Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pjan ta’ edukazzjoni fuq Waste Separation u Door Collection

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern biex jiġu intensifikati l-isforzi nazzjonali għal media education aktar effettiva dwar waste separation u door collection?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ilna għal dawn l-aħħar snin nahdmu bis-sħiħ biex nzidu l-għarfien fuq l-immaniġjar sostennibli ta’ l-iskart permezz ta’ diversi kampanji edukattivi. Ewlenin fosthom “Don’t Waste Waste”, “Sort it Out”, u “Saving Our Blue”. Il-messaġġi li wassalna u li għadna qed inwasslu jittrattaw mhux biss is-separazzjoni ta’ l-iskart fid-djar tagħna, iżda ukoll kif innaqqsu l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart bħal l-użu tal-plastik, u anki kif nużaw il-faċilitajiet u s-servizzi provduti għalina. Użajna u se nibqgħu nużaw diversi mezzi biex nipprovdu l-informazzjoni. Mhux biss riklami u videos fuq it-televiżżjoni, ir-radju u l-medja soċjali. Morna fl-iskejjel, żorna fabbriki u postijiet tax-xogħol, iltqajna man-nies fl-avvenimenti tal-massa, qassamna għodda biex inħeġġu n-nies jisseparaw aktar, dorna l-pjazez ta’ l-irħula. L-enfasi fuq l-edukazzjoni u l-ħtieġa li nibqgħu dejjem inżidu l-għarfien ma tistax tieqaf. Nhossu wkoll l-bzonn li dejjem ghandna nkomplu nsahhu l-gharfien dwar il-prevenzjoni ta l-skart u mhux biss s-separazzjoni. Dan ifisser gharfien ta kif ser nagħmlu għażliet aktar konxji biex narmu inqas skart specjalment bhal li nixtru prodotti li ma jkellhomx ippakkjar zejjed, kif nibqgħu nużaw il-prodotti aktar fit-tul, kif niprovdu servizzi ta’ tiswija u kif nippreferu materjali ta’ dannu inqas għal ambjent minn oħrajn billi nużawhom aktar minn darba. Fil-gimghat li gejjin ser tissokta wkoll kampanja dwar il-gbir tal-hgieg u qieghdin ukoll nahdmu dwar kampanja indirizzata għall-istabilimenti kummerċjali. Din il-ħidma ser titkompla għax nemmen b’rieda sħiħa u b’saħħitha għax nemmen bil-qawwa dwar l-importanza tal-edukazzjoni f’dan il-qasam, kif alluda tajjeb hafna l-Onorevoli Interpellant.

Spezzjonijiet fuq trakkijiet taż-żibel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq trakkijiet taż-żibel fis-sena 2019?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat illi min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi matul l-2019 saru 33 spezzjoni fuq trakkijiet taż-żibel Apparti minn hekk il-WasteServ tagħmel spezzjonijiet kontinwi fuq it-trakkijiet li jidħlu fil-faċilitajiet tagħha sabiex jaraw li jkunu konformi mar-regoli applikabbli. Fil-fatt infurmat li matul l-2019 l-WasteServ għamlet 53,518 il-spezzjoni ta’ dan it-tip.

Awtorità tal-Ippjanar – Forward Planning Unit — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma n-nies li żdiedu fil-Forward Planning Unit fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar f'din l-aħħar sena u f'liema grad huma? Jista’ jgħid jekk ħarġitx call for applications għal dan il-post? Jista’ jgħid x'inhi l-esperjenza ta' dawk magħżula għal dan il-post?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li matul din l-aħħar sena kien hemm ħames (5) persuni li ġew allokati mad-diviżjoni tal-iStrategy and Policy Formulation, li qabel kienet tissejjah Forward Planning. Iz-zieda kienet qed taghmel tajjeb għal replacement ta’ ħames (5) persuni li marru jaħdmu f’dipartimenti oħra jew irriżenjaw, matul dan l-istess perjodu. Il-persuni l-ġodda li marru jaħdmu fid-diviżjoni tal- iStrategy and Policy Formulation, kienu wieħed b’riżultat ta’ call for application, wieħed b’ingaġġ fuq bażi ta’ trust, u tlieta ġew trasferiti minn dipartimenti oħra. Kull wieħed minn dawn il-persuni għandu l-esperjenzi neċessarji sabiex ikun jista’ jgħamel xogħlu kif jixraq u b’effiċjenza.

