Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħħala – disponiment ta’ demel tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħareġ l-ordni li raħħala jiġu miżmuma milli jiddisponu mid-demel tal-annimali li jrabbu mingħajr pre-avviż?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid f'liema post ir-raħħala ġew miżmuma milli jiddisponu mid-demel tal-annimali. Sa fejn jiena infurmat ir-raħħala jaħżnu d-demel fid-demmiela sabiex fi żmien f’waqtu jkunu jistgħu jferrxuh fuq ir-raba skond ir-regolamenti dwar il governanza tal-agrikoltura.

Raħħala – mezz biex jeħilsu mid-demel tal-annimali li jrabbu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif u b'liema mezz ir-raħħala se jkunu jistgħu jeħilsu mid-demel tal-annimali li jrabbu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2017 twaqqfet Aġenzija għall-Governanza tal-Bio Riżorsi Agrikoli, li qegħda tistudja l-isfidi tal-immaniġjar sostenibbli tad-demel tal-annimali. Is-sitwazzjoni hija diffiċli meta wieħed jikkonsidra li Malta hija ddikjarata kollha bħala żona vulnerabbli għan-nitrati. Huwa mistenni li fil-futur qarib jista’ jkun hemm xi żviluppi. Dawn l-istudji huma mhux biss ta’ natura teknika imma wkoll ta’ natura ekonomika biex il-Gvern jassigura soluzzjonijiet sostenibbli li jimmassimizzaw il-valur tar-riżorsi fid-demel liema valur ma jgħabbix lir-raħħal bi spejjeż inutli.

Għawdex — barrieri - materjal ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm barrieri ġewwa Għawdex li għandhom il-permess li jirċievu materjal tal-kostruzzjoni? Jista’ jindika n-numru ta’ dawn il-barrieri, kif ukoll f'liema lokalità jinsabu u l-indirizz ta’ dawn il-barrieri?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex hemm tlett (3) barrieri li għandhom permess ambjentali sabiex jaċċettaw materjal ta’ kostruzzjoni. Dawn huma:- 1. Il-Barriera SG03 li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Xrajjah fil-limiti ta’ San Lawrenz 2. Il-Barriera SG02 li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Tal-Ponta fil-limiti ta’ San Lawrenz 3. Il-Barriera HG12 li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Klement fil-limiti tal-Qala.

Salini – tindif ta’ kanal

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-kanal li hemm fiż-żona tas-Salini li jaqa’ taħt il-Valley Management jiġi mnaddaf mill-alka u materjal ieħor peress li dan qed joħloq inkonvenjent lir-residenti li jgħixu fl-akkwati kif ukoll lil nies oħra li jgħaddu mill-istess żona?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-kanal tas-Salini jaqa’ taħt ir- responsabbiltà tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, għaldaqstant l-Onor. Interpellant għandu jirefferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Birgu – sparar fuq ħamiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intalabx permess jew parir mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għall-sparar fuq il-ħamiem fid-dawl tax-xemx fil-Birgu? Jekk intalab permess, minn min intalab u x’kienet ir-risposta tad-Direttorat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa rrispondejt f’Mistoqsijiet simili fil-leġislatura li għaddiet, skont l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (Kapitlu 439) Artiklu 48 tal-Liġijiet ta’ Malta, l-kontroll tal-pesti mhumiex regolati mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lil Ministru kkonċernat. Jingħad ukoll li għas-skans ta' dubji, d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ma ta l-ebda permess f'dan ir-rigward.

Ix-Xewkija — Impjant ta' Tisfija tad-Demel - funzjoni tas-separator

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni ta' separator (l-Impjant ta' Tisfija ta' Demel) li llum jinsab fix-Xewkija fejn hemm l-Impjant tal-WasteServ f'Għawdex? Jista jgħid ladarba jkun sar il-proċess ta' tisfija u jintgħażel l-iskart, x'qed isir mill-iskart disponibbli wara l-proċess ta' tisfija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-terminu “separator” jindika makkinarju li l-għan aħħari tiegħu huwa li jingħasar id-demel u b’hekk jintgħażel il-materjal solidu mill-parti likwida. Normalment dan il-proċess jirriżulta f’xi 70 fil-mija ta’ parti likwida u xi 30 fil-mija ta’ parti solida. Wara dan il-proċess, il-materjal organiku solidu jiġi meħud lura mir-raħħal. Sa dan it-tant qegħda ssir analiżi fuq il-parti likwida.

