Legislature:
Category:
Reset
Active:

ċittadini li ttieħditilhom l-art

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li l-gvern ħallas lil dawk iċ-ċittadini li ttieħditilhom l-art sabiex jinfetħu toroq? Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li l-gvern se jħallas lil dawk li għadhom jistennew li jsir il-ħlas dovuti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoi Interpellant illi l-proċess tal-ħlas liċ-ċittadini li tteħditilhom l-art sabiex jinfetħu toroq huwa wieħed kontinwu. Minn meta kien hemm emendi fl-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet fis-sena 2003, is-sidien ta’ l-art li ttieħdet mill-Gvern wara din id-data, kollha ġew ikkumpensati kemm-il darba ssottomettew it-titlu tagħhom fuq l-art. Il-kumpens dovut rigward artijiet li ttieħdu qabel l-2003, qiegħed jitħallas skont fondi allokati għal dan il-għan.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — evalwazzjoni ta' tax payers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Taxxi Interni bediex l-evalwazzjoni ta' dawk it-tax payers li meta rċevew kont pendenti ta' snin kbar ilu mid-Dipartiment bagħtu jinfurmaw li t-talba kienet waħda preskritta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dipartiment beda jevalwa l-ittri ta’ dawk it-taxpayers li bi tweġiba għall-ittra li waslitilhom taħt l-Ewwel Fażi tal-Iskema ta’ Tnaqqis fil-Multi kitbu lura lid-dipartiment u li fiha għamlu claim li t-taxxa mitluba kienet saret preskritta. Kif intqal diġà meta tħabbar it-Tieni Fażi tal-Iskema nhar is-7 ta’ Lulju, din l-evalwazzjoni se tiġi reflessa fl-ittri li se jintbgħatu fil-ġimgħat li ġejjin b’konnessjoni mat-Tieni Fażi tal-Iskema.

Kunflitt ta' interess

Question

B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 19114, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 19270 u għid: a) Kemm kien il-valur tax-xogħol mogħti lil BIM Ltd, meta ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax b’sejħa għal tenders jew b’direct order ? b) Kemm kien il-valur tax-xogħol mogħti lil Mediterranean Insurance Brokers, meta ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax b’sejħa għal tenders jew b’direct order ? ċ) Jekk il-persuni msemmija fit-tweġiba, it-tnejn diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta, iddikjarawx l-interess tagħhom f’dawn iż-żewġ kumpaniji msemmija iktar ‘il fuq ? Jekk iva, f’liema stadju għamlu dan u b’liema mod? Jekk le, għaliex ma sarx dan? d) Minn liema data ilhom jokkupaw il-kariga ta’ diretturi fil-Korporazzjoni Enemalta ż-żewġ persuni msemmija fit-tweġiba 19114 ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20028.

Gozo Channel — Ġarr ta' Oil Water

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19166, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li tissemma' fit-tweġiba ngħatatx il-kuntratt tal-ġarr (liquid waste) tal-oil water minn ġol-vapuri tal-Gozo Channel b'direct order jew b'sejħa għal tenders? F'każ li kien hemm sejħa għal tenders min kienu dawk li tefgħu l-offerta tagħhom u x'kien il-valur ta' kull offerta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-kumpanija Gozo Channel ġiet infurmata mill-awtoritajiet kompetenti li l-unika kumpanija liċenzjata f’Malta f’dan it-tip ta’ xogħol hija l-istess kumpanija, dan ix-xogħol ingħata b’direct order.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Infiq f'reklamar fuq il-media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefqu il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar (produzzjoni u reklamar attwali) għal kull sena bejn 2004 u 2010 f'dawn l-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali u pubblikazzjonijiet oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

AirMalta — re-structuring exercise

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern fir-rigward ta' re-structuring exercise li qed jintqal li se jsir fl-Air Malta? X'se jiġri mill-ground handling, ground operations u s-sezzjoni tal-engineering, dawn se jiġu privatizzati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern bħalissa qiegħed jiddiskuti mal-kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja s-sitwazzjoni fl-Air Malta. Id-diskussjonijiet li huma fi stat pjuttost avvanzat, huma komplessi u kunfidenzjali. Għalhekk ma nħossx li hu f’waqtu li nitkellem fuq l-ebda tip ta’ ristrutturar fil-kumpanija qabel ma dawn id-diskussjonijiet jiġu konklużi.

