Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità dwar it-Trasport — policy document dwar it-toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tħejjiex il-policy document ta' l-Awtorità dwar it-Trasport li se tkun qed tibni t-toroq residenzjali? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma fil-qosor il-punti ewlenin ta' dan id-dokument?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ex-Ħaddiema tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10277, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, u jara għala l-ex ħaddiema tat-tarzna li jaħdmu taħt l-iskema APSL qed jitħallsu bħala skilled labour u mhux bħala ħaddiema tas-sengħa partikolari? Jista' l-Ministru jara l-kaz tal-istess ħaddiem, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Tas-Salib limiti tar-Rabat — Qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Peress li kulma jmur il-provvista tad-dawl single phase fl-inħawi tas-Salib limiti tar-Rabat qed tkun sospiża għal ħin twil ta' spiss b'detriment għall-familji residenti fl-inħawi msemmija u b'riżultat li dan qed joħloq inkonvenjent kemm għal użu personali u anke għall-mestier tax-xogħol tagħhom, jista' l-Gvern jara li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni billi jsir it-three phase għal din iż-żona rurali ħalli tissaħħaħ il-provvista tad-dawl u s-sitwazzjoni għar-residenti tiġi għan-normal? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-qtugħ fis-sistema tal-elettriku dan l-aħħar fl-inħawi msemmija kienet kawża ta’ ħsarat fuq is-sistema ta’ vultaġġ għoli. Dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-estenzjoni ta’ ‘three phase’ fuq is-sistema tal-vultaġġ baxx. Ninsab infurmat li l-Enemalta tkun lesta testendi dan is-servizz ta' three phase kemm il-darba issir applikazzjoni għalih li sa issa m'hemmx.

Eureka — riċerki fir-Reġistru Pubbliku u Land Registry

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ser jiġri mis-servizzi li sal-lum huma kuntrattwati mal-Eureka dwar riċerki fir-Reġistru Pubbliku u l-Land Registry, wara li se jispiċċa l-kuntratt tagħhom f'Ottubru li ġej? Xi pjanijiet hemm u hux il-każ li l-Gvern qed jikkonsidra li jingħaqdu dipartimenti oħra magħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

L-imsemmi kuntratt ma jiskadiex f'Ottobru 2009 iżda f'Marzu 2010. Bħalissa qed isir evalwazzjoni interna biex jiġi deċiż il-pass li jkun imiss.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Awtoritajiet u aġenziji

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri tal-bord ta' kull waħda minnhom? X'inhi r-remunerazzjoni għal kull membru?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Club Regatta ta' Bormla — ranġar tal-art/triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi rranġata l-art/it-triq li hemm mill-monument tal-31 ta' Marzu sal-Club tar-Regatta ta' Bormla, issa li anke f'din il-parti qed ikun hemm irmiġġati jottijiet ta' ċertu daqs?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħsieb huwa li jsir l-embellishment tax-xatt kollu, minn Xatt ir-Risq sa Dock Nr 1, inklużi Pjazza Paolino Vassallo u Gavino Gulia

Haż-Żebbuġ — Xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 5222 u 5890 u jagħti rendikont sena b’sena, tax-xogħlijiet infrastrutturali kollha (inkluż toroq) li saru mill-Gvern Ċentrali f’Ħaż-Żebbuġ, mill-2005 sal-2008? Jista' jagħti lista tax-xogħlijiet infrastrutturali li huma fil-programm tal-Gvern Ċentrali u jagħti l-ordni ta' prijorità tal-istess xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif tikkonċerna l-ADT, l-Enemalta Corporation u l-WSC.

Exemption mir-registration tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm rċieva applikazzjonijiet għal exemption mir-registration tax ta' karozzi ta' persuni li ġejjin jgħixu b’mod permanenti hawn Malta, kemm minn dawn ġew approvati u meta bdew joħorġu it-tweġibiet għal dawn l-applikazzjonijiet? Huwa minnu li dawn iridu jħallsu €50 sabiex jiktbu għal appell jekk dawn jiġu rifjutati minn din l-applikazzjoni ? Dawn il-persuni kemm damu biex jinghataw tweġiba u sadanittant dawn ingħataw l-faċilità li jużaw il-karozza tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, ħlief għall-aħħar parti. Dwar din l-aħħar parti tal-mistoqsija jien infurmat li meta applikazzjoni għall-exemption tkun għadha pendenti, allura jingħata permess biex il-karozza tkun tista' tintuża sakemm l-applikazzjoni tkun deċiża . Iżda jekk l-applikazzjoni tkun rifjutata ma jingħatax permess temporanju għall-użu tal-karozza allavolja jkun sar appell.

Wied il-Għajn — toroq li ġew irranġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien maqbul li jsiru toroq f'Wied il-Għajn fil-leġislatura li għaddiet? Kemm saru minn dawn it-toroq? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità għandhiex programm ta’ xogħol ta’toroq għal Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk dan il-programm ta’ xogħol ma jeżistix x’inhi r-raġuni li m’hemmx dan il-pjan meta hemm bosta toroq li għandhom bżonn ta’ xogħol kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9413.

l-Awtorità dwar it-Trasport ta' Malta — toroq- għoti ta' tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar it-Trasport ta' Malta fasslitx xi pjan differenti milli kien jeżisti qabel dwar dawk li huma toroq li għandhom jingħataw kisja tajba bit-tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-lista ta' toroq residenzjali ma tbiddlitx, waqt li għat-toroq l-oħra, din titbiddel skond l-istat tat-triq u l-finanzi li jkun hemm.