Ix-Xlendi — manutenzjoni tal-moll

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-moll li jservi lis-sajjieda fil-bajja tax-Xlendi li kien ġarrab xi ħsarat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat mill-Ministeru għal Għawdex għall-Mistoqsija Parlamentari 5196.

Persentaġġ ta' nitrati tad-Demel tal-Baqar li jintefa fir-raba'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irid ikun fih persentaġġ ta' nitrati s-slurry (demel) tal-baqar sabiex ikun aċċettabbli li jintefa fir-raba'? Jista' jgħid meta sar l-istudju, u min għamel dan l-istudju li jiddetermina x'għandu jkun il-persentaġġ ta' nitrati aċċettabbli f'demel tal-baqar biex dan id-demel ikun jista' jitwaddab fir-raba'? Jekk kemm-il darba sar studju, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja ta' dan l-istadju?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li s-slurry għandu kontenut għoli ta’ ilma fejn l-ammont ta' nitrat ikun ivarja b’mod konsiderevoli ma jistax jintuża bħala sors ta’ fertilizzant. Id-demel tal-baqar jista’ jintefa’ bħala sors ta' fertilizzant b’limitu li ma jaqbiżx l-ammont ta 170kg/N/Ha hekk kif inhu stabbilit fid-Direttiva Ewropeja 91/676/EEC u liġi sussidjarja S.L 549.25 u 549.66 u għalhekk m’hemmx għalfejn li jsir studju biex wieħed jara jekk id-demel tal-baqar hux aċċetabbli jew le, għax dan jista’ jintuża waqt l-istaġun miftuħ.

Ħal Qormi – Triq Amleto Spiteri – tindif

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi assistenza sabiex isir it-tindif neċessarju fi Triq Amleto Spiteri f'Ħal Qormi (eżattament il-parti li tinsab indikata fis-site plan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament), liema triq qed jintrema fiha skart abbużiv fosthom karozzi skrapjati, xi ħaġa li ma tixraqx lir-residenti Qriema b'mod speċjali dawk li jgħixu fil-blokka tal-appartamenti biswit l-istess parti tat-triq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tindif ta’ toroq ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirefferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi – bord tat-tmexxija – laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn mindu twaqqfet l-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi (MRA) kemm-il darba il-Bord tat-tmexxja fi ħdan l-istess MRA, kellu laqgħat sena b’sena ? Kemm minn dawn il-laqgħat tal-Bord kienu dejjem preżenti l-membri kollha, u jekk tul il-laqgħat qattx ittieħed vot u jekk iva, kemm-il darba u dwar xiex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Unjoni Ewropea – bdil għal għoti ta’ fondi taħt il-Common Agricultural Policy

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk l-Unjoni Ewropea [UE] hux qed taħseb li tbiddel il-mod kif jingħataw fondi taħt il-Common Agricultural Policy? X’inhu dan it-tibdil? F’liema stadju waslu dawn l-inizjattivi? Dawn kif jaffetwaw lokalment?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħal ma jiġri fit-tħejjija ta’ kull perjodu finanzjarju ġdid tal-UE, anki għall-perjodu 2021-2028 il-Politika Agrikola Komuni tkun suġġetta għal ċertu bidliet kemm fit-tfassil tar-regoli u funzjonament tagħha, kif ukoll u bħal kull politika Ewropea oħra, għal bdil dwar kif din tkun finanzjata mill-baġit Ewropew li jmiss li jissejjaħ il-‘Multiannual Financial Framework’. Filwaqt li fil-każ ta’ bdil tal-politika nnifisha il-Kummissjoni Ewropea sal-llum ippublikat Komunikazzjoni, li mbagħad tiġi segwita fix-xhur li ġejjin bi proposti leġiżlattivi dettaljati, l-aspett finanzjarju jiġi trattat fil-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi u għaldaqstant nirreferieh għall-Ministru kkonċernat. Madanakollu f’dan l-istadju għadu kmieni wisq biex wieħed ikun jista’ jevalwa l-impatt nazzjonali.

Kunsill Lokali Naxxar – proġett tal-inċineratur fiż-Żona tal-Magħtab

Question

Wara li tħabbar li l-proġett tal-inċineratur se jsir fiż-Żona tal-Magħtab, jista’ l-Ministru jara li l-awtoritajiet isejħu laqgħa ta’ informazzjoni u konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali Naxxar kif ukoll tissejjaħ laqgħa pubblika għar-residenti tan-Naxxar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi dejjem kellu fil-ħsieb li fil-mument opportun jagħmel laqgha ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali rispettiv u kwalunkwe laqgħa oħra li jkun hemm bżonn skont iċ-ċirkostanzi.