AirMalta — karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha karozzi mikrijin l-Air Malta? Liema sezzjonijiet għandhom karozzi mikrija? Għalxiex jintużaw? Mingħand min qed jinkrew? X'qed jiswew lill-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanr illi n numru ta' karozzi/vetturi mikrija għall-użu tal-Air Malta huwa ta’ 55 u huma mqassma kif jidher fit-tabella hawn taħt. Għal dawn il-vetturi l-kumpanija tħallas € 671.34 kuljum jew € 20,140.20 fix-xahar. Għajr vettura waħda, il-vetturi kollha jinkrew mingħand John’s Garage Ltd u dan wara sejħa pubblika għall-offerti. . Sezzjoni /Departiment Numru ta’ karozzi Ground Operations 16 Flight Operations 3 Engineering 18 Cargo Operations 1 Amministrazioni Generali 17

Air Malta — Management Pilots

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm management pilots fl-Air Malta? Għaliex? Jista' jikkonferma li dawn il-management pilots għandhom mijiet ta' ġranet f'vacation leave pendenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta timpjega sitt “Management Pilots” kif ġej: · Chief Officer Flight Operations & Engineering (Pożizjoni Amministrattiva) · General Manager Flight Operations and Flight Operations Post Holder (pożizjoni mitluba mill-liġi) · Chief Pilot Airbus (Pożizjoni Amministrattiva) · Chief Pilot Training and Training Post Holder (pożizjoni mitluba mill-liġi) · Manager Flight Safety (pożizjoni mitluba mill-liġi) · Manager Quality (pożizjoni mitluba mill-liġi) Dawn għandhom medja ta’ 95 ġurnata leave li ġew akkumulati fuq medda ta’ snin.

Kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn ċekkiijiet ta' kumpens fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma ma setgħux jissarrfu għax ħarġu fuq persuni li ma jgħixux fl-indirizz tal-kont?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li skont l-informazzjoni li għandna, ma kienx hemm każijiet ta' ċekkijiet li ma setgħux jissarfu, minħabba li jkunu ħarġu fuq persuni li ma jgħixux fl-indirizz tal-kont. Sakemm l-isem tal-persuna, kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità huma koretti, iċ-ċekkijiet setgħu jiġu msarfa.

Impjiegi ġodda fil-Gozo Channel,

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilità finali dwar impjiegi ġodda fil-Gozo Channel, jekk hux tal-Ministeru għal Għawdex jew tal-Ministeru tal-Finanzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gozo Channel taqa’ fid-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi.

Nies impjegati mal-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta’ nies impjegati mal-Gozo Channel, xahar b’ xahar, bejn Settembru 2007 u Awwissu 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenti ta' Nazzjonalità barranija — Tariffi tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix sistema differenti ta’ tariffi tad-dawl u l-ilma għal residenti ta’ nazzjonalità barranija li għandhom residenza f’pajjiżna? Jekk iva, jista' jagħti r-raġuni għalxiex teżisti din is-sistema differenti? Jista' jagħti dettalji dwar kif taħdem din is-sistema ta’ tariffi ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20449.

Avviz Legali dwar il-gaming

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi ppubblikat l-Avviz Legali dwar il-gaming li issa ilu mwiegħed xhur sħaħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-avviż legali msemmi ġie ppubblikat fl-4 ta’ Marzu, 2011. (Gazetta tal-Gvern numru 18,715)

Enemalta — xogħol ta' refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Kap Ezekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta għamel xogħol ta’ refurbishment fl-uffiċċju tiegħu ? Jekk iva, jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u jagħti breakdown tal-ispiza li sewa dan ix-xogħol? Jista' jgħid min wettaq dan ix-xogħol u jekk ix-xogħol sarx permezz ta’ sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta għamlet xogħol ta’ refurbishment fl-uffiċini kollha fit-tielet sular u l-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ sular fil-blokk amministrattiv il-Marsa, inkluż l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni. Is-sena d-dieħla x-xogħol sejjer ikompli fit-tieni u l-ewwel sular ukoll. Ix-xogħol qed isir bl-iskop li l-kmamar jiġu miftuħin biex jakkomodaw aktar ħaddiema u jingħataw il-faċilitajiet neċessarji. Sa fejn kien possibbli dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tal-Enemalta stess, però kien hemm waqtiet fejn dan ix-xogħol ried jingħata l-privat għax jew kien speċjaliżżat jew kien hemm iktar milli l-ħaddiema tal-Korporzzjoni setgħu jagħmlu. Ix-xogħol komuni ma jistax jiġi stmat għal kamra waħda, bħat-twaqqiegħ tal-ħitan, tqiegħid tal-madum, installazzjoni tal-eletriku, etċ għax dan ix-xogħol dejjem isir għal sular jew sezzjonijiet sħaħ. Madanakollu ġew miġbura l-ispejjez li saru partikolarment għal dan l-uffiċċju biss kif qed jidher fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Enemalta — investigazzjoni dwar qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-investigazzjoni interna tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-investigazzjoni tal-Pulizija u tal-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-qtugħ ta’ dawl estensiv li kien seħħ fit-18 ta' Novembru 2009? Jista' jagħmel stqarrija ċara u kategorika jekk abbażi ta’ dawn l-investigazzjonijiet il-qtugħ ta’ dawl kienx dovut għal każ ta’ sabutaġġ jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhijiex il-policy tal-Korporazzjoni li tippubblika rapporti nterni. Madanakollu, ma kienx hemm informazzjoni konklussiva li l-każ tat-18 ta’ Novembru 2009 kien wieħed ta’ sabutaġġ.