Awditur tal-Ippjanar – każijiet investigati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm investiga każijiet l-Awditur tal-Ippjanar mis-sena 2013 sal-2020, sena b'sena, in-numru tal-permess, il-lokalità u r-rakkomandazzjoni f'kull każ li għamel l-awditur kif ukoll x’azzjoni ħadet l-Awtorita tal-Ippjanar f'kull każ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li r-rwol ta’ Awditur Intern tal-Awtorita’ tal-Ippjanar gie twaqqaf permezz tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Izvilupp tas-sena 2016, ghalkemm il-ħatra tal-Awditur ġiet fis-seħħ fl-4 ta’Dicembru 2017. Apparti dan ix-xogħol huwa jieħu ħsieb ukoll il-komunikazzjoni ma’ l-Ombudsman/Kummissarju ghal Ambjent u l-Ippjanar u wkoll ma’ l-uffiċċju ta l-Awditur fi ħdan l-Awtorita’ tal-Artijiet. Il-ka¿ijiet investigati jvarjaw minn permessig għal investigazzjonijiet rigwardanti impjegati tal-Awtorita’ u prattici tad-Direttorati. Infurmat ukoll li minħabba li ċerti dettalji jkunu jaqaw taħt l-Att Dwar il-Protezzjoni u Privatezza tad-Data dawn ma jkunux jistgħu jingħataw. Sadanittant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ammont ta’ siġar miżrugħa — pjan

Question

Jista' l-Ministru jispjega jekk jeżistix pjan sabiex jinżergħu iktar siġar f'Malta u Għawdex? Kemm inżergħu siġar f'Malta u Għawdex fis-sena, u ta' liema tip?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informazzjoni dwar sigar mizruha mil-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2550 u 4015. Dawn jkopru snin mill-2013 sa 2018. B’żieda mal-informazzjoni li diġà tajt, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ghas-snin 2019 u 2020. Nzid ukoll li l-Gvern kollu hu inklinat biex ikomplu jinżergħu aktar siġar u arbuxelli, partikolarment dawk indiġeni, f’kull rokna tal-pajjiż. Tali mpenn mingħajr preċedent hu viżibbli għal kull ċittadin.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – lista ta’ karozzi mixtrija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta’ karozzi mixtrija mill-Ministeru tiegħu u minn dipartimenti, awtoritajiet, entitajiet, aġenziji eċċ li jaqgħu taħtu mill-2017 sa issa għal uffiċjali fil-gradi ta’ chairpersons, diretturi ġenerali, kapijiet eżekuttivi u diretturi? Jista' jgħid x’mudell kienet kull karozza? Jista' jgħid x’kienet l-ispiża fuq kull karozza? Jista' jgħid f’liema grad kienu l-uffiċjali li għalihom inxtrat kull karozza? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel fuq kull waħda minn dawn il-karozzi, sena b’sena b’mod separat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Użu ta’ enerġija alternattivi – time scales u targets

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'time scales u targets għandu f'moħħu l-Gvern Malti biex jiżgura li pajjiżna jilħaq il-miri tal-EU fejn jidħol użu ta' enerġija alternattiva fil-gżejjer Maltin u Għawdxin? Jista' jelabora dwar l-istrateġija tiegħu fid-dettall?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.

Policy għal tindif ta’ widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix policy dwar meta u kif isir tindif tad-diversi widien li hawn Malta u Għawdex? Jekk teżisti din il-policy jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill Ministru kkoncernat.

Policy għal tindif ta’ widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix policy dwar meta u kif isir tindif tad-diversi widien li hawn Malta u Għawdex? Jekk teżisti din il-policy jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill Ministru kkoncernat.