Burmarrad saż-Żebbiegħ — linking function - irranġar

Question

Billi t-triq li twassal minn Burmarrad saż-Żebbiegħ għandha funzjoni importanti bħala linking function u billi f'din it-triq hemm madwar żewġ kilomentri tul li mhumiex tajbin għal użu mill-vetturi, minħabba l-istat tat-triq, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq tingħata wiċċ bit-tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li ninforma lill- Onorevoli Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT, din tikkunsidra li dan ix-xogħol mhux meqjus bħala prijorita’. Sadanittant jibqa’ l-obbligu tal-kunsill lokali rispettiv li jara’ li ssir manutenzjoni bażika f’din it-triq.

Gozo Channel — Sea Worthiness

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni dwar is-sea-worthiness tal-vapuri tal-Gozo Channel u x'kienu r-riżultati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-vapuri tal-Gozo Channel kollha għandhom Passenger Ship Safety Certificate validu, kif mitlub mill-Unjoni Ewropea u leġislazzjoni lokali. Għall-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat, isiru spezzjonijiet, fosthom ta’ sea-worthiness, minn Classification Society rikonoxxuta. L-aħħar spezzjonijiet li saru huma dawn: Jannar 2009 – M.V. Gaudos Frar 2009 – M.V. Ta’ Pinu April 2009 – M.V. Malita

Naxxar — Roundabout - pelican lights

Question

Billi l-pelican lights fil-bypass tan-Naxxar qabel u wara r-roundabout li tieħu għall-Għargħur ilhom li ġew stallati xhur sħaħ u baqgħu ma nxtegħlux, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinxtegħlu? Meta hu mistenni li l-bypass kollha sas-Salina, fil-fatt tinxtegħel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — qtugħ tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'kemm-il lokalità l-Korporazzjoni Enemalta qatgħet il-provvista tal-elettriku f'postijiet pubbliċi u dan minħabba nuqqas ta' qbil bejn il-kunsilli lokali u l-istess Korporazzjoni Enemalta? Liema kienu l-lokalitajiet li ntlaqtu u f'kull każ, x'kienet ir-raġuni għal dak il-qtugħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport — tibdil fid-direttorat tal-liċenzji - informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar tibdil fid-direttorat tal-liċenzji fi ħdan l-Awtorità dwar it-Trasport? X'kien it-tibdil li sar f'dan id-direttorat u kemm kien hemm persuni li ġew affettwati b'riżultat ta' dan it-tibdil? Kemm u x'tip ta' promozzjonijiet seħħew b'riżultat ta' dan il-bdil?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Air Malta — sit elettroniku bil-Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar it-talba li qed issir minn għadd ta' persuni biex l-Air Malta jkollha sit elettroniku bil-Malti, partikolarment in vista tal-fatt illi l-web portal il-ġdid tal-istess kumpannija mniedi fit-12 ta' Ġunju 2007, m'għandux din il-faċilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — impjegati li gradwaw jew ħadu kors l-Università

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-dekasteru tiegħu li huma gradwati mill-Università għaliex segwew kors sponsorjat mill-Gvern? Jista' jgħid meta ggradwaw u liema kors għamlu? Kemm sewa l-kors? Kemm għadhom jaħdmu mal-Gvern, f'liema grad u f'liema dipartiment? Kemm irriżenjaw? Kemm ħadu sponsorship iktar minn darba u f'liema kors u meta? Kemm weħlu mill-eżamijiet tal-kors u allura ma komplewx? Jekk intalbux jirrifondu xi ammonti mħallsa mill-Gvern in konnessjoni ma' l-istudji tagħhom? Kemm kien l-ammont, jekk kien il-każ? Jekk kienx hemm xi impjegat li minkejja li m'għaddiex reġa' beda l-kors sponsorjat għal darb'oħra mill-Gvern? X'kien il-kors relattiv u meta kienet l-intake year u l-grad ta' tali impjegat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma narax il-ħtieġa li nuża r-riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant peress li din trid ammont kbir ta’ ħin sabiex tinġabar.

Ħal Qormi — Triq l-Iżbandola

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9923, jista' l-Ministru jgħid jekk il-problema ta' vultaġġ baxx fi Triq l-Iżbandola, f'Ħal Qormi ġietx solvuta minħabba li għad hemm residenti li qed jilmentaw li l-vultaġġ għadu baxx?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjoni li għamlet l-Enemalta irriżulta li l-vultaġġ fi Triq l-Iżbandola, Ħal-Qormi huwa tajjeb.

Awtorità dwar it-Trasport — eżamijiet u testijiet għal-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-eżamijiet u t-testijiet għal-liċenzja tas-sewqan mil-Awtorità dwar it-Trasport issiru bil-lingwa Maltija biss meta persuni barranin li jgħixu f'Malta u li jkunu qed jaspiraw li jġibu liċenzja tas-sewqan qed isibuha impossibili li jgħaddu minn dan l-eżami jew test minħabba li ma jitkellmux, ma jiktbux u ma jaqrawx bil-lingwa Maltija? Jikkonsidra li l-awtorità tibda tagħmel dawn l-eżamijiet u testijiet bil-lingwa Ingliża ukoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-eżami li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant fil-fatt isir kemm bil-Malti kif wkoll bl-ingliż.