Iż-Żona tal-Magħtab – proposta tal-inċineratur

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati ma’ studju li sar b’rabta mal-proposta tal-inċineratur li mistenni jinbena fiż-Żona tal-Magħtab?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra numru ta’ rapporti fuq il-materja. Hemm rapport ieħor magħmul mill-Jaspers li jagħmel konklużjonijiet ġeneralment simili iżda rapporti minn din l-entità m’humiex għall-pubblikazzjoni.

Iż-Żona tal-Magħtab – xogħol fuq l-inċineratur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni jinbeda x-xogħol fuq l-inċineratur propost li jsir fiż-Żona tal-Magħtab?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Kif l-Onor. Interpellant jista’ jifhem, proġett bħal dan jirrikjedi ħafna xogħol metikoluż u li jrid isir bir-reqqa kollha inkluż dak preparatorju u ta permessi. Dan ix-xogħol diġà beda. Min-naħa l-oħra x-xogħol fiżiku fuq is-sit mhux mistenni jinbeda qabel tlett snin oħra jew ftit iktar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hu responsabbli, għandha? Jista' jgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 1088.

Xagħra Għawdex – eks miżbla tal-Qortin – żamma ta’ siġar/arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fuq il-manutenzjoni/żamma ta’ siġar/arbuxelli ġewwa l-eks Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex? Jista’ jgħid ukoll ma’ min huma impjegati dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid kemm-il siegħa xogħol saret minn meta tlesta x-xogħol u tħawwlu s-siġar u l-arbuxelli biex kemm dawn kif ukoll l-istess sit jinżammu f’kundizzjoni tajba? Jista’ jgħid jekk matul is-sena 2018 hemmx il-ħsieb li jitħawwlu iktar siġar u arbuxelli f’dan is-sit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm tliet impjegati jieħdu ħsieb il-manutenzjoni/żamma ta’ siġar/arbuxelli ġewwa l-eks Miżbla tal-Qortin fix-Xagħra, Għawdex u dawn il-ħaddiema huma mpjegati mal-kuntrattur. Minn mindu tlesta x-xogħol tar-rijabilitazzjoni u tħawwil ta’ siġar f’Awwissu tal-2014, il-kuntrattur li kien responsabbli minn dan ix-xogħol kellu jibqa' jagħmel ix-xogħol ta’ manutenzjoni u żamma ta’ sigar għal tliet snin. Matul is-sena 2018, m’hemm l-ebda ħsieb biex jitħawwlu iżjed siġar u arbuxelli.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tiegħu, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, ingħataw xogħol b’valur ta’ €4,699.50 Vat Eskluż b’direct orders fuq xiri ta’ kotba, mill-Ministeru tiegħi, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi minn Jannar 2000 sa Marzu 2013.

Bdiewa u Sajjieda – tneħħija ta’ taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda elettorali li saret mill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet li kienet tgħid li “l-bdiewa u s-sajjieda ma jħallsux income tax billi titneħħa t-3% taxxa ikkalkulata fuq il-bejgħ globali”?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Joint Office – bdiewa u raħħala – artijiet/irziezet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li għandu jwassal biex il-bdiewa u r-raħħala li qed jaħdmu art jew għandhom irziezet tal-Gvern u/jew amministrati mill-Joint Office biex ikollhom titlu legali b'saħħtu biex dawn is-setturi jkunu jistgħu jinvestu fir-raba’/irziezet tagħhom? Peress li din kienet waħda mill-wegħdi elettorali kemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista, ma jħossx il-Ministru li din il-wegħda elettorali għandha titwettaq mill-aktar fis possibbli u li għandha tingħata l-prijorità neċessarja?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jagħti l-akbar importanza għall-wegħda li qed jirreferi għaliha u fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ser ikun qed iħabbar il-miżuri li ser jittieħdu fir-rigward.

Trasferiment ta’ raba’ agrikola lill-persuni gradwati mill-MCAST (Ċentru tal-Agrikoltura)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiewa se jkunu jistgħu jibdew jittrasferixxu raba’ agrikolu fuq il-gradwati li jkunu lestew kors mill-MCAST miċ-Ċentru tal-Agrikoltura biex b'hekk aktar żgħażagħ jibdew karriera fl-agrikultura?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li din il-materja tifforma parti mill-wegħda elettorali li hemm referenza għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari 4687. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal din il-Mistoqsija Parlamentari.