proċedura biex bdiewa jaqilbu l-qbiela għal lease

Question

Billi ġie rappurtat li l-bdiewa li għandhom qbiela jistgħu jaqilbu l-istess qbiela għal lease, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proċedura li trid tintuża minn min hu interessat li jagħmel din il-bidla? Kemm, sal-lum, kien hemm talbiet biex tkun tista' ssir tali bidla?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li għadha qed tiġi diskussa l-proposta sabiex art bi qbiela tkun tista’ tinqaleb f’kirja fit-tul jew ċens, għad m’hemm l-ebda proċedura stabbilita sabiex issir din il-bidla. Id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern jaf li hemm numru żgħir ta’ talbiet għal dan il-għan, però ma nżammet l-ebda statistika partikulari f’dan ir-rigward. Naturalment, dawn it-talbiet jiġu proċessati meta tiġi stabbilita l-proċedura ta’ kif tista’ ssir din il-bidla wara li jintemmu d-diskussjonijiet li qed isiru flimkien mal-MRRA u wara mal-għaqdiet li jirrapreżentaw il-bdiewa u raħħala.

qtugħ tad-dawl u l-ilma minn kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija responsabbli mill-provvista tad-dawl u l-ilma bagħtet lill-ħaddiema tagħha biex jaqtgħu d-dawl jew l-ilma lil residenti partikolari wara li dawn ikunu naqsu milli jħallsu l-kont tad-dawl u l-ilma bejn Jannar u Diċembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jirriżulta li ntbagħtu 9430 ittra ta’ sospensjoni f’residenzi domestiċi bejn Jannar u Diċembru 2009.

valuri globali fuq affarijiet importati

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni rikjesta hawn taħt: a) X'kien il-valur globali, inkluż VAT ta' importazzjoni ta' armi minn persuni fil-kapaċità personali tagħhom, maqsuma sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009, jew fl-aħħar sena li din il-figura hi magħrufa? b) X'kien il-valur gglobali inkluż VAT, ta' importazzjoni ta' aċċessorji relatati ma' target shooting minn persuni fil-kapaċità personali tagħhom, maqsumin sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija maqsuma f’diversi HS codes u li l-prodotti klassifikati f’dawn l-HS codes jistgħu jinkludu armi u aċċessorji li mhumiex tan-nar. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant ukoll li l-Uffiċċju ma jiġborx statistika dwar persuni li jimpurtaw prodotti (inkluż armi) f’kapacità privata mill-UE mill-1 ta’ Mejju 2004 ’il quddiem. Id-dikjarazzjoni supplimentari (Intrastat) tkopri biss importazzjoni mill-pajjiżi tal-UE li ssir minn persuni u entitajiet li huma rreġistrati mal-VAT. Informazzjoni dwar l-importazzjoni ta’ armi tan-nar ( firearms ) tista’ ukoll tkun disponibbli mill-Kummissarju tal-Pulizija. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — safar uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar safar minn uffiċjali ta' korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2009? Min kien li siefer? X'kienet ir-raġuni wara s-safra u fejn kienet? X'kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

delegazzjoni fil-Golf — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa u min ħallas l-ispejjeż għall-vjaġġ li l-Prim Ministru u delegazzjoni sħiħa għamlu ftit tal-ġimgħat ilu fil-Golf? Minn fejn ġie mikri l-ajruplan użat minn din id-delegazzjoni? Kemm tħallas għall-kiri tal-ajruplan użat minn din id-delegazzjoni? Tista’ tingħata l-lista sħiħa ta’ dawk kollha li kienu fuq dan l-ajruplan f’dan il-vjaġġ kollu u f'isem liema entità u kapaċità kienu jiffurmaw parti minn din id-delegazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kirja ta’ l-ajruplan għaż-żjara fil-Golf saret abbażi ta’ 4 stimi mitluba lil kumpanniji li joffru dan is-servizz. Il-proposta tal-Medavia kienet l-aktar waħda ekonomika u vantaġġjuza bi prezz ta’ €185,000. Kull parteċipant f’din id-delegazzjoni ħallas sehmu għal użu ta’ l-ajruplan u għalhekk is-somma globali ġiet maqsuma bejn il-parteċipanti kollha. Jakkumpanjaw lill Prim Ministru matul din iz-zjara kien hemm 55 persuna li kienu qed jirraprezentaw: 4 Insituzzjonijiet Privati 19 Ministeri u Entitajiet Pubbliċi 24 Intrapriżi 6 Ġurnalisti Il-vjaġġ li għamlu uffiċċjali mill-Ministeru tal-Finanzi, li kienet tifforma parti mid-delegazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru, ġie jiswa lill-Ministeru s-somma ta’ €16,721.22, li tinkludi ħlas ta’ €15,600 għall-kiri tal-ajruplan lil Malta Enterprise li għamlet l-arranġamenti neċessarji. Id-delegazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi kienet iffurmata mill-Onorevoli Ministru, Deputat Kap tas-Segretarjat u l- Communications Co-ordinator.