Użu ta’ karta riċiklata — implimentazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tiegħu għall-implimentazzjoni ħalli kull dipartiment u entità governattiva tibda tuża l-karta riċiklata? Meta fil-fatt se jibda dan? Kemm hija ppjanata li ġejja tiswa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern ga ghandu fis-sejha sistema ta’ l-akkwist pubbliku ekoloġiku magħruf aħjar bħala Green Public Procurement (GPP)li permezz taghha il-karta li tinxtara mis-servizz pubbliku hija karta riċiklata kif ukoll “elementary chlorine free”. Matul s-snin 2017, 2018 u 2019 intefqu Eur2,991,775 għax-xiri tal-karta riċiklata minn firxa ta’ Ministeri, dipartimenti u entitajiet pubbliċi.

Inċineratur — spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswa fil-preżent l-inċineratur? Jista' jagħti break down ta' dawn l-ispejjeż u tal-kwantità ta' tunellaġġ li qed jiġi inċinerat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra

Masġar bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar — rijabilitazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14293, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu fir-rigward tal-Masġar bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħad-Dingli – Skedar ta’ binja medjevali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar irċevietx talba għall-iskedar tal-binja medjevali li hemm bejn Sqaq il-MUSEUM u Daħla tas-Sienja f’Ħad-Dingli u jekk fl-affermattiv, fejn waslet din l-applikazzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

L-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet talba għall-iskedat tal-binja medjevali li hemm bejn Sqaq il-MUSEUM u Daħla tas-Sienja f’Ħad-Dingli. Din ġiet approvata mill-Kunsill Esekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar nhar it-Tlieta 13 ta’ Ottubru u għandha tidher fil-Gazzetta tal-Gvern fil-jiem li ġejjin.

Ħad-Dingli – toroq li ser jinfetħu – wisa’

Question

B’referenza għat-toroq li qed jissemma li ser jinfetħu bejn Sqaq il-MUSEUM, Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco f’Ħad-Dingli, jista’ l-Ministru jgħid kif jiġi determinat il-wisa’ ta’ dawk it-toroq fejn il-pjan lokali juri biss il-linja tat-triq fuq naħa waħda, il-linja tal-ischeme 'il barra minnha però ma jurix il-linja fuq in-naħa l-oħra u allura l-pjan lokali ma jiddeterminax il-wisa' ta' tali triq? X'inhuma l-proċeduri li taddotta l-Awtorità tal-Ippjanar f'tali ċirkustanzi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-kazijiet fejn il-Pjan Lokali juri biss l-allinjament tal-bini fuq naha wahda u ma jurix il-linja tat-triq fuq in-naha l-ohra, japplikaw il-provvedimenti tal-Avviz Legali 291 tal-2018 li jistipulaw il-wisa’ minima tat-toroq.

WasteServ – ħaddiema f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mal-WasteServ jaħdmu f'Għawdex? Jista' jgħid kemm minnhom huma tal-fiss u kemm għandhom kuntratt temporanju u x'tip ta' xogħol għandhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-WasteServ ghandha 56 haddiem ġewwa Ghawdex li minnhom wiehed huwa impjegat dirett tal-kumpanija u l-ohrajn huma tal-kuntrattur. Ix-xoghlijiet li jaghmlu jvarjaw minn plant manager, heavy plant drivers, operatives, senior officers, supervisors, technical fitters, skrivani, cleaner, spetturi, koordinaturi, aġenti u rappresentanti tal-customer relations, Professional officer, store officers u watchmen.

National Biodiversity Strategy for Malta — implimentazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument tan-National Biodiversity Strategy for Malta? Jista' jgħid kif dan il-pjan qed jiġi segwit u implimentat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Istrateġija Nazzjonali għall-Bijodiversità u l-Pjan ta’Azzjoni 2012-2020, hekk kif approvat mill-Gvern u misjub fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Il-pjan ikopri miri u miżuri li kellhom jitwettqu matul perijodi speċifiċi u dawn jiġu segwiti b’mod kontinwu permezz ta’ diversi inizjattivi, xogħlijiet, preparazzjoni ta’ dokumenti relevanti, fost oħrajn. Diversi miżuri ġew implimentati mill-Ministeru u l-ERA, b’kontribut minn entitajiet oħrajn kif jeħtieġ. Bħalissa qed jiġi wkoll msejjes ir-rapport fuq l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-miri u l-miżuri tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Bijodiversità u l-Pjan ta’ Azzjoni 2012-2020 mill-ERA.