Azzjoni dwar il-Klima.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Chief Executive Officers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23770, tista’ l-Ministru tgħid: (a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (ċ) X’kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f’liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f’liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta’ ħatra u l-kuntratt ta’ dawn iċ-Chief Executive Officers?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, insegwitu għat-tweġiba li kont tajtu għall-mistoqsija parlamentari 23770, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista aġġornata tal-kapijiet eżekuttivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika. Nifurmah ukoll li l-perjodu li għalih ikun maħtur Kap Eżekuttiv huwa stabbilit fil-kuntratt li jistipula l-kundizzjonijiet tal-impjieg.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Lulju 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29484.

Blokok residenzjali fil-flypath tal-ajruport

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26091 u tgħid x’inhi r-raġuni li sitt blokok residenzjali li kienu ex-Married Quarters tal-Ingliżi f’Ħal Farruġ li mat-tluq tal-Ingliżi minn Malta, ġew okkupati minn familji Maltin u li kienu nxtraw minnhom fl-1981; twaħħlilhom arloġġ tad-dawl fil-komun f’Diċembru li għadda u issa rċevew kont tad-dawl b’lura ta’ 4,500 Euro għal kull blokka bħala konsum tad-dawl tal-komun, meta d-dawl ta’ dan il-komun kien jinżamm mixgħul a spejjeż tal-Gvern minn inżul sa tlugħ ix-xemx peress li dawn qegħdin fil-flight path tal-ajruplani li jkunu ser jinżlu fl-ajruport? Tista’ tgħid ukoll għaliex il-konsum tad-dawl ta’ dawn il-komuni mhux ser jibqa’ jitħallas mill-Gvern kif dejjem sar, peress li ż-żamma ta’ dan id-dawl jixgħel huma mezz ta’ sigurtà għall-inżul u tlugħ tal-ajruplani?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Kumpanija ARMS laħqet ftehim mar-residenti konċernati.

San Pawl il-Baħar — Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’wassal biex partijiet kbar minn San Pawl il-Baħar spiċċaw bla dawl fil-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Lulju 2025? Peress li għadhom kif saru meded sħaħ ta’ cables ġodda, tista’ tagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jerġgħu jinqalgħu t-toroq biex isiru iktar cables?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li grazzi għax-xogħol estensiv li għamilna biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni f’pajjiżna, f’każ ta’ qtugħ ta’ dawl, il-klijenti jingħataw il-provvista lura f’qasir żmien. Tant hu hekk li fil-każ parikolari msemmi f’din il-mistoqsija parlamentari, l-ewwel klijenti ngħataw l-provvista wara biss 4 minuti. F’San Pawl il-Baħar l-Enemalta poġġiet 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art, sar xogħol fuq numru ta’ substations u kabbret iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni permezz ta' transformer ta’ 30MVA biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni f’dan il-lokal.

San Pawl il-Baħar — Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba kien hemm qtugħ ta’ dawl ippjanat (scheduled) f’San Pawl il-Baħar minn Lulju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm-il darba kien hemm qtugħ ta’ dawl mhux ippjanat, f’San Pawl il-Baħar fl-istess perjodu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, jew minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien b’mod naturali, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.

Qtugħ ta’ ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba kien hemm qtugħ ta’ ilma li kien skedat, bejn Lulju 2024 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm qtugħ ta’ ilma mhux skedat fl-istess perjodu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qtugħ tal-ilma min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jkun ippjanat għajr għal ħsarat li jinqalgħu li fil-maġġoranza tagħhom ikunu kkawżati minn terzi.

Kiri ta’ generators

Question

Tista’ l-Ministru tgħid l-Enemalta kemm għandha generators mikrija mingħand il-privat f’Għawdex mill-bidu tas-sajf tal-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll x’saħħa ta’ KVA għandhom dawn il-generators, mingħand min qed jinkrew, kif qed jinkrew u jekk humiex jinkrew wara li ħarġet sejħa pubblika jew permezz ta’ direct order?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta m’għandha l-ebda generator mikri mingħand il-privat f’Għawdex imma għandha 2 generators li jintużaw biex meta ssir manutenzjoni fis-substations, il-klijenti jingħataw il-provvista sakemm ix-xogħol ikun